Illum il-Ħadd, 5 ta’ Diċembru 2021, il-Fondazzjoni Life Network se torganizza Mixja Favur il-Ħajja fil-Belt Valletta. L-għan ta’ din il-mixja huwa li f’Malta titrawwem kuxjenza ta’ protezzjoni u promozzjoni tal-ħajja umana mill-konċepiment.
Permezz ta’ din il-mixja, il-Fondazzjoni Life Network tixtieq nkunu l-vuċi tal-vulnerabbli fis-socċjetà, l-aktar tat-tarbija fil-ġuf. Fl-isfond tas-sitwazzjoni preċenti f’pajjizna, l-appell lill-ogħla awtoritajiet huwa sabiex ikomplu jkunu minn ta’ quddiem biex kemm f’Malta, kif ukoll ‘il barra minn xtutna, lealment jipproteġu kull ħajja.
Il-preżenza taghna f’din il-mixja tħeġġiġna naħdmu qatigħ sabiex Malta tibqa’ santwarju tal-protezzjoni tal-ħajja umana. Sa mill-eqdem żminijiet, Malta kienet santwarju għall-protezzjoni tal-ħajja, mill-konċepiment. Għandu jkun ta’ unur u privileġġ għalina l-Maltin li nippromwovu dan il-kunċett fl-Ewropa, fejn id-dritt tal-ħajja huwa mittiefes. Din hija l-aqwa forma ta’ ugwaljanza. F’Malta għadna ngħożżu u nindukraw it-trabi kollha li jitwieldu, inklużi dawk b’diżabilità. Dan huwa valur verament sabiħ li għandna niftaħru bih.
Il-Fondazzjoni tappella biex isir kull sforz sabiex tingħata għajnuna lin-nisa kollha, waqt u wara t-tqala, partikolarment lil dawk in-nisa f’sitwazzjoni ta’ vulnerabilità.
Il-Fondazzjoni Life Network toffri appoġġ u l-għajnuna prattika lil nisa u tfajjliet fi kriżi ta’ tqala; takkumpanja lil dawn in-nisa f’dak kollu li jkollhom bżonn. Toffri wkoll għajnuna anke f’dijanjosi negattiva ta’ tqala u għajnuna lil dawk li għandhom bżonn ifiequ mit-trawama tal-abort.
Il-pubbliku huwa mistieden u mħeġġeġ jattendi għal din il-mixja li ser tibda fi Pjazza Kastilja fit-3:00pm. Ser ikun hemm programm qasir ta’ mużika, testimonjanza, diskorsi, kif ukoll sorpriża fi Pjazza Assedju l-Kbir (quddiem il-Qrati tal-Gustizzja).