L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ngħid għalija ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu li bih id-dinja hija msallba għalija u jien għad-dinja” (Gal 6:14). Dan il-kliem mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin għexu San Franġisk matul il-mixja ta’ ħajtu, bl-għażliet li għamel kontinwament, u hu kliem li ġie ssiġillat b’mod speċjali bl-għoti tal-Istimmati – il-pjagi li hu rċieva fuq il-Muntanja La Verna madwar sentejn qabel ma miet.
Qegħdin proprju tmien mitt sena – fis-17 ta’ Settembru ta’ din is-sena – minn din il-ġrajja hekk kbira, u huwa xieraq illum, aħna u niċċelebraw il-festa ta’ San Franġisk f’din il-parroċċa, li niffokaw aktar fuq it-tifsira ta’ din il-ġrajja. Dak inhar Franġisku kien tela’ La Verna b’toqol f’qalbu. Kien għaddej minn żmien diffiċli u ta’ għeja. Kien qed ibati fiżikament mill-mard, imma kien qed ibati wkoll minħabba r-relazzjoni ma’ wħud minn ħutu patrijiet u l-inċertezza dwar il-futur tal-Ordni. Franġisku ried li jkun waħdu mal-Mulej, waħdu fit-talb u l-kontemplazzjoni, biex fih isib tassew dak li jimla l-qalb tiegħu. Ried li tkun tassew esperjenza tassew spiritwali, u għalhekk ħejja ruħu wkoll bis-sawm.
Hemm, f’La Verna, jagħmel żewġ talbiet: l-ewwel li jħoss kemm hu possibbli t-tbatija li Ġesù ħass fuq is-salib, u t-tieni li jħoss l-imħabba kbira ta’ Ġesù fuq is-salib. B’risposta għal dawn it-talbiet tiegħu, kellu l-grazzja speċjali li jingħata l-pjagi f’idejh, f’riġlejh u fil-kustat biex iseħbuh bis-sħiħ mat-tbatija ta’ Kristu Msallab u mal-imħabba kbira tiegħu li wasslitu biex jagħti ħajtu fuq is-salib. Kif għedna fit-talba tal-bidu: “O Alla, int ġeddidt b’mod speċjali s-sinjali tal-Passjoni ta’ Ibnek fil-ġisem ta’ San Franġisk”. Għal Franġisku, il-pjagi kienu jfissru tbatija, imma tbatija li tfisser imħabba.
X’messaġġ tagħtina għal ħajjitna llum din il-festa meta qegħdin infakkru b’mod speċjali l-għoti tal-pjagi lil San Franġisk? Nixtieq insemmi dawn it-tliet punti.
Ħaġa waħda ma’ Kristu msallab
Il-pjagi jfakkruna fi Kristu Msallab li miegħu San Franġisk kien ħaġa waħda, sa mill-ewwel mument tal-ħarsa ta’ Ġesù mis-salib tal-Knisja ta’ San Damjan. Għalhekk il-messaġġ importanti li jagħtina San Franġisk hu li rridu dejjem inżommu ħarsitna fuq Kristu msallab. Lejh inħarsu u warajh nimxu l-jiem kollha ta’ ħajjitna. Huwa hu t-Triq, il-Verità, il-Ħajja.
Il-pjagi ta’ Kristu huma r-riżultat tal-vjolenza, tal-mibegħda, tal-egoiżmu, tal-qerq, tat-tradiment, tal-abbuż tan-nies – dan kollu narawh fir-rakkont tal-Passjoni. Imma l-pjagi huma wkoll il-mezz li bih Kristu jsalva. Isalva billi bl-imħabba bla tmiem tiegħu jibdel u jittrasforma l-ħażin f’tajjeb, b’mod li juri li hi l-imħabba li tirbaħ. Kristu Rxoxt jibqa’ juri l-pjagi fil-ġisem glorjuż tiegħu meta jidher lill-appostli, u jrid li aħna narawhom biex inkunu nafu b’liema mod salvana. Huwa Kristu rebbieħ li jista’ jsalvana. Bil-ġrieħi tiegħu ksibna l-fejqan tagħna, mill-pjagi tinbet ħajja ġdida.
San Franġisk ifakkarna fir-realtà ta’ ħajja ġdida li jagħtina Kristu frott tal-pjagi. Il-pjagi jfissru t-tama ta’ ħajja ġdida. Quddiem il-Kurċifiss, għalhekk, inħallu lil Kristu jħares lejna, iħobbna, jaħfrilna, u jagħmilna ħolqien ġdid bi mħabbtu.
Ir-realtà li qed ngħixu llum
Il-pjagi jfakkruna wkoll fir-realtà li qed ngħixu fis-soċjetà fi żminijietna. Il-pjagi li naraw fil-ħajja tas-soċjetà huma wkoll riżultat tal-vjolenza, tal-mibegħda, tal-egoiżmu, tal-qerq, tat-tradiment tan-nies, tal-abbuż. Imma San Franġisk, li tant kien ħaġa waħda ma’ Kristu msallab, kellu l-kuraġġ li jieħu azzjoni, li jittrasforma l-ħażin f’tajjeb.
Għalhekk insibuh lil San Franġisk strument tal-paċi ta’ Alla f’dinja li teżalta l-vjolenza, ixerred l-imħabba fejn hemm il-mibegħda, id-dawl fejn hemm id-dlam, it-tifħir u l-protezzjoni tal-ħolqien fejn hemm it-tkasbir u l-qerda ta’ dak li Alla tana biex nieħdu ħsiebu, l-għożża tal-ħajja umana u tad-dinjità tal-bniedem, speċjalment ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, fejn hemm l-abbuż. Lil San Franġisk insibuh ħabbar tat-tama f’dinja ta’ qtigħ il-qalb.
Lilna wkoll isejħilna biex inkunu ħabbara tat-tama fir-realtà ta’ ħajjitna, u b’dak li ngħidu u nagħmlu, nittrasformaw il-ħażin f’tajjeb.
Ir-realtà fil-ħajja tal-Knisja
Il-pjagi jfakkruna fir-realtà li qed ngħixu llum fil-Knisja. Il-pjagi ta’ Kristu kienu wkoll frott tat-tradiment ta’ nies li kienu dixxipli tiegħu u l-pjagi li naraw fil-ħajja tal-Knisja huma wkoll riżultat tat-tradiment, u ta’ qalb korrotta li tnawwar minn ġewwa.
San Franġisk, fil-Knisja ta’ San Damjan, kien imsejjaħ minn Kristu biex jerġa’ jibni mill-ġdid il-Knisja li kienet qed tiġġarraf, biex jaħdem għat-tiġdid tal-Knisja. Hu ħadem bis-sħiħ biex il-Knisja tkun dejjem aktar il-Knisja kif riedha Ġesù: Knisja ħielsa minn dak li jista’ jikkorrompiha u mill-abbuż, u Knisja fejn id-dixxipli ta’ Ġesù ma jħarsux lejn xulxin bħala għedewwa jew jehdew bil-piki, bil-konflitti u jweġġgħu lil xulxin bi kliemhom.
L-ispirtu ta’ San Franġisk jgħinna negħlbu dan il-ħażen li jtebba’ l-Knisja. Jgħinna nxerrdu madwarna fil-komunità l-imħabba u l-paċi ta’ Kristu Rxoxt – Kristu li għandu l-pjagi imma li ttrasforma l-pjagi f’mezz ta’ salvazzjoni.
Aħna u niċċelebraw illum il-festa ta’ dan il-qaddis kbir f’din il-parroċċa għażiża tal-Qawra, speċjalment aħna u nfakkru l-għoti tal-pjagi lilu, nitolbu lill-Mulej biex fina wkoll inissel l-ispirtu tiegħu. San Franġisk sab l-għeruq dejjem fl-imħabba ta’ Alla, li lilu kien ifaħħar dejjem. Hi biss din l-imħabba li tista’ tgħinna biex inkunu magħqudin tassew ma’ Kristu Msallab fit-tbatija tiegħu biex nistgħu nissieħbu miegħu wkoll fil-glorja tal-Qawmien.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju