Fil-messaġġ tiegħu għat-28 Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se jsir f’Rio f’Lulju 2013, il-Papa Benedittu XVI qal li “l-impenn missjonarju hu dimensjoni essenzjali tal-fidi. Ma nistgħux inkunu nies li veru nemmnu jekk ma nevanġelizzawx”. Quddiem l-avveniment kbir, il-Papa qed jistieden liż-żgħażagħ kattoliċi sabiex ikunu missjunarji fost sħabhom stess li ma jsibux sens f’ħajjithom. Huwa qal li żewġ oqsma ferm importanti fejn meħtieġ l-impenn missjunarju huma dak tal-komunikazzjoni u dak tal-mobilta umana.
Il-Papa Benedittu XVI tkellem dwar il-potenzjal tal-internet li qal li jista’ jkun ta’ għajnuna kbira biex il-Knisja tasal għand il-ġenerazzjonijiet il-ġodda u tħeġġiġhom jitħejjew biex jifhmu l-fidi bl-istess preċiżjoni li espert fl-IT jifhem f’dak li jikkostitwixxi kompjuter. Il-Papa jistieden kultura ġdida ta’ komunikazzjoni u teknoloġija tal-informatika magħġuna fil-valuri tal-ħajja nisranija. Fl-istess waqt fakkar fil-perikli moħbija fil-media, bħall-kuntatt virtwali li jieħu post id-djalogu wiċċ imb’wiċċ. Dwar iċ-ċaqliq tal-persuni l-Papa jitkellem dwar il-ħtieġa li jinstabu opportunitajiet providenzjali għat-tixrid tal-vanġelu quddiem dan il-fenomenu.
Benedittu XVI jirreferi għat-tema tal-ħidma Brażiljana quddiem dan l-avveniment speċjali – li jinġabar fil-mandat ta’ Ġesu lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu dixxipli ġodda. Il-Papa jispjega t-tifsira wiesa’ ta’ dan u s-simbolu tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss.