Missio Malta jinsab fl-aħħar preparamenti sabiex jiċċelebra l-Jum Dinji Missjunarju nhar il-Ħadd 22 t’Ottubru 2023. Iċ-ċelebrazzjoni, li se tixħet dawl fuq il-ħidma ta’ missjunarji madwar id-dinja li jwettqu xogħol siewi grazzi għas-sostenn ta’ Missio Malta, se tieħu forma ta’ ‘Villaġġ tal-Missjoni’ fil-pjazza prinċipali tar-Rabat, Malta, quddiem il-Knisja Kolleġġjata Bażilika ddedikata lil San Pawl.
“Din is-sena, Papa Franġisku stedinna sabiex nieħdu mpenn aktar profond lejn il-ħidma missjunarja, hekk kif kull Nisrani huwa msejjaħ għall-ħajja missjunarja. Filwaqt li naċċettaw l-istedina li jkollna qalbna mħeġġa u saqajna mexjin, Missio Malta se jiċċelebra l-Jum Dinji Missjunarju, filwaqt li jxandar il-messaġġ tal-Vanġelu. Din is-sena, il-messaġġ huwa iktar b’saħħtu hekk kif se nkunu qed norganizzaw il-‘Villaġġ tal-Missjoni’ propju quddiem il-Grotta ta’ San Pawl Appostlu, il-Patrun tal-Missjunarji, fejn huwa qatta’ tliet xhur magħna jipprietka l-imħabba ta’ Kristu. Ejjew inkunu ispirati minn dawn il-ġrajjiet, sabiex nibqgħu naħdmu u ngħinu lil min huwa fil-bżonn,” qal id-Direttur Nazzjonali ta’ Missio Rev. Victor Agius.
Il-Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta, is-Sur Robert Farrugia, qal li l-Jum Dinji Missjunarju huwa okkażjoni oħra għal Missio Malta li jaqsam mal-pubbliku Malti l-entużjażmu li jgħin persuni f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.
“Il-Jum Dinji Missjunarju huwa l-qofol ta’ sena sħiħa mimlija ħidma, li tagħmel id-differenza fil-ħajjiet ta’ eluf ta’ nies fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika t’Isfel. Din is-sena, fil-fatt, se nixħtu dawl fuq numru ta’ proġetti, fosthom sptar fit-Tanżanija li jeħtieġ l-attenzjoni urġenti tagħna. Dan l-isptar, bil-limitazzjonijiet tiegħu, jaqdi eluf ta’ persuni minn żona enormi, anke jekk għandu biss żewġ tobba jaqdu fih. Spiss, dawn ikollhom jieħdu deċiżjonijiet tal-waħx, hekk kif jagħżlu lil min isalvaw. Permezz tad-donazzjonijiet tal-Maltin, Missio Malta jkun jista’ jagħti s-sostenn lil dan l-isptar biex ittejjeb il-ħajja ta’ komunità sħiħa fit-Tanżanija,” qal Robert Farrugia.
Għall-istess okkażjoni, Missio Malta, għal darba oħra kkollabora ma’ Missio Awstralja u ħoloq filmat biex jixxandar iżjed il-messaġġ tal-Papa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji Missjunarju.
Dan il-filmat se jkun disponibbli f’bosta lingwi u se jiġi addattat minn 120 uffiċċju ta’ Missio minn madwar id-dinja kollha. Dan huwa r-raba’ filmat li Missio Malta kkollabora fuqu mill-2020.
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji Missjunarju, l-Isqof Mons. Joseph Galea Curmi flimkien mad-Direttur Nazzjonali ta’ Missio Rev. Victor Agius, se jiċċelebra quddiesa li se tixxandar fuq it-TV u l-mezzi soċjali, fid-9:30am, nhar il-Ħadd li ġej.
Missio Malta se jtella’ wkoll ‘Villaġġ tal-Missjoni’ fi Pjazza San Pawl ir-Rabat, Malta nhar is-Sibt 21 u l-Ħadd 22 t’Ottubru. Fil-villaġġ se jkun hemm mużika ‘live’, informazzjoni interessanti dwar il-ħidma ta’ Missio Malta, żona għat-tfal, ħanut tar-rigali, kif ukoll ġbir ta’ fondi għall-proġetti importanti. Membri tal-pubbliku se jkunu jistgħu wkoll, permezz tat-teknoloġija tal-VR u ‘treadmills’, jesperjenzaw dak li jgħaddu minnu n-nies fl-Afrika li jimxu distanzi twal sabiex jiksbu ilma tajjeb għax-xorb.
Għal aktar tagħrif tista’ żżur is-sit: www.missio.org.mt jew ċempel fuq: 9913 7373.