L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan għandna pittura tal-ġrajja tal-Epifanija – iż-żjara tal-maġi lil Ġesù – hemm fuq fejn l-orgni, in-naħa ta’ wara tal-knisja. Interessanti li f’din il-pittura hemm, fil-fatt, erba’ maġi mhux tlieta, kif tradizzjonalment naraw lill-maġi. Nafu li l-Evanġelju skont San Mattew ma jgħidilniex li kienu tlieta, imma jsemmi t-tliet rigali li offrew – deheb, inċens u mirra – u għalhekk it-tradizzjoni hi li kull wieħed ġarr rigal minnhom. Imma l-pittur ried jinkludi wkoll lil xi ħadd ieħor mal-maġi, xi ħadd li kien għal snin twal jaħdem f’din il-knisja u bħall-maġi kellu dejjem qalbu tħabbat ma’ qalb il-Mulej. Meta għandna din iż-żjieda fil-pittura, lilna tfakkarna li lkoll għandna din is-sejħa li bħall-maġi nagħmlu minn ħajjitna mixja li tlaqqagħna mal-Mulej biex lilu nqimu u biex nimtlew bl-imħabba tiegħu.

Ħa nħarsu lejn din il-ġrajja sabiħa, u speċjalment lejn dawn il-maġi u l-mixja tagħhom. Hija mixja ta’ tama. Nistgħu ngħidu li kienu, bħalma l-Papa Franġisku qed jistedinna nkunu fil-Ġublew 2025, pellegrini ta’ tama. Dawn il-maġi telqu mil-Lvant għax raw din il-kewkba li għalihom kienet indikazzjoni li twieled sultan tal-Lhud.

Karatteristiċi tal-maġi

Il-maġi kienu għorrief. Mhux biss għax kienu jistudjaw il-kwiekeb, imma għax kienu jafu li anke jekk studjaw u kienu jafu ħafna, hemm iżjed xi tkun taf. Kellhom għerf li jgħinhom ikompli jfittxu, jistaqsu. L-għerf tagħhom ma ħallihomx sempliċiment kuntenti bihom infushom u b’dak li jafu, imma mexxiehom biex jiskopru lil xi ħadd aqwa minnhom. Kien dan l-għerf li għenhom biex jitilqu għal din il-mixja u jkomplu jistaqsu u jfittxu sakemm jaslu għand Ġesù.

Kienu nies determinati. Kellhom vjaġġ twil, u ma kienx vjaġġ faċli, imma ma qatgħux qalbhom, u qatt ma ħarsu lura. Irnexxielhom jegħlbu kull ostaklu biex b’determinazzjoni jilħqu l-għan tagħhom u jaslu għand Ġesù.

Kienu nies ukoll li jaċċettaw l-għajnuna. Kellhom l-għajnuna tal-kewkba, li kienet għalihom sinjal tant importanti għalihom. Fil-kewkba stess naraw xi ħaġa li tgħallimna ħafna: li waqt li huma kienu qed ifittxu, Alla kien qed jagħtihom l-għajnuna permezz ta’ sinjal. Għalhekk sabu fl-esperjenza tagħhom sinjal li kien tant ta’ għajnuna għalihom u li mexxiehom biex jaslu għand Ġesù.

Kienu nies ta’ qalb kbira – qalb mimlija mħabba. Kif waslu fejn Ġesù, inxteħtu fl-art iqimuh u offrewlu rigali, frott tal-imħabba tagħhom. Kif nafu, ma kinux rigali prattiċi biex Marija tużahom għat-tarbija imma kienu rigali li kellhom tifsira kbira għall-missjoni ta’ dik it-tarbija: id-deheb għax hu sultan, l-inċens għax hu Alla, u l-mirra għax kellu jgħaddi mit-tbatija.

Kienu nies li lesti wkoll jibdlu r-rotta tagħhom, meta meħtieġ. Din kienet l-indikazzjoni li rċevew minn Alla permezz tal-anġlu. Bidlu t-triq tagħhom biex ma jmorrux għand Erodi, ħalli dak li xtaq Erodi – li joqtol lil Ġesù – ma jseħħx.

F’din il-ġrajja, fil-fatt, joħroġ ħafna l-kuntrast tagħhom ma’ Erodi li kien iggranfat mal-poter u li ra fit-twelid ta’ tarbija theddida għalih u għall-poter tiegħu, u għamel minn kollox biex jeliminah.

X’juruna l-maġi

X’juruna l-maġi għal ħajjitna? Ħa nsemmi tliet punti.

Juruna li Ġesù ġie għal kulħadd. Mill-ġrajja tat-twelid tiegħu ’l quddiem, qiegħed dejjem jitwessa’ ċ-ċirku. L-ewwel naraw lil Ġesù fit-twelid tiegħu ma’ Marija u Ġużeppi, imbagħad ir-rgħajja jżuruh, issa ġew il-maġi mill-bogħod. Iż-żjara tal-maġi turina li Ġesù – Alla li sar bniedem fostna – mhux ta’ xi razza waħda, jew nazzjon wieħed, imma hu ta’ kulħadd u ġie biex isalva lil kulħadd, l-umanità kollha.

Juruna kemm hu importanti li aħna f’ħajjitna nagħrfu l-għajnuna li Alla jagħtina permezz tal-oħrajn u naċċettaw din l-għajnuna. Il-kewkba kienet sinjal ta’ għajnuna għall-maġi fil-vjaġġ tagħhom. Fil-ħajja tagħna, diversi nies huma bħal kewkba li turina t-triq, li tgħinna nimxu fid-direzzjoni t-tajba, u Alla jagħtina kontinwament din l-għajnuna permezz ta’ nies li jagħmlulna l-ġid f’ħajjitna.

Juruna wkoll li fil-mixja tal-ħajja tagħna, dak li jimlielna qalbna hu meta niltaqgħu ma’ Ġesù, inqimuh, u nimtlew bl-imħabba tiegħu. Huwa hu li jista’ jagħtina f’ħajjitna dak li għandna bżonn. Il-maġi għamlu vjaġġ twil biex kisbu dan. Nixtieqkom tinnutaw: li meta niltaqgħu hawnhekk fil-knisja għall-quddiesa, għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, qed nagħmlu l-għażla tal-maġi. Mhux għax niġu mill-bogħod bħall-maġi, imma għax bħalhom niġu biex niltaqgħu ma’ dak li jista’ jimla l-qalb tagħna bl-imħabba tiegħu. Kemm hi sabiħa meta aħna napprezzaw din l-esperjenza tal-laqgħa tagħna mal-Mulej permezz tal-quddiesa! San Ġorġ Preca kellu talba li tajjeb ngħiduha ta’ spiss: “Sinjur Alla, jien għandi bżonnok”. Huwa lilu li għandna bżonn, huwa hu li jista’ jimla l-qalb tagħna bl-imħabba u l-paċi tiegħu. Fih insibu tassew l-iskop tal-ħajja tagħna.

Agħmel li nsibuk

Hemm talba li nkitbet ħafna snin wara l-ġrajja tal-maġi, imma li naraha tfisser b’mod tant tajjeb l-esperjenza tagħhom. Hija talba li nixtieq li aħna nġorruha f’qalbna, għax mhijiex biss l-esperjenza tal-maġi imma wkoll għandha tesprimi l-esperjenza ta’ kull wieħed u waħda minna. Jitlob Santu Wistin: “Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk ma nistriħux. Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju