-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta
30 ta’ Marzu 2018“Lil min qegħdin tfittxu? Whom do you seek?” (Ġw 18, 4). Din hija d-domanda li Ġesu jagħmel lil ġgajta li marret fil-ġnien tal-Ġetsemani biex tarrestah. “Lil min qegħdin tfittxu?”.
U din hija d-domanda li jagħmlilna, kull meta aħna niddubitaw fih, kull meta niskandalizzaw ruħna bis-salib imqaddes tiegħu, kull meta nimmaġinawh: Deus ex machina, Alla li jaqdina f’kull ħtieġa tagħna u li jista’ jinxtara’ b’xi xemgħa mixgħula jew b’xi bukkett fjuri jew x’bi wegħda. U fil-fond tal-kuxjenza tagħna nisimgħuh jerġa’ jtenni din il-mistoqsija: “lil min qiegħed tfittex? Lil min qegħdin tfittxu?”
Biex aħna jkollna risposta vera, irridu nifhmuh fil-passjoni mqaddsa tiegħu, irridu nilqgħuh kif qalilna hu: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16, 24). Mhuwiex kliem fieragħ jekk nifhmu li hu waqt li qed jitlobna dan, mexa t-triq tiegħu lejn il-Golgota mgħobbi bis-salib tiegħu.
Pilatu jistaqih ukoll: “Imma inti, minn fejn int? Where do you come from?” (Ġw 19, 9). U l-Mulej ma jirrispondihx. Ir-risposta Pilatu jeħodha meta xi ħadd imur jgħidlu li l-qabar huwa vojt.
Ejjew illum naduraw lill-Mulej Ġesu li urina tassew min hu minn fuq is-salib tiegħu. Ejjew nadurawh moghti għalina, vittma safja u innoċenti u fih ejjew nilmħu s-sofferenza tal-bniedem f’kull epoka tal-istorja. “Laqa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna” (Is 53, 4). Il-Mulej fuq is-salib jitgħabba bin-niket ta’ kull epoka, bil-kefrija tagħna lejn xulxin u jittrasforma dak li għalina huwa “sinjal li mmeruh” (ara Lq 2, 34), f’sinjal ta’ mħabba.
Ejjew nitolbu li aħna nilqgħuh bħala r-re tal-qalb tagħna, hu li ġie kkundannat bħala s-sultan tal-Lhud, ejjew nilqgħuh bħala s-sultan tagħna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 52, 13 – 53, 12
Salm: 30 (31), 2.6.12-13.15-16.17. 25
Qari II: Lhud 4, 14-16; 5, 7-9
Evanġelju: Ġw 18, 1 – 19, 42
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace