L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mulej, int tgħallimni t-triq tal-ħajja”. Dan hu li llum tlabna fis-Salm, u li smajna wkoll lil San Pietru jgħid fit-Tħabbira tal-Għid, fil-qari mill-Atti tal-Appostli. U llum l-Evanġelju jurina lil Ġesù miexi fit-triq ma’ żewġ dixxipli.
Nixtieq li naraw dan ir-rakkont sabiħ x’jgħidilna għall-ħajja tagħna, speċjalment meta nħarsu lejn dawn iż-żewġ dixxipli u nħarsu wkoll lejn Ġesù.
Mixja ta’ diżappunt
Dawn kienu żewġ dixxipli mixjin diżappuntati, qalbhom maqtugħa. Huma kienu qiegħdu t-tama tagħhom f’Ġesù, u kif jgħidu: “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel” (Lq 24:21). Hu għadda mill-passjoni u l-mewt, u issa hemm biss il-memorja ta’ dak li għamel, dak li kien, u diżappunt kbir. Għalhekk mixjin ’il bogħod minn Ġerusalemm, telqu minn hemm biex imorru fir-raħal ta’ Emmaws. Telqu mill-post fejn sar dan kollu, u għalihom it-tama spiċċat.
Jakkumpanjahom
Ħa nħarsu lejn Ġesù, x’jagħmel Ġesù. L-ewwel nett l-Evanġelju juri li huwa Ġesù li jersaq lejhom (Lq 24:15), mhux għax jinzertaw jiltaqgħu miegħu. Ġesù jieħu l-inizjattiva hu, u jersaq lejhom biex jimxi magħhom. L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù hu li jimxi magħhom fit-triq. Huma mixjin fid-direzzjoni ’l bogħod minn Ġerusalemm – u Ġesù lid-dixxipli riedhom jibqgħu hemmhekk, u għalhekk id-dixxipli mixjin kontra dak li xtaq hu – imma Ġesù jimxi magħhom u jakkumpanjahom fit-triq.
Jismagħhom u jistaqsihom
U qabel ma jitkellem, l-ewwel ħaġa li jagħmel hu li jismagħhom u jistaqsihom. Interessanti, jekk immorru lura fl-Evanġelju skont San Luqa, meta Ġesù kellu tnax-il sena u “ntilef” fit-Tempju – ngħidu “intilef” għax ma sabuhx – huma dawn affarijiet li jgħid l-Evanġelju: li kien fit-Tempju man-nies hemmhekk “jismagħhom u jistaqsihom” (Lq). Hawnhekk hekk għamel Ġesù. Mexa t-triq ma’ dawn iż-żewġ dixxipli, jismagħhom u jistaqsihom.
Nafu kemm hi ironika li qed jitkellmu fuqu, u lilu jgħidulu: inti biss ma tafx? Lilu li kien il-protagonista tal-ġrajja tal-passjoni u l-mewt – inti biss ma tafx? U Ġesù jisma’ u jistaqsi: “X’ġara?” (Lq 24:19)
Jiftħilhom il-viżjoni bil-kelma tiegħu
U bil-mod il-mod, Ġesù, bil-kelma tiegħu, jiftħilhom aktar il-viżjoni tagħhom, biex huma jaraw mhux biss dak li sar imma wkoll jifhmu b’mod aktar ċar skont il-kelma ta’ Alla. U għalhekk Ġesù jfissrilhom l-Iskrittura, u bil-mod il-mod, jiżra’ f’qalbhom fjamma – il-fjamma tat-tama. Tant hu hekk li meta waslu fil-post – u mxew mhux ħażin għax sittin stadju jiġi qisu xi ħdax-il kilometru – qalulu: “Ibqa’ magħna” (Lq 24:29).
U nafu li hekk kif Ġesù, “qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom” (Lq 24:30), li hu l-kliem li jirreferi għall-Ewkaristija u jfisser dak li kien għadu kif spjegalhom, dak li sar fil-passjoni u l-mewt, dak il-ħin għarfuh. U dak il-ħin ma baqgħux jarawh, bħalma qed naraw lil xulxin aħna, imma dak il-ħin fehmu li kien Ġesù ħaj. Proprju waqt l-Ewkaristija.
Iġib bidla sħiħa fihom
Nafu x’bidla kbira saret f’dawn id-dixxipli. L-Evanġelju jgħid li dak il-ħin stess qamu – dawn li kienu qalu lil Ġesù “issa sar ħafna ħin u l-jum wasal biex jintemm” (Lq 24:29) – qamu u marru lura, reġgħu għamlu t-triq lura li mxew, biex imorru lura Ġerusalemm biex jagħtu l-Aħbar li Ġesù huwa ħaj.
Dan ir-rakkont huwa sabiħ ħafna, għax jurina dak li jagħmel Ġesù fil-ħajja tagħna wkoll, Ġesù li huwa ħaj. Fil-mixja ta’ ħajjitna, lilna wkoll jakkumpanjana, lilna wkoll jixtieq jgħinna, speċjalment permezz tal-kelma tiegħu u permezz tal-Ewkaristija. Dawn lilna jagħtuna dawl fil-ħajja tagħna, u fil-mumenti iebsa tal-ħajja – ta’ diżappunt, ta’ niket, ta’ dwejjaq, ta’ nuqqas ta’ tama – ikun hu li jagħtina dawl ġdid, tama vera, u jgħinna biex inqumu minn sitwazzjoni ta’ qtigħ ta’ qalb. Bil-preżenza tiegħu, bil-kelma tiegħu, u bl-Ewkaristija.
Il-kelma u l-Ewkaristija f’ħajjitna
Hawnhekk, f’dan ir-rakkont, għandna proprju l-valur kbir tal-quddiesa li niċċelebraw, fejn għandna l-kelma u l-Ewkaristija, il-preżenza reali ta’ Ġesù. Anke fil-ħajja tagħna, tgħinna biex lilna l-Mulej jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna.
Aħna noffrulu lill-Mulej dak li ngħaddu minnu – kultant it-toqol tal-ħajja, l-iebes, id-diffikultajiet, id-diżappunti – imma nafu li l-Mulej lilna jagħtina qawwa ġdida, enerġija ġdida, u jgħinna biex nifhmu li hu ħaj u biex jagħmel minna wkoll ħabbara tiegħu li hu ħaj, ħabbara tal-Aħbar it-Tajba.
Insiru ħabbara tat-tama
Fil-fatt, fl-għeluq tal-quddiesa, ngħidu “morru fil-paċi ta’ Kristu” – jiġifieri dak li għexna hawn issa, il-kelma li smajna li ddawwal lil ħajjitna, l-Ewkaristija li ħadna sehem fiha, din il-preżenza reali ta’ Ġesù, issa dan kollu jbiddlilna qalbna biex nagħmlu bħal dawn id-dixxipli li nħabbru lill-oħrajn dak li għexna.
Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan ir-rakkont sabiħ ħafna li jurina l-preżenza tiegħu fil-ħajja tagħna, u nitolbuh biex aħna dejjem nagħrfuh preżenti magħna. Niftakru li hu dejjem jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna. Dak li għedna u tlabna fis-Salm għandu jkun dejjem f’qalbna meta nħarsu lejn il-Mulej ħaj:
“Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek” (Salm 16:11)
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju