• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    18 ta’ April 2019

    “Lilkom isejħulkom: ‘il-qassisin tal-Mulej, qaddejja ta’ Alla tagħna’ jsemmukom’” (Iż 61:6). Dawn il-kliem mill-profezija ta’ Iżaija nisimgħuhom bħal-lum mit-talba li jseħħu fil-qalb u fir-ruħ ta’ kull wieħed minna individwalment u bħala presbiterju madwar l-isqof li l-Mulej ikun għażel għad-djoċesi f’dak il-mument. “Lilkom isejħulkom ‘il-qassisin tal-Mulej, qaddejja ta’ Alla tagħna’”.

    Ta’ min nirriflettu fuq dawn iż-żewġ titli: qassisin u qaddejja. Aħna magħżulin u msejħin biex inkunu qaddejja. Is-saċerdozju tagħna huwa għażla preferenzjali tal-Mulej; mhuwiex tieqa miftuħa għal sens ta’ privileġġ imma aħna ma nistgħux niċħdu l-ħarsa tal-Mulej li ħarset b’ħarsa ta’ ħniena lejn il-miżerja tagħna u għażlitna. Niftakru biss biss il-kummentarju tal-Venerabbli San Beda fuq is-sejħa ta’ Mattew li hija tant għażiża għall-Papa Franġisku: miserando atque eligendo (jagħżilni waqt li jħenn għalija). Dik hija l-ħarsa tal-għażla, mhijiex il-bażi tal-klerikaliżmu li tant ingaraw lil xulxin meta nkunu rrabjati għal xulxin, imma hija l-għażla tal-ħniena ta’ Alla li jħares lejn l-umanità u dejjem għandu bżonn qaddejja tiegħu u tal-poplu. “Lilkom isejħulkom ‘il-qassisin tal-Mulej, qaddejja ta’ Alla tagħna’ isemmukom”.


    Kif jagħrufna li aħna qaddejja tal-Mulej?

    Imma x’jagħmilna verament qassisin u qaddejja? Hija l-fatt li min jarana jagħrafna li aħna nisel imbierek mill-Mulej. Hekk tgħid illum il-profezija ta’ Iżaija: “Kull min jarahom, jagħrafhom li huma nisel imbierek mill-Mulej” (Iż 61:9). U kif se jagħrfuna? Kif se nkunu aħna nisel imbierek mill-Mulej? L-ewwel nett billi naċċettaw li l-Mulej hu għalina salvatur. Ħafna drabi nieqfu fuq il-fatt li aħna nipparteċipaw mill-konsagrazzjoni tal-Mulej, nipparteċipaw mill-missjoni tiegħu ta’ profeta, ta’ qassis u ta’ qaddej. It-talba tal-Knisja dalgħodu tfakkarna f’din ir-realtà li fl-istess ħin hija l-vokazzjoni partikulari ta’ kull imgħammed imma b’mod partikulari tagħna s-saċerdoti. Aħna għandna sehem mill-konsagrazzjoni tiegħu.

    Kif nista’ nkun xhud tal-fidwa għall-bnedmin jekk m’għandix il-paċi u l-ferħ ta’ min hu mifdi?

    Imma x’inhi t-talba li tagħmel fuqna l-Knisja? Li aħna nkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja; li aħna nkunu martri, xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja. Imma kif nixhed għall-fidwa jekk jiena m’iniex mifdi, jekk m’iniex qed ngħix il-fidwa li l-Mulej qala’ bid-demm imqaddes tiegħu? Hu li xerred demmu għall-kotra, għandu għatx biex isalvani, għandu għatx biex jifdini. Tgħidli: ‘Diġà fdieni, diġà ħallas għad-dnubiet tiegħi’. Hekku, imma din il-fidwa qed nilqagħha fil-ħajja tieghi? Din is-salvazzjoni qiegħda tgħidli xi ħaġa? Kif nista’ nkun xhud tal-fidwa għall-bnedmin jekk m’għandix il-paċi u l-ferħ ta’ min hu mifdi? Jekk min iħares lejja minflok qalb tgħum fil-paċi jiltaqa’ ma qalb mimlija mrar, rabja, frustrazzjoni u qtigħ il-qalb? Min jiltaqa’ magħna qed jiltaqa’ ma’ xhud tal-fidwa ta’ Alla? Li għalkemm konxju mid-dnub tiegħu, mid-dgħufija tiegħu u kontinwament midjun mal-ħniena ta’Alla, jgħum fil-paċi tal-midneb maħfur. Meta staqsew lil Papa Franġisku: ‘int min int?’, ma tahomx il-lista tad-degrees u wisq inqas tal-onorifiċenzi, qalilhom: ‘Jiena midneb maħfur’. Min jiltaqa’ magħna ħafna drabi jara l-midneb għax ma nistgħux ninħbew wara subagħajna. Imma ejjew nagħtu ċans ukoll lill-poplu tagħna waqt li jara l-midneb, jara wkoll is-sinjali tal-maħfra.


    Il-Mulej il-milja tas-saċerdozju

    Għalhekk ħafna drabi rridu nirbħu t-tentazzjoni tagħna li naħsbu li l-konsagrazzjoni u l-missjoni tagħna hija ad extra, li aħna qaddejja biex inwasslu xi ħaġa lil xi ħadd. Imma din ix-xi ħaġa, il-fidwa ta’ Ġesu lilna missitna? L-ilma tal-Magħudija li ħasilna fir-ruħ ġewwinija tagħna, x’effett għandu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum? Jew aħna bħall-papri? Li anke l-ilma tal-Magħmudija jiżloq minna ħelu ħelu kemm jista’ jkun malajr?

    Aħna qed inħossuh dan il-bżonn radikali ta’ Alla?

    “L-ispirtu tal-Mulej fuqi għax il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4:18). Aħna għandna radikali li nħossuna fqajrin quddiem Alla. Aħna għandna bżonn li jkollna bżonn radikali ta’ Alla. It-talba li aħna nirrepetu mit-tagħlim ta’ San Ġorġ Preca tgħodd l-ewwel nett għalija u għalik ħija fis-saċerdozju. “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Aħna qed inħossuh dan il-bżonn radikali ta’ Alla? Qegħdin infittxuh fit-talb? Jew it-talb sar appendiċi, jekk ikolli ħin u meta jkolli ħin? Donnu sar lussu fil-ħajja tagħna mentri  huwa l-qalb tal-missjoni tagħna għaliex jiena u nitlob qiegħed nammetti eżistenzjalment b’ruħi u ġismi li lil Alla għandi bżonnu. Għandi bżonnu għaliex hu li bagħatni ndewwi l-qalb miksura, għandi bżonnu biex idewwi lil qalbi miksura. Kemm hi ħaġa sabiħa li jiena lil Ġesu nagħrfu bħala dak li jdewwili l-qalb niksura u b’hekk b’umiltà kbira, jiena li jiena midneb u miġruħ, inkun nista’ naħfer id-dnub tal-poplu u ndewwi l-ġerħat kiefra tiegħu.

    Imma l-Mulej irid jibda minni u jiena rrid inħallih jibda minni; irrid inħallih idewwili l-qalb miksura tiegħi, iħallini jeħlisni mill-jasar tal-vizzji tiegħi, tal-ambizzjonijiet frivoli u fiergħa tiegħi, tal-pretensjonjiet tiegħi, tal-karririżmu, li hu velenu u pjaga fil-kleru kullimkien.

    Il-Mulej irid joħroġni mill-ħabs ta’ idea ta’ Knisja magħluqa, mill-ħabs tar-riġidità fejn nuża d-Duttrina tal-Knisja biex inwaddab il-ġebel u mhux biex infarraġ lill-proxxmu. Il-Mulej iridna fidili u leali għax hu x-xhud fidil. Hekk jiġi ppreżentat lilna quddiemna mill-Ktieb tal-Apokalissi llum: ix-xħud fidil, il-martri fidil. U jesiġi minna, ibda mill-isqof, fedeltà għall-Kelma tiegħu u għat-tagħlim tal-Knisja. F’kull mument, l-iżjed fil-mumenti diffiċli, jesiġi minna din il-ħaġa imma jitlob li quddiem il-poplu tagħna aħna nkunu nies li nwasslu bxara tajba u mhux kull meta jarawna jieħdu qata’. Jgħidu: ‘Ġej hu, ħa jiftaħ ħalqu’. Mhux qed ngħid li aħna m’għandniex inkunu sinjal li jmeruna. Fost it-titli kollha ta’ Ġesu, forsi dan huwa l-iżjed wieħed attwali: sinjal li jmeruh. Dan huwa d-destin tagħna għax id-destin tagħna huwa d-destin ta’ Ġesu fid-dinja llum. Imma aħna għandna bżonn il-fidwa daqskemm għandu bżonn il-fidwa l-poplu għażiż li aħna qaddej tiegħu.


    Il-ħniena tal-Mulej

    L-isem ‘David’ ifisser il-maħbub tal-Mulej. “Sibt lil David qaddej tiegħi, biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu. Tkun idi dejjem miegħu u nsaħħu wkoll bi driegħi” (Salm 88:21). Din hi l-wegħda li l-Mulej jagħmel lil kull wieħed minna llum. Aħna maħbubin mill-Mulej, aħna qaddejja tiegħu, aħna midluka biż-żejt imqaddes. Il-Mulej qiegħed iwegħedna ħarsien, protezzjoni u gwida. “Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tjieba tiegħi; b’ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu” (Salm 88:25). Il-fedeltà, it-tjieba u l-qawwa tal-Mulej jidhru fina f’kelma waħda, f’realtà waħda, li hija l-ħniena. Jekk trid tifhem kemm hu fidil miegħek il-Mulej, kemm hu tajjeb miegħek il-Mulej, kemm hu qawwi miegħek il-Mulej, ftakar f’kemm-il darba jħenn għalik.

    “Hu jsejjaħli: inti missieri u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!” (Salm 88:27). Dawn il-kliem ta’ Salm 88 li l-Knisja tagħżel għal din il-liturġija llum iridu jkunu t-talba tagħna fundamentali. Inħarsu lejn il-Mulej u b’qalb imġedda ngħidulu: “Inti Missieri” kif għallimna Ġesu fit-talba tiegħu, “Alla tiegħi”. Se nwarrab l-allat foloz għax int Alla tiegħi; mhux se nipprova nistkenn fil-ftaħir fieragħ tal-bnedmin, fil-likes fuq Facebook, għax il-ħarsien tiegħi huwa int. Int l-fortizza tiegħi u jiena li jiena bniedem dgħajjef u midneb, għandi bżonnok bħala s-salvatur tiegħi, inti s-salvazzjoni tiegħi. “Lilkom isejħulkom: ‘il-qassisin tal-Mulej, qaddejja ta’ Alla tagħna’ jsemmukom’ … kull min jarahom jagħrafhom li huma nisel imbierek mill-Mulej” (Iż 61: 5.9).

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti