-
-
Omelija tal-Isqof Awżiljarju-elett Joseph Galea-Curmi
-
Il-kappella ta’ San Kosma u Damjan, Lourdes
30 ta’ Ġunju 2018Qed ngħixu llum ġurnata sabiħa u storika f’dan il-pellegrinaġġ speċjali tagħna l-Maltin ġewwa Lourdes. Ġibna hawnhekk dan l-inkwatru ta’ San Ġorġ Preca, pittura sabiħa ta’ Manwel Farrugia, flimkien mar-relikwa ta’ San Ġorġ, biex jibqgħu hawn f’din il-kappella. Il-Maltin li se jiġu fis-snin li ġejjin se jkunu jistgħu jqimu lil dan l-ewwel qaddis ikkanonizzat Malti, li diversi wkoll jiftakruh f’ħajjithom. Imma se jkun ukoll għall-qima mhux biss tal-Maltin imma ta’ kull min jiġi jżur dan il-post.
Nixtieq insemmi żewġ punti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalina lkoll f’din l-okkażjoni sabiħa.
Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku min jisma’ l-kelma ‘Malta’ l-ewwel ma jiġih f’moħħu jkun San Ġorġ Preca b’dak kollu li jfisser
L-ewwelnett, din l-esperjenza turina l-valur li naqsmu dak li hu tajjeb, sabiħ u għażiż għalina mal-oħrajn. San Ġorġ Preca jirrappreżenta dan kollu għalina l-Maltin. U aħna llum irridu ‘nesportaw’ dak li hu tajjeb, sabiħ u għażiż biex ħaddieħor jista’ jgawdi minnu wkoll. Min jiġi hawn nixtiquh iħares lejn ix-xbieha ta’ dan il-qaddis u jara ismu; jagħraf fih Malti li għamel ġieħ lil Malta. Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku min jisma’ l-kelma ‘Malta’ l-ewwel ma jiġih f’moħħu jkun San Ġorġ Preca b’dak kollu li jfisser. Min jiġi hawn u jħares lejn San Ġorġ jagħraf ukoll fih saċerdot li f’qalbu kellu li Kristu jkun magħruf, maħbub u mxandar mad-dinja kollha. Il-kelma ‘M.U.S.E.U.M.’ tfisser proprju dan: ‘Mgħallem, mhux li kien id-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju tiegħek’.
Il-qdusija hi l-laqgħa tagħna l-midinbin ma’ Alla li jħenn u li jagħmilna qaddisin.
It-tieni, din l-esperjenza tfakkarna li s-sejħa għall-qdusija hi sejħa li Alla jagħmel lilna lkoll. Il-kobor ta’ San Ġorġ, bħall-kobor ukoll ta’ Santa Bernadette u fuq kollox ta’ Marija nnifisha, meqjuma b’għożża f’Lourdes, mhuwiex l-ewwel fl-affarijiet straordinarji jew ta’ stagħġib f’ħajjithom; imma l-kobor qiegħed f’li għarfu jgħixu l-ħajja ordinarja b’imħabba, b’qalb miftuħa għal Alla u f’għaqda miegħu. Il-Papa Franġisku jispjega dan ċar fl-Eżortazzjoni Appostolika li ħareġ ftit ta’ xhur ilu bl-isem Ifirħu u Thennew. Hu jenfasizza kif aħna lkoll imsejħin għall-qdusija. Il-qdusija hi l-laqgħa tagħna l-midinbin ma’ Alla li jħenn u li jagħmilna qaddisin. Il-Papa jgħid (nru 14): “Int persuna kkonsagrata? Tqaddes billi tgħix l-għotja tiegħek bil-ferħ. Miżżewweġ jew miżżewġa? Tqaddes billi tħobb u tieħu ħsieb ta’ żewġek jew ta’ martek, kif għamel Kristu mal-Knisja.”
Hawnhekk niftakar fl-esperjenza ta’ ommi li snin ilu għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Meta kienet qed taħseb biex tiżżewweġ marret maz-zija għand Dun Ġorġ biex tistaqsih il-parir tiegħu dwar jekk għandhiex tiżżewweġ. U hu mill-ewwel qalilha: ‘Iva, mur u żżewweġ, u jkollok il-barka fiż-żwieġ’. Il-punt importanti hu dan: aħna msejħin ngħixu fit-triq tal-qdusija mhux billi ngħixu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew inħarsu lejn mudelli li huma ’l bogħod minna, imma billi ngħixu ċ-ċirkustanzi partikulari ta’ ħajjitna, fejn il-Mulej sejħilna. Jista’ jkun li ħajtek tgħaddiha ddur b’xi ħadd li qed ibati, jew f’qiegħ