• ****

    Direttur:          Christian Rivers

    Atturi:              Hera Hilmar, Hugo Weaving, Robert Sheehan, Jihae, Leila George, Ronan Raftery, Stephen Lang, Patrick Malahide u Poppy MacLeod

    Ħin tal-Film:    128 min

    Maħruġ minn KRS Releasing

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12

    Wara konflitt katastrofiku magħruf bħala l-Battalja tas-Sittin Minuta, l-umani li baqgħu ħajjin iffurmaw bliet mobbli ‘predaturi’. Il-filosofija li mxew fuqha kienet il-“Municipal Darwinism” fejn il-bliet kbar kienu jaħtfu dawk żgħar. Riżultat ta’ din il-filosofija, nħalaq l-Anti-Traction League li żviluppa ċiviltà alternattiva ġewwa l-Asja taħt it-tmexxjia ta’ Shan Guo (iċ-Ċina tallum) imħarsa permezz ta’ “Hajt Tarka”. Dawn kienu jgħożżu relikwi ta’ teknoloġija moderna bħala ħwejjeġ li ta’ min jieħu ħsiebhom. Il-belt ta’ Londra taħtaf Salzhaken, belt ċkejkna b’dawk kollha li kienu jgħixu fiha jiġu assorbiti taħt is-Sindku Magnus Crome. Fost dawn insibu lit-tfajla Hester Shaw li b’wiċċha mgħotti  kienet qegħda tfittex l-opportunità biex toqtol lil Thaddeus Valentine, il-Kap tal-Guild of Historians.

    Tom Natsworthy, żagħżugħ apprentist fil-Mużew, jintbagħat biex jiġbor xi biċċiet antiki għall-Mużew. Miegħu kelu bint Valentine, Katherine. Sadanittant, Hester ippruvat toqtol lil Valentine iżda Tom ġie bejniethom. Hester taħrab minn fuq il-post u jirnexxielha taqbeż ġewwa kuskata li fih kien jintrema dak li kien jibqa’ żejjed iżda qabel ma ħarbet, tgħid lil Tom li Valentine kien dak li qatel lil ommha u li ħalla marka ta’ ferita f’wiċċha.  Meta Tom jgħid lil Valentine x’kienet qaltlu Hester, Valentine jimbotta lil Tom fil-kuskata. Kemm Hester kif ukoll Tom isibu ruħhom jikkoperaw ma’ xulxin kontra qalbhom biex jaqsmu il-Grand Hunting Ground. Meta sabu kenn ġewwa Scuttlebug, belt ċkejkna, sfortunatament spiċċaw skjavi.

    Waqt li kienu fiċ-ċella, Hester tgħid lil Tom x’għamel Valentine u kif qatel lil ommha u fiera lilha. Dan minħabba li ommha, Pandora, arkeoloġista kienet sabet kullana antika u Valentine għamel minn kollox biex jakkwista din il-kullana. Din is-sejba kienet il-Medusa, arma superjuri li kienet tista’ teqred kull ma ssib. X’kienet ir-raġuni li  Valentine ħejja pjan fil-Katidral ta’ SanPawl ġewwa Londra? Sadanittant x’kien sar minn Tom u Hester wara li ġew meħlusa minn intervent f’waqtu minn Anna Feng, aġent ta’ Traction League? Valentine kien ħeles mill-ħabs lil Shrike li rabba lil Hester. Għamel dan biex Shrike li kien “Stalker” joqtol lil Valentine meta jsibha.

    Film post-apokalittiku, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Christian Rivers u kitba ta’ Fran Walsh, Philippa Boyens u Peter Jackson. Minħabba numru ta’ kumbattimenti, vjolenza xi ftit imdemmija kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.