L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kull sena naqraw silta minn kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, fejn Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb. Fis-silta ta’ din is-sena — forsi l-iżjed waħda magħrufa — insibu din l-espressjoni qawwija: “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10:11). Fl-Evanġelju sabiħ tal-lum din il-frażi kemm-il darba nisimgħuha: ‘li tagħti ħajtek’. Ġesù, biex jispjegaha juża diversi tixbihat. Meta ngħidu, ‘tagħti ħajtek, xi tfisser?’

L-ewwel nett, Ġesù, jiddistingwi lilu nnifsu minn dawk in-nies li jagħmlu l-affarijiet biss għall-flus. Jekk inti tagħmel biss għal flus, mhux se jimpurtak min-nies. Ġesù stess jgħid: “Mikri, ma jħabbilx rasu min-nagħaġ” (Ġw 10:13). Imma mhux biss, Hu jagħti ħajtu, għaliex jagħraf in-nagħaġ tiegħu. Il-kelma ‘tagħraf’ timplika li tidħol f’relazzjoni ta’ mħabba u intimità. Li tkun ragħaj u li tkun ukoll parti mill-merħla ifisser li tidħol f’relazzjoni ta’ mħabba. Illum, aħna u nitolbu d-don tal-vokazzjoni saċerdotali u reliġjuża, m’aħniex qed nitolbu don sterili imma don ta’ mħabba. Don ta’ mħabba partikolari, bħalma huwa don ta’ mħabba partikolari id-don tas-sagrament taż-żwieġ. Anke fiż-żwieġ, il-miżżewġin huma mistiedna jagħtu ħajjithom; bħalma s-saċerdot, il-patri, is-soru u r-reliġjużi huma wkoll mistednin li jagħtu ħajjithom. It-tendenza hi li l-vokazzjoni, imma wkoll il-ħajja u l-karriera tagħna, narawhom bħala tfittxija kważi ossessiva tal-kumdità. Ngħidu: “Jien irrid ngħix ħajti”. Imma forsi ninsew li tibda tgħix ħajtek meta tagħti ħajtek. Meta mingħalik se żżommha ħajtek għalik biss, tispiċċa tgħix relazzjonijiet sterili, mingħajr imħabba, mingħajr l-għotja tiegħek innifsek.

Għalhekk, aħna u nitolbu għad-don tal-vokazzjoni, irridu nitolbu fuq kulħadd. Li jilbes dan l-atteġġjament fundamentali ta’ Ġesù, li jagħti ħajtu. Imbagħad Alla, f’din is-sejħa fundamentali li wieħed jagħti ħajtu jagħtina wkoll is-sejħa speċjali ta’ kif se nagħti ħajti. Lil xi wħud minna jistedinna nagħtu ħajjitna bħala rgħajja f’ismu, għax Hu r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħajja kollha — saċerdoti, reliġjużi, sorijiet u patrijiet — li huma ddedikati għall-ħajja tal-komunità rridu nifhmu li aħna nipparteċipaw mill-għotja li ta Ġesù.

Ħin minnhom Ġesù jgħid: “Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jiena nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja” (Ġw 10:17-18). Hawnhekk qiegħed jirreferi għall-misteru tal-għotja tiegħu sa fuq il-mewt tas-Salib. Qed jinsisti li offra lilu nnifsu, bħalma ngħidu anke fil-quddiesa: “billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8). Lill-Missier qallu: “Mhux li rrid jien, imma li trid inti!” (Lq 22:42) Imma fl-istess ħin ukoll, jirreferi għall-mument tal-qawmien mill-imwiet: “Għandi setgħa li nerġa’ nieħu l-ħajti lura” (Ġw 10:19). Din is-setgħa, hi s-setgħa tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li jerġa’ jieħu lura ħajtu; li jagħtiha b’offerta imma jerġa’ jeħodha fil-misteru tal-qawmien. Għalhekk, Ġesù jgħallimna li l-għotja tagħna trid tkun marbuta mal-misteru tal-mewt u mal-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Il-Papa Franġisku, meta fid-dokument sabiħ tiegħu Patris Corde jitkellem dwar San Ġużepp, jgħid li ma tagħmilx sens li tagħti ħajtek, b’sens ta’ sagrifiċċju, li qisu ħa noffri dan bit-tbatija kbira, u mbagħad tieqaf hemm. L-għotja trid tkun għotja ta’ mħabba għax fiha veru hemm il-prezz tas-salib. Minn jaf kemm ommijiet u missirijiet fil-ħajja taż-żwieġ jagħtu ħajjithom kuljum b’paċenzja kbira, anke f’mumenti ta’ diffikultà kbira, u qed jagħtu ħajjithom ħdejn is-sodda tal-mard ta’ wliedhom, inkwetati fuq xi vizzju  ta’ wliedhom, jew inkella inkwetati għall-mard ta’ xulxin, jew xi diffikultà oħra. Qed tagħti ħajtek kuljum u hemm id-dell tas-salib! Ġesù jwiegħed ukoll id-dell tal-glorja; il-paċi ta’ min rikonċiljat miegħu nnifsu ma’ dak li tqassam il-ħajja. Jiena xi ħaġa li timpressjonani fil-wegħda taż-żwieġ, l-aħwa, meta nismagħkom tgħidu: ‘fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa’. Jien ngħid lili nnifsi li aħna s-saċerdoti u reliġjużi ggranfajna ma’ Ġesù, aċċettajna l-istedina tiegħu, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa. Għax l-għotja hija l-vokazzjoni ta’ kulħadd; il-mod kif, hija f’idejn Alla, li jagħżel u jsejjaħ. Hu ma jħarisx lejn il-bravura għax il-vokazzjoni ta’ kull wieħed minna hija misteru. Għaliex jien u mhux l-ieħor? Dak ma nindaħlulux.

Bħala Knisja, illum nitolbu sabiex mill-Papa ’l isfel nilqgħu s-sejħa kbira li nkunu bħal Ġesù. “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10:11). U llum, nirrepeti t-talba ħerqana, li għamilt  lill-poplu qaddis ta’ Alla, f’Ħamis ix-Xirka: li kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar fil-familji tagħna, fil-komunitajiet reliġjużi, fil-parroċċi, fid-djar tal-formazzjoni u fis-Seminarju, ikun jum ta’ talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Nissuġġerixxi wkoll li kull l-ewwel Sibt tax-xahar, li tradizzjonalment hu ddedikat lill-Madonna, nitolbu ħafna għaż-żgħażagħ li qed jaħsbu fiż-żwieġ biex jagħmlu l-pass li jagħtu ħajjithom fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 4:8-12
Salm: 117(118):1,8-9,21-23,26,28ċd,29
Qari II: 1 Ġw 3:1-2
L-Evanġelju: Ġw 10:11-18

Aktar ritratti