L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom.” Hekk naqraw li għamlu n-nies lejn l-aħħar ta’ dan ir-rakkont mill-Evanġelju skont San Mark. Hija talba mill-aktar ta’ niket fl-Evanġelju, li jitolbu lil Ġesù jwarrab. Dawn in-nies kienu raw jew semgħu dak li għamel Ġesù, u riduh jitlaq.
Ħadd ma kien għamel dak li għamel Ġesù. Kien hemm dan ir-raġel li kellu xitan, anzi l-Evanġelju jgħid “leġjun”, jiġifieri kellu ħafna spirti ħżiena fih; dan ir-raġel li kien vjolenti – rari ssib xi ħadd vjolenti daqshekk fl-Evanġelju – u li kien jagħmel ħsara lilu nnifsu wkoll, u kien emarġinat. Ġesù jeħilsu u jagħtih lura d-dinjità. Jgħinu biex jerġa’ jgħix ta’ bniedem ħieles u jintegrah fil-komunità. Forsi n-nies beżgħu minn Ġesù aktar minħabba dak li ġralhom il-qżieqeż; għax meta semgħu jew raw dak li ġralhom il-qżieqeż, li spiċċaw il-baħar u għerqu, iktar inħasdu u beżgħu minħabba dak li ġralhom il-qżieqeż milli ferħu għal dak li dan il-bniedem irċieva minn Ġesù biex ġie f’siktu.
Ġesù jgħinna biex inkunu tassew ħielsa u ngħixu bis-serenità
“Bdew jitolbuh lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom”. Fil-fatt, ftit wara, Ġesù qasam għax-xatt l-ieħor. Imma qabel ma għamel hekk, lil dar-raġel għamlu appostlu tiegħu. Dar-raġel, li fieq, li kien inħeles mill-ispirti ħżiena, ried jimxi wara Ġesù, ried ikun miegħu. Ġesù qallu: “mur, inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom dak li għamel miegħek il-Mulej”. In-nies ta’ daru, għax dawn kellhom esperjenza differenti ħafna ta’ dan il-bniedem. Għalhekk jgħidlu: mur hemmhekk, u għidilhom x’għamel miegħek il-Mulej. U naqraw li dar-raġel mar id-Dekapoli – jiġifieri għaxart ibliet, għaxar postijiet – iħabbar dak li għamel miegħu l-Mulej. Sar appostlu tiegħu f’dan il-post li ma kienx territorju tal-Lhud. Sar appostlu ta’ Ġesù.
X’jgħidilna Ġesù b’din il-kelma tiegħu llum? Aħna wkoll, meta nersqu lejn Ġesù, jekk nersqu lejh b’qalb miftuħa, lilna wkoll jeħlisna minn dak li hu ta’ tfixkil fil-ħajja tagħna; mill-ispirti ħżiena li jista’ jkollna – mhux qed ngħid li bilfors ix-xitan, imma affarijiet ħżiena ta’ tfixkil li ma jħalluniex ngħixu ħielsa. Ġesu jagħtina lura s-serenità. Hawnhekk Ġesù qasam minn post għal ieħor – “ix-xatt l-ieħor tal-baħar” – għamel dal-miraklu, u reġa’ lura. Għal dan il-bniedem biss mar dik in-naħa. Magħna wkoll hekk jagħmel, jekk nersqu lejh. Għalina, kull wieħed u waħda minna, jagħmel l-istess. Ġesù jgħinna biex inkunu tassew ħielsa u ngħixu bis-serenità.
Imbagħad hemm ħaġ’oħra sabiħa. Dal-bniedem mhux biss baqa’ grat, rikonoxxenti lejn Ġesù, kellu l-gratitudni f’qalbu, imma sar dak li jħabbar dak li għamel miegħu Ġesù. U aħna wkoll tajjeb li jkollna f’qalbna l-gratitudni għal dak li għamel magħna l-Mulej, imma wkoll li nsiru dawk li nħabbru, li nwasslu lill-oħrajn dak li jagħmel magħna l-Mulej f’ħajjitna.
“Bdew jitolbuh ħafna biex iwarrab minn pajjiżhom.” Tolqotni ħafna t-talba li għamlu dawn in-nies f’kuntrast mat-talba li għamlu ż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, meta qalulu “ibqa’ magħna, Mulej”. Dawk qalulu “warrab, itlaq”, u dawn qalulu “ibqa’ magħna, Mulej”. Jien ċert li aħna lkoll it-talba tagħna hi bħat-talba ta’ dawn iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Lill-Mulej nitolbuh: ibqa’ magħna, ibqa’ mal-għeżież tagħna, ibqa’ ma’ pajjiżna. Mulej, la titlaqniex, la twarrabx minn ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju