L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jitkellem dwar it-tmexxija, it-tmexxija anke fil-Knisja. Ħafna affarijiet li hu jilmenta dwarhom insibuhom ukoll fostna, fil-qalb tagħna. U aħna nitolbu f’dan il-jum tar-Randan biex il-Mulej isaffina minn kull frugħa, dik li l-Papa Franġisku jsejjaħlu l-ispirtu tal-mondanità, l-ispirtu tad-dinja li jitħallat mal-affarijiet qaddisa, ħallata ballata, u jitbiegħed mit-tagħlim ta’ Ġesù.
Imma ħaġa li ta’ min naħsbu ħafna fuqha, l-aħwa, hi propju l-mod kif inħarsu lejn xulxin u niġġudikaw lil xulxin għax dan l-Evanġelju jsegwi fuq dak li smajna anke lbieraħ meta qalilna: “tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati; tikkudannawx u ma tkunux ikkundannati” (Lq 6:37).
Ħafna drabi ngħabbu lil xulxin b’toqol enormi imma meta tiġi fuqna l-ħaġa, Ġesù jgħid “anqas suba’ wieħed ma nkunu nistgħu jew irridu nħarkuha, dak it-toqol, dik it-tagħbija” (ara Mt 23:4). Allura tajjeb li naħsbu qabel nitkellmu, qabel niġġudikaw.
Fid-dawl ta’ din il-Kelma t’Alla, x’inhu l-iżjed importanti, it-titlu li għandek jew min inti?
Imma kieku nkun f’dik is-sitwazzjoni, x’nixtieq li jsirli? X’nagħmel? Kif naġixxi? Kif nixtieq li ħaddieħor jifhimni? U jiena mhux ta’ min nagħmel l-istess? Ninsew ħafna drabi l-kliem ta’ Ġesù li qalilna: “Agħmlu ma’ ħaddieħor dak li tixtiequ li ħaddieħor jagħmel magħkom”.
Ġesù wkoll jitkellem fuq l-abbuż tal-ministeri fil-komunità. Fi żmienu kienet is-sinagoga, illum hu l-Knisja li wieħed jiġġieled biex jilħaq. Kemm hu mbiegħed mill-ispirtu ta’ Ġesù! “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, min jitbaxxa, jitgħolla” (Mt 23:11-12). Ħafna drabi fil-komunità tagħna niskopru li l-ispirtu tad-dinja daħal ħafna u kważi ħa s-sopravvent, sar iżjed importanti mill-ispirtu ta’ Ġesù.
Fid-dawl ta’ dan l-Evanġelju Ġesù jitkellem anke fuq it-titli. Għandna ħafna titli u nqassmu ħafna titli wkoll. Imma fid-dawl ta’ din il-Kelma t’Alla, x’inhu l-iżjed importanti, it-titlu li għandek jew min inti?
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 1:10,16-20
Salm: 49 (50): 8-9,16bċ-17,21 u 23
L-Evanġelju: Mt 23:1-12