Illejla, 27 ta’ Marzu fis-6pm, quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru, il-Papa Franġisku ppresieda mument straordinarju ta’ talb f’dan iż-żmien tal-pandemija flimkien mal-Adorazzjoni tas-Santissmu Sagrament, li beda bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Qrib il-kanċell ewlieni tal-Bażilika tal-Vatikan kien hemm ix-xbieha tas-Salus Populi Romani u l-Kurċifiss ta’ San Marcello.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-Papa ta l-Barka ‘Urbi et Orbi’, bil-possibbiltà li wieħed jirċievi l-indulġenza plenarja.
L-omelija tal-Papa Franġisku
“Xħin sar filgħaxija” (Mk 4:35). Hekk jiftaħ l-Evanġelju li għadna kemm smajna. Ilna ġimgħat issa nistħajlu li sar filgħaxija. Dlamijiet ħoxnin inġemgħu fuq il-pjazez, it-toroq u l-bliet tagħna; ħakmu fuq ħajjitna u mlew kollox b’ħemda li ttarrax u vojt tal-mewt, li kull fejn jgħaddi jipparalizza kull ħaġa: jinħass fl-arja, jidher fil-ġesti, tgħidu kull ħarsa. Erġajna sibna ruħna mbeżżgħa u mifxula. Bħad-dixxipli tal-Evanġelju, ir-riefnu qawwi li ma konniex qed nistennewh qabadna fuq sieq waħda. Intbaħna li ninsabu fuq l-istess dgħajsa, ilkoll dgħajfa u mifxula, imma fl-istess waqt importanti u meħtieġa, ilkoll imsejħin nibqgħu flimkien, ilkoll fil-bżonn li nfarrġu lil xulxin. Fuq din id-dgħajsa… ninsabu lkoll kemm aħna. Bħal dawk id-dixxipli, li jitkellmu vuċi waħda u kollhom imbeżżgħa jgħidu: “Se nintilfu” (v. 38), hekk ukoll aħna ntbaħna li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin kulħadd għal rasu, imma flimkien biss nistgħu naslu.
Faċli nilmħu lilna nfusna f’dan ir-rakkont. Id-diffiċli hu nifhmu l-imġiba ta’ Ġesù. Waqt li d-dixxipli naturalment jinsabu fi stat ta’ allarm u qalbhom maqtugħa, huwa jinsab fil-poppa, f’dik il-parti tad-dgħajsa li l-ewwel li ħa tinżel taħt l-ilma. U x’inhu jagħmel? Minkejja l-ġenn kollu, jinsab rieqed seren, fiduċjuż fil-Missier – hija l-unika darba fl-Evanġelju fejn naraw lil Ġesù rieqed. Meta mbagħad iqajmuh, wara li jkun ikkalma l-irjieħ u l-ilmijiet, idur fuq id-dixxipli u b’ton ta’ ċanfira jgħidilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” (v. 40).
Ejjew nippruvaw nifhmu. Fiex jikkonsisti n-nuqqas ta’ fidi tad-dixxipli, li jistona tant mal-fiduċja li għandu Ġesù? Huma ma kinux waqfu milli jemmnu fih, fil-fatt jitolbuh l-għajnuna. Imma ejja naraw ftit kif jitolbuh: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” (v. 38). Qisu mhu xejn għalik: jaħsbu li Ġesù ma jimpurtahx minnhom, li mhux jieħu ħsiebhom. Fostna, fil-familji tagħna, waħda mill-aktar affarijiet li jweġġgħuna hi meta nisimgħu min jgħidilna: “Ma jimpurtakx minni?”. Hija frażi li tweġġa’ u tqanqal tempesti sħaħ fil-qalb. Anki lil Ġesù dejqitu. Għax m’hemm ħadd iżjed minnu li jimpurtah daqshekk minna. Fil-fatt, meta sejħulu, salva lid-dixxipli tiegħu li kienu qalbhom maqtugħa.
It-tempesta tikxef il-vulnerabbiltà tagħna u dawk iċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra li bihom bnejna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet u l-prijoritajiet tagħna. Turina kif ħallejna jorqod u warrabna għall-ġenb dak li jagħti l-ħajja, iwieżen u jqawwi lil ħajjitna u l-komunità tagħna. It-tempesta tikxef il-fehmiet kollha tagħna li “ngeżwru” u ninsew dak li żamm ħajja r-ruħ tal-popli tagħna; dawk it-tentattivi kollha li ppruvaw jilluppjawna bi drawwiet li minn barra jidhru li jistgħu “jsalvaw”, imma li m’għandhomx ħila jżommuna marbuta mal-għeruq tagħna u jqanqlu l-memorja tal-anzjani tagħna, għax ċaħħduna mill-immunità meħtieġa biex nieqfu sodi f’wiċċ il-kuntrarju.
Bit-tempesta, waqgħet il-maskra tal-isterjotipi li biha għattejna l-“jien” tagħna dejjem ħsiebu kif ħa jidher; u baqgħet mikxufa, għal darb’oħra, dik l-(imbierka) appartenenza komuni li ma nistgħux naħarbu minnha: l-appartenenza bħala aħwa ta’ xulxin.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Mulej, il-Kelma tiegħek illejla tolqotna u għandha x’taqsam sew magħna, ilkoll kemm aħna. F’din id-dinja tagħna, li inti tħobb iżjed minna, aħna ġrejna bil-ħeffa kollha, ħassejna ruħna b’saħħitna u nifilħu għal kollox. B’kilba għall-gwadann, ħallejna ħajjitna tinxtorob mill-affarijiet waqt li l-għaġla fixlitna. Ma waqafniex meta smajna s-sejħiet tiegħek, ma ġejniex f’sensina quddiem il-gwerer u l-inġustizzji ta’ din l-art, ma tajniex widen għall-karba tal-foqra, u tal-pjaneta tagħna marida serjament. Bqajna għaddejjin qisu xejn mhu xejn, għax ħsibna li mqar f’dinja marida aħna ħa nibqgħu dejjem f’saħħitna. Issa, meta qegħdin f’baħar imqalleb, nitolbuk: “Qum, Mulej!”.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Mulej, int qed tagħmlilna sejħa, sejħa għall-fidi. Li mhix daqstant nemmnux li int teżisti, imma li niġu għandek u nafdaw fik. F’dan ir-Randan tidwi s-sejħa urġenti tiegħek: “Indmu”, “erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” (Ġoel 2:12). Issejħilna biex nilqgħu dan iż-żmien ta’ tiġrib bħala żmien ta’ għażla. Mhuwiex iż-żmien tal-ġudizzju tiegħek, imma tal-ġudizzju tagħna: iż-żmien li nagħżlu x’inhu li jiswa u x’inhu li jgħaddi, li nagħżlu bejn dak li hu meħtieġ u dak li mhuwiex. Huwa ż-żmien li nerġgħu nindirizzaw ir-rotta ta’ ħajjitna lejk, Mulej, u lejn l-oħrajn. U nistgħu nħarsu lejn l-eżempju ta’ tant sħabna fil-vjaġġ, li, fil-biża’, irreaġixxew billi taw ħajjithom stess. Hija l-qawwa ħawtiela tal-Ispirtu msawba u magħġuna f’għotjiet kuraġġjużi u ġenerużi. Hija l-ħajja tal-Ispirtu li kapaċi tifdi, tagħti valur u turi kif il-ħajja tagħna hi minsuġa u mwieżna minn persuni komuni – is-soltu minsija – li ma jidhrux fit-titli tal-ġurnali u tar-rivisti u lanqas fuq il-palkijiet tal-isfilati kbar tal-aħħar shows imma, bla dubju ta’ xejn, illum qegħdin jiktbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tagħna: tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Quddiem it-tbatija, fejn jitkejjel il-veru żvilupp tal-popli tagħna, niskopru u ngħixu t-talba saċerdotali ta’ Ġesù: “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Kemm persuni ta’ kuljum iħaddmu s-sabar u jxerrdu t-tama, u jaraw li ma jiżirgħux paniku imma korresponsabbiltà. Kemm missirijiet, ommijiet, nanniet, għalliema juru lil uliedna, b’ġesti ċkejkna u ta’ kuljum, kif għandhom jaffrontaw u jgħixu kriżi billi jaddattaw id-drawwiet tagħhom, jerfgħu ħarsithom u jħeġġu fit-talb. Kemm persuni jitolbu, joffru u jinterċedu għall-ġid ta’ kulħadd. It-talb u l-qadi fis-skiet: dawn huma l-armi rebbieħa tagħna.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Il-fidi tibda meta nagħrfu li aħna fil-bżonn ta’ salvazzjoni. Waħidna ma nistgħux nagħmlu kollox, waħidna negħrqu: għandna bżonn tal-Mulej bħalma l-baħħara antiki kellhom bżonn tal-kwiekeb. Nistiednu lil Ġesù fid-dgħajjes ta’ ħajjitna. Ngħaddulu l-biżgħat tagħna, biex jegħlibhom hu għalina. Bħad-dixxipli nagħmlu l-esperjenza li, bih magħna fid-dgħajsa, xejn ma jgħarraqna. Għax din hija l-qawwa ta’ Alla: kapaċi jibdel f’tajjeb dak kollu li jiġrilna, imqar il-ħwejjeġ koroh. Huwa jikkalma l-irwiefen tagħna, għax ma’ Alla l-ħajja ma tmut qatt.
