Din is-sena Dun Anġ Seychell għalaq 91 sena u Newsbook Malta żaru biex jiskopri aktar dwaru u dwar il-ħidma tiegħu fi ħdan il-Caritas, id-Dar tal-Kleru u kif f’daru kien wasal biex fetaħ Fondazzjoni Nazareth għall-persuni b’diżabilità.

F’sodda mdawra minn mijiet kbar ta’ kotba, biswit l-uffiċju li kien juża f’daru fiż-Żejtun Dun Anġ kellimna dwar ħajtu u naturalment dwar xi jfissru għalih il-kotba li jħoss li huma dawn li jagħmluk nies. Fl-istess binja llum 30 persuna b’diżabilità jingħataw servizzi u kura minn Fondazzjoni Nazareth.

Jirrakkonta dwar għalfejn hu mlaqqam il-qassis ‘Ta’ Buttuna’; laqam ta’ nannuh li kien jilgħab il-boċċi bil-buttuni, li kien taparsi jilbes ta’ qassis u ta’ tifel li kien bi żball qabbad il-libsa li kellu fuqu! Tkellem dwar it-trobbija li ngħata u kif missieru kien għamel żmien jistaħba fil-vapuri Ingliżi sakemm daħal jaħdem it-Tarzna. Jħobb ħafna żaqqu, l-aktar il-brodu!

Ta’ 23 sena daħal għal saċerdot b’permess speċjali minn Ruma u jħoss li sa minn dejjem ħass il-sejħa li jieħu ħsieb il-persuni b’diżabilità li għalih huma għeżież ħafna. Tant li stqarr, “Għalija jfissru kollox, ilni nħobbhom mindu kont żgħir, ħabbejthom malli sirt qassis, malli sirt naf li hemm persuni b’diżabilità li ma għandhomx min jgħinhom kont indaħħalhom fiċ-ċirku tiegħi, nżurhom regolari, nara x’għandhom bżonn u kont nidħol responsabbli għalihom jiena meta kienu jmutu l-ġenituri tagħhom.” Kompla jgħid li dar il-familji kollha biex isir jaf is-sitwazzjoni bil-fatti.

Ħdejhom kien hemm nies fil-gallarija li kienu ma juruhom lil ħadd għaliex b’diżabilità jew inkella fil-kantina imma fil-pubbliku ma kienu jidhru qatt. Kien f’dan il-kuntest li Dun Anġ beda jaħdem biex dawn il-persuni mċaħħdin mill-ħajja pubblika, anke ta’ nieshom stess, jibdew igawdu minn relazzjonijiet ta’ umani, “ta’ persuni kif jistħoqqilhom u kif għandhom id-dritt illi jkollhom.”

Jistqarr li qeda s-saċerdozju bl-akbar fedeltà u b’sagrifiċċju wkoll imma bi tbissima qal, “il-persuni b’diżabilità ma nafx ma fejn ma ħadthomx: l-Italja, Franza, kull fejn stajt ħadthom miegħi.”

Interessanti li hu kien ukoll ko-fonditur tal-Caritas flimkien ma’ Dun Victor Grech, minkejja li kien hemm min qatgħalu qalbu. “Fija sab il-persuna adattata li seta’ jagħmel ix-xogħol” stqarr Dun Anġ li kompla jgħid li kien l-id il-leminija tiegħu u li mhux talli ħadmu tajjeb ħafna flimkien imma li għadhom ħbieb sa llum. Jiringrazzja l-Alla li laqqgħu miegħu u ħadem miegħu.

Hu kien ukoll strumentali fit-twaqqif tad-Dar tal-Kleru f’Birkirakara fejn illum hemm id-dar tal-mistrieħ għas-saċerdoti anzjani u rtirati. Din inbniet mill-familja Grima bil-flus u l-ġenerożità taż-Żwieten.

Il-vokazzjoni tiegħu ħalliet ħafna frott. Is-sigriet ta’ ħajtu jħoss li kien li dejjem afda f’Alla fil-fatt qal, “Alla jfisser kollox, mingħajru ma nagħmel xejn, il-motiv huwa Hu, lilU nfittex jien biex nanima l-aspirazzjonijiet li għandi. Kull ma għamilt, għamiltu għax talabni Hu. Ma jiddispjaċinix li kont fidil lejn l-ispirazzjonijiet tiegħu.”

Sors: Newsbook Malta