L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fl-ewwel jum tal-ġimgħa dakinhar tal-irxoxt, wara li d-dixxipli ta’ Għemmaws kienu rritornaw lejn sħabhom u tgħarrfu lill-oħrajn x’kien ġralhom u kif għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż, Ġesù nnifsu jieqaf f’nofs id-dixxipli tiegħu u jagħtihom l-ikbar tislima: “Is-sliem għalikom” (Lq 24:36) jew inkella, kif nafuha u kif nużaw ukoll fil-Liturġija: il-Paċi Magħkom. Din hija t-tislima ta’ Kristu rxoxt, it-tislima li biha l-isqof fl-Ewkaristija jsellem lil poplu ta’ Alla għax hija t-tislima ta’ Ġesù stess. Il-kelma ‘sliem’ jew il-‘paċi’ huma l-ikbar don tal-irxoxt.
Dan l-Evanġelju jispiċċa b’missjoni importanti li tingħata lid-dixxipli kollha: “Intom xhud ta’ dan” (Lq 24:48). Ta’ xiex aħna xhieda? L-ewwel nett aħna xhieda ta’ dan id-don kbir li jagħti Kristu rxoxt: is-sliem, il-paċi. Imma aħna wkoll xhieda li Ġesù fil-glorja tiegħu rxuxtat għadu wkoll jgħożż u jġib il-pjagi f’idejh, fil-kustat u f’riġlejh. Fil-fatt biex jikkonferma l-identità tiegħu, dan hu li juri lid-dixxipli tiegħu: urihom idejh u riġlejh. Lil Tumas ’l quddiem jgħidlu: “Midd idek u poġġiha fuq il-pjaga tal-kustat tiegħi” (ara Ġw 20:27).
Ġesù jinsisti wkoll li l-ħerqa tiegħu li huwa jkun f’intimità magħna. Huma jifirħu meta jgħarfu lill-Mulej anke permezz tal-pjagi tiegħu imma jifirħu iżjed meta hu jiddeċiedi jiekol magħhom. “Kielha quddiemhom” (Lq 24:43) din il-biċċa ħuta mixwija. Dan ifisser li Ġesù huwa magħna anke fl-intimità tal-ikla tal-aħwa. U jispjegalhom li kellu jbati u jerġa’ jqum mill-mewt. U hekk kellhom iseħħu l-Iskrittura dak kollu li nkiteb fuqu “fil-Liġi ta’ Mosè, fil-profeti u fis-Salmi” (Lq 24:44).
U dan il-mument Ġesù mhux biss jagħti l-paċi, l-għarfien tal-pjagi divini tiegħu, l-intimità miegħu fl-ikla tal-aħwa imma wkoll jagħti lid-dixxipli, lill-Knisja, moħħ biex tifhem l-Iskrittura: “Fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura” (Lq 24: 45). Hu jħabbar forsi l-għerq ta’ kull paċi: “L-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’isem Ġesù lill-ġnus kollha” (Lq 24:47).
Aħna xhieda ta’ dan kollu. It-talba tagħna llum hija li aħna nkunu xhieda mhux biss bil-kelma li nwasslu imma l-iżjed bil-ħajja li ngħixu. Min jiltaqa’ magħna, jagħraf li fina tgħammar il-paċi, fina jgħammar is-sliem li jagħtina Ġesù?
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 3, 11-26
Salm: 8, 2a u 5.6-7.8-9
Evanġelju: Lq 24, 35-48