• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Is-Seminarju, Tal-Virtu, ir-Rabat

    19 ta’ Mejju 2017

    “Kull ma smajt mingħand Missieri, jiena għarraftulkom” (Ġw 15, 15).  L-ewwel atteġġjament li juża’ Ġesù, kull Nisrani, biex jiddeskrivi lilu nifsu, huwa l-atteġġjament tas-smigħ: “Kull ma smajt mingħand Missieri”.

    Dan l-atteġġjament huwa atteġġjament ta’ ubbidjenza. “Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi biex jiena nagħmel ir-rieda tiegħu”. Meta d-dixxipli, fit-tieni kapitlu tal-istess Evanġelju ta’ San Ġwann, jistaqsuh dwar l-ikel, jgħidilhom: “jiena għandi ikel li nagħmel ir-rieda ta’ Missieri, ir-rieda ta’ min bagħatni”. Ġesù jikkonferma l-ubbidjenza fil-bidu tal-ministeru tiegħu f’konflitt dirett ma’ Satana, il-missjoni tiegħu hija li jagħmel ir-rieda tal-Missier “mhux kif irrid jien, imma kif trid int” (Mt 26, 39). L-atteġġjament tas-smigħ allura mhuwiex biss kwistjoni ta’ perċezzjoni li inti tisma’ l-ħoss, tifhem x’inhu jingħad, imma li tobdi, “ob audire”. L-ubbidjenza hija s-smigħ li ssir fil-prattika: “kull ma smajt mingħand Missieri, jiena għarraftulkom”.  U aħna llum nirringrazzjaw lill-Mulej talli qal ħafna dak li sema’ mingħand il-Missier. Għandu dritt jgħidilna: “min jisma’ lili jisma’ lill-Missieri”. Jasal biex jgħid ukoll li min jisma’ lilkom, jisma’ lili. 

    Mela s-smigħ huwa b’xi mod dak li jagħmilna l-komunità li aħna. Il-komunità li fil-bidu, fit-twelid tagħha tisma’ dik l-istedina: “isma’ O Israel, xemà Jsrael, isma’ O Israel” (Dt 6, 4). Hu għalhekk meta s-saċerdot jiddikjara l-kelma tal-Mulej jgħidilna: “il-Mulej magħkom” u aħna ngħidulu: “u miegħek ukoll”. F’dak il-mument aħna nsiru l-komunità li tisma’. Bħalma qabel l-Ewkaristija, jerġa’ jirrepeti: “il-Mulej magħkom” u aħna ngħidulu: “u miegħek ukoll” u nsiru l-komunità li qiegħda toffri lill-Missier il-ġisem u d-demm ta’ Ġesù.  

    Illum intom qegħdin imsejħin fil-Ministeru tal-Lettorat biex tifhmu l-istedina profonda li tgħinu lill-Knisja tkompli tkun komunità li tisma’ u tagħmel dak li tisma’, li twasslu lill-komunità mill-grazzja tas-smigħ għall-grazzja tal-ubbidjenza.   

    Atteġġjament ieħor huwa dak li tagħti ħajtek: “ħadd ma għandu mħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għall-ħbiebu” (Ġw 15, 13). U min ixandar il-Kelma jrid jagħti ħajtu billi jxandarha dejjem u kullimkien anke meta l-widnejn tal-bnedmin donnhom jittarrxu, donnhom iridu jieklu ħaj li min qiegħed iwassalha. Ħadd mhu se jemmnek jekk inti minkejja li inti midneb, ma tippruvax bis-serjetà tgħix il-Kelma li jitlob Alla. Bħalma tagħmel il-Knisja llum u se tkompli tfakkrek f’kull ordinazzjoni, il-Kelma li tagħtik huwa teżor kbir li se ġġorru fil-ġarra tal-fuħħar li hija qalbek, u dan huwa teżor ħafna ikbar minnek, huwa l-ktieb li meta – biex nużaw il-kelma tal-profeta, ikkonfermata mill-Apokalissi – inti tieħu kull ħelu mbagħad isirlek morr. Il-Kelma tagħtik konsolazzjoni kbira imma biex ixxandarha hemm prezz għoli li trid tħallas, li tagħti ħajtek għall-Mulej.

    Il-Mulej “ma jsejjħilkomx aktar qaddejja għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu,  qed isejjħilkom ħbieb” (v. 15). Imma intom xorta tibqgħu qaddejja għaliex ftit qabel dan il-kliem, Ġesù neża’ l-mantar u ħasel riġlejn id-dixxipli u qalilhom: “Jien l-Imgħallem u l-Mulej, ħsiltilkom saqajkom, hekk għandkom tagħmlu lil xulxin għax jien ma ġejtx biex inkun moqdi, imma biex naqdi” (ara Ġw 13,13-14). Imma intom m’intomx sempliċement qaddejja li ma tafux x’jagħmel sidhom, intom ħbieb, intom minn ta’ ġewwa. Il-kelma tiegħu trid tkun tagħti t-togħma lill-ġurnata tagħkom.

    Illum tirċievu s-sejħa u l-mandat li tixtarru l-kelma tal-Mulej u li ssir il-ħajja tagħkom, il-kelma tal-faraġ, il-kelma tal-ħajja tagħkom. Tgħallimt, meta kont tal-età tagħkom li l-ewwel prova tal-Evanġelju hija li tgħixu. Mara kbira kienet tinsisti fuq din il-ħaġa u kellha raġun. Hi li għexet dinja ta’ polemika kbira skopriet li l-unika prova tal-verità tal-Evanġelju hija li tagħtih iċ-ċans li tgħixu u meta tibda tgħixu tirrealizza kemm hu veru. U dan huwa l-aħħar ħsieb li nixtieq nagħtikom illum: li l-Kelma tal-ħajja ssir Kelma ta’ ħajjitkom.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Agħfas hawn biex tara r-ritratti tal-għoti tal-Ministeru tal-Lettorat.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja