L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhux indaf” (Mk 7:2). Dan hu l-ilment li jagħmlu l-Fariżej u xi wħud mill-kittieba lil Ġesù fuq id-dixxipli tiegħu. Qagħdu jinnutawhom, u ndunaw li dawn kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhux indaf, jiġifieri mhux maħsulin.

Issa meta aħna nħarsu lura lejn dawn is-snin li għaddew, żgur li tolqotna kemm huwa importanti li naħslu idejna qabel l-ikel u f’mumenti oħra, biex inħarsu s-saħħa tagħna u biex ma nxerrdux mikrobi. Fil-fatt, l-esperjenza qarsa tal-pandemija tal-Covid urietna, aktar u aktar, kemm din hi xi ħaġa essenzjali. Għalhekk, forsi aħna ngħidu: jekk dawn qed jilmentaw fuq hekk, għaliex Ġesù ħadha daqshekk bi kbira, u jgħid dal-kliem kollu meta qalulu li d-dixxipli kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhux maħsulin?

Ir-risposta nsibuha proprju fl-ilment li għamlu dawn il-Fariżej u l-kittieba, għaliex dawn jgħidulu: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom?” (Mk 7:5) Isemmulu l-ħasil tal-idejn, imma fl-Evanġelju jsemmi diversi tradizzjonijiet oħra li kellhom bħall-ħasil tat-tazzi, tal-buqari, tal-ktieli tal-bronż, u affarijiet bħal dawn.

Reazzjoni qawwija

Ġesù jagħmel din ir-reazzjoni qawwija mhux għax hu kontra t-tradizzjonijiet. Anzi, aħna nafu kif Ġesù stess kien isegwi ċerti drawwiet u tradizzjonijiet. U nafu li kull fejn il-bniedem jgħix f’soċjetà, hemm bżonn il-liġijiet, l-ordnijiet u anke t-tradizzjonijiet.

Għaliex Ġesù jwieġeb b’dal-mod hawnhekk fl-Evanġelju? F’sentenza waħda jgħid għaliex, meta lilhom jgħidilhom: “intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin” (Mk 7:8). Fuq dan Ġesù kellu oġġezzjoni. Mhux li dawn kellhom diversi tradizzjonijiet, imma għax mill-esperjenza tiegħu kien qed jara kif dawn in-nies ipoġġu fil-ġenb il-kmandamenti ta’ Alla, ma jagħtux każhom, imbagħad jiffittaw fuq diversi tradizzjonijiet. U nafu li kien hemm diversi episodji fl-Evanġelju fejn Ġesù jwassal l-istess messaġġ. Kif inti twarrab fil-ġenb dak li Alla jrid, imbagħad tiffissa fuq ċerti tradizzjonijiet qishom dawn l-aktar importanti? Ġesù qed jgħidilhom: intom qegħdin tiżvujtaw ir-reliġjon minn dak li hu essenzjali u tagħmluha biss ġabra ta’ riti, tradizzjonijiet u drawwiet.

Għalhekk li qed jgħid Ġesù hu: l-ewwel ħarsu l-kmandamenti ta’ Alla. Kif smajna wkoll fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju, hemm bżonn li aħna nkunu “għorrief u għaqlin” (Dewt 4:6) u nkunu hekk għax inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla. Li jgħid lilhom jgħidu lilna llum: li l-ewwel inqiegħdu l-Kelma ta’ Alla, dak li jrid Alla, il-kmandamenti tiegħu qabel kull ħaġa oħra. Nafu kemm dal-kliem tiegħu jiswa għall-ħajja tagħna u kemm hu rilevanti għall-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Ta’ taħt fuq

Ħa nġib ftit eżempji. Ħu, per eżempju, il-festi reliġjużi tagħna; speċjalment matul is-sajf, ikollna ħafna f’Malta. Kemm huma okkażjonijiet sbieħ! Okkażjoni ta’ mħabba, ta’ għaqda, ta’ komunità li tkun iktar flimkien, ċelebrazzjonijiet bil-ferħ – tieħu gost! Kemm hawn nies li jiddedikaw ruħhom anke b’mod volontarju – tapprezza l-ħidma tagħhom. Dawn huma okkażjonijiet sbieħ.

Aħna għandna l-marċi, per eżempju. Kemm hawn marċi sbieħ fil-festi, u kemm joħolqu atmosfera ta’ ferħ! Issa jekk ikun hemm min jieħu l-marċi, li nkitbu għal okkażjonijiet ta’ ferħ, u jużahom bħala okkażjoni biex jgħajjar, jinsulta, jitkellem ħażin, jitkellem b’mod oxxen. Ġieli jkollok folla nies qed jagħmlu hekk, u jkollok min suppost iwaqqafhom qiegħed ħdejhom b’idejh marbuta. Dawn x’qed jagħmlu? Jieħdu tradizzjoni li hi sabiħa u jibdluha f’xi ħaġa li tmur kontra l-kmandamenti ta’ Alla, li tmur kontra dak li jrid Alla. Qegħdin iwaqqgħu għaż-żufjett lill-istess qaddis jew qaddisa li qed jiċċelebraw, f’okkażjoni li suppost tagħti qima lil dan il-qaddis jew qaddisa.

Dan hu eżempju. Nistgħu nsibu eżempji oħra fil-ħajja tagħna individwali. Per eżempju, jekk xi ħadd jixgħel xemgħa lill-Madonna – ħaġa sabiħa – imma mbagħad kontinwament jidgħi, jitkellem ħażin, ikasbar isimha; jew inkella xi ħadd bil-kuruna tar-rużarju imma mbagħad iqarraq b’ħaddieħor. Jien qed ngħid: mhux għax bniedem jiżbalja u jitlob maħfra – għalhekk għandna s-Sagrament tal-Qrar, u nagħrfu lkoll li aħna midinbin, u nitolbu maħfra lil Alla. Imma min jagħmel minn dawn stil ta’ ħajja. Jiġfieri: il-faċċata biss hi sabiħa, imma ġewwa, fil-qalb, hemm il-ħażen.

Hu għalhekk li Ġesù jgħidilna: ħarsu lejn il-qalb. Ġesù kien qal “mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm” (Lq 6:45), u mill-abbundanza tal-qalb li joħorġu, kif jgħid fl-Evanġelju llum, “il-ħsibijiet il-ħżiena, żina, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha” (Mk 7:21-22). Mill-qalb dan joħroġ. Ma nistgħux aħna nippreżentaw biss faċċata sabiħa.

Hu, per eżempju, fil-ħidma tagħna fis-soċjetà. Jekk xi ħadd jaħdem għal tradizzjonijiet tajbin, imma mbagħad jgħaddi ħajja ta’ qerq, ta’ korruzzjoni, ta’ frodi, u qisu xejn mhu xejn – kemm meta tkun magħrufa u kemm meta jafha biss Alla – qisu xejn mhu xejn! Kif jista’ jkun tippreżenta faċċata sabiħa imma ġewwa hemm dan li jmur kontra l-kmandamenti ta’ Alla? L-istess, jekk xi ħadd iħobb it-tradizzjonijiet sbieħ, anke dawn reliġjużi, imma mbagħad ma jeħodha xejn bi kbira li jiġġustifika l-qtil ta’ ħajja umana li għadha kif bdiet fil-ġuf. Jgħidlek: dawk ftit ċelloli! Imma hemm ukoll qed tmur kontra l-kmandamenti ta’ Alla!

Dak li jiġi l-ewwel

Ġesù jiġbdilna l-attenzjoni kemm hu importanti li aħna naraw dak li hu essenzjali – il-Kelma tiegħu, il-kmandamenti li jrid minna li nsegwuhom. Dawn ikunu l-ewwel. Imbagħad it-tradizzjonijiet l-oħra jiġu frott ta’ ħajja li ngħixu tassew magħquda miegħu.

Din hi l-ħajja ta’ għerf u għaqal li għaliha tħeġġiġna l-Kelma ta’ Alla llum. Nixtieq li nagħmel din it-talba għalina lkoll: biex aħna, kif qal Ġesù, ma nwarrbux il-kmandamenti ta’ Alla biex imbagħad inħarsu d-drawwiet u t-tradizzjonijiet tagħna. Imma l-ewwel dak li jrid Alla, l-ewwel il-kmandamenti tiegħu, imbagħad l-affarijiet l-oħra jkunu espressjoni ta’ dak li ngħixu fil-fidi tagħna. Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina dan l-għerf, jagħtina dan l-għaqal, biex il-Kelma tiegħu tkun dik li tispirana u li tmexxina fit-triq it-tajba f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju