Missio Malta laqqgħet saċerdoti, sorjiet u persuni reliġjużi li bħalissa qed iwettqu xogħol missjunarju f’Malta, x-xahar li għadda. L-attività, li sseħħ darbtejn fis-sena ġabret 32 missjunarju minn disa’ pajjiżi minn madwar id-dinja.
“Dawn il-laqgħat huma importanti ħafna għalina, hekk kif jagħtuna l-opportunità li niltaqgħu mal-individwi ġenerużi li jiddeċiedu li jiddedikaw ħajjithom biex jgħinu lill-oħrajn. F’Malta għandna numru sabiħ ta’ reliġjużi li jaħdmu f’oqsma differenti fil-komunità, u xogħolna bħala Missio Malta huwa li huma jħossuhom milqugħin fostna,” qal Rev. Victor Agius Direttur Nazzjonali Missio Malta.
“Fi kliem il-Papa Franġisku waqt l-Assemblea Ġenerali Annwali tas-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċji, f’Ruma iktar kmieni din is-sena, neħtieġu noħolqu ambjent li jilqa’ lil kulħadd, hekk kif nimpenjaw ruħna biex insaħħu sens ta’ familja u ftehim madwar id-dinja,” qal Rev. Agius. “Il-komunità Kristjana hija missjunarja fin-natura tagħha, hekk kif kull Nisrani mgħammed huwa mħeġġeġ li jissokta l-missjoni ta’ Kristu”.
Bl-istess mod li Missio Malta tiffaċilita u ssostni ħidma missjunarja f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, hekk ukoll issostni persuni li jkunu ġejjin minn dawn l-istess pajjiżi, biex jaħdmu f’Malta.
Il-laqgħa kienet indirizzata ukoll min-Nunzju Appostoliku, Arċisqof Savio Hon Tai-fai kif ukoll il-Badessa tal-Ordni Ġerosolimitan tas-Sorjiet ta’ San Ġwann Battista, Sr Christine Borg. Il-laqgħa nżammet fil-monasteru tal-istess ordni tas-sorjiet fil-Belt Valletta.
Sr Christine flimkien ma sorjiet oħrajn, taw informazzjoni dwar l-istorja rikka tal-Ordni tagħhom u l-Monasteru fi Triq Sant’Ursola.
Il-laqgħa ma’ saċerdoti u sorjiet minn pajjiżi tal-missjoni fl-Afrika u l-Ażja, tifforma parti mill-missjoni ta’ Missio ta’ evanġelizzazzjoni, u sostenn ta’ knejjes ġodda madwar id-dinja.