Fl-2009, 140 pajjiż li qed jiżviluppaw ibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja allokata mill-Kummissjoni Ewropea għal għajnuniet umanitarji u koperazzjoni. Il-Kumitat Eżekuttiv ta’ Barroso adotta r-rapport dwar l-għajnuniet esterni tal-2010, li jekk wieħed jgħodd kollox, jammontaw għal madwar 12-il biljun ewro. Dawn mill-baġit annwali totali ta’ 143 biljun ewro.
Aktar minn hekk, pjani ġodda kienu adottati s-sena li għaddiet, bħall-‘Food Aid’, ‘Flex Vulnerability’ (jiġifieri sapport lill-baġits nazzjonali) uFast Start’ (bidla fil-klima). Il-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs spjega li “l-Kummissjoni aġixxiet b’ħeffa sabiex tiffaċċja l-problemi li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika fl-iktar pajjiżi vulnerabbli”.
Huwa kompla jgħid li l-UE tejbet l-għodda u l-effettivita tagħha. Issokta li għajnuniet finanzjarji kienu allokati għal-Lvant tal-Ewropa, il-pajjiżi tal-Balkani, l-Afrika, l-Lvant Nofsani, l-Asja, l-Amerika Latina u Oċeanja. Fl-2009, il-fondi tal-UE immaniġġjati mill-Kummissjoni kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom allokati għall-‘infrastruttura soċjali’ (edukazzjoni, saħħa u s-soċjeta) valur ta’ 34% mill-fondi jew 4 biljun ewro. Fondi oħra marru għall-agrikoltura, it-trasport u l-enerġija.