Il-Mulej qed jisfidana u, qalb it-tempesta tagħna, jistedinna nqumu u nħaddmu s-solidarjetà u t-tama li kapaċi jimlew bil-qawwa, kapaċi jwieżnu u jagħtu tifsira lil dawn is-sigħat li fihom kollox jidher qed jegħreq. Il-Mulej iqum biex iqajjem u jagħti ħajja ġdida lill-fidi tagħna fl-Għid tiegħu. Għandna ankra: bis-salib tiegħu ġejna salvati. Għandna tmun: bis-salib tiegħu ġejja mifdija. Għandna tama: bis-salib tiegħu ġejna mfejqa u mħaddna biex xejn u ħadd ma jifridna mill-imħabba feddejja tiegħu. Qalb dan l-iżolament li fih qed inġarrbu n-nuqqas tal-ġesti ta’ mħabba u tal-laqgħat tagħna, qed induqu n-nuqqas ta’ tant affarijiet, ejjew nisimgħu mill-ġdid għal darb’oħra l-aħbar li ssalvana: huwa qam u jgħix magħna. Minn fuq is-salib tiegħu l-Mulej jisfidana biex nerġgħu nsibu l-ħajja li qed tistenniena, biex inħarsu lejn dawk li qed jitolbuna, biex inqawwu, nagħrfu u nseddqu l-grazzja li tgħammar fina. Ejjew ma nitfux il-musbieħ inemnem (ara Iż 42:3), li qatt ma ‘jimrad’, u nħalluh jerġa’ jkebbes fina t-tama.
Li nħaddnu s-salib tiegħu jfisser insibu l-kuraġġ li ngħannqu magħna t-tbatija kollha ta’ bħalissa, inwarrbu ftit għall-ġenb il-kilba tagħna għall-poter u għall-ġid biex nagħmlu wisa’ għal dik il-kreattività li l-Ispirtu waħdu jista’ jqanqal fina. Ifisser insibu l-kuraġġ li niftħu spazji fejn kulħadd jista’ jħossu msejjaħ u nħallu jinbtu għamliet ġodda ta’ ospitalità, ta’ fraternità u ta’ solidarjetà. Bis-salib tiegħu ġejna mifdija biex nilqgħu t-tama u nħallu lilha tqawwi u twieżen il-miżuri u t-toroq kollha possibbli li jistgħu jgħinuna nħarsu ruħna u nħarsu lill-oħrajn. Nitgħannqu mal-Mulej biex inħaddnu t-tama: din hija l-qawwa tal-fidi, li teħles mill-biża’ u trodd it-tama.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Għeżież ħuti, minn dan il-post, li jirrakkonta l-fidi ta’ Pietru, samma bħall-blat, illejla nixtieq nafdakom ilkoll lill-Mulej, bl-interċessjoni tal-Madonna, Saħħa tal-poplu tagħha, Kewkba tal-baħar f’tempesta. Minn dan il-kolonnat li jħaddan lil Ruma u lid-dinja kollha ħa tinżel fuqkom, bħal tgħanniqa ta’ wens, il-barka ta’ Alla. Mulej, bierek lid-dinja, agħti saħħa lill-ġisem u faraġ lill-qalb tagħna. Int qed titlobna ma nibżgħux. Imma l-fidi tagħna hi dgħajfa u aħna mbeżżgħin. Imma int, Mulej, titlaqniex f’ħalq it-tempesta. Tennilna għal darb’oħra: “Tibżgħu xejn” (Mt 28:5). U aħna, flimkien ma’ Pietru, “nixħtu fuqek il-ħsibijiet kollha tagħna, għax int taħseb fina” (ara 1 Piet 5:7).
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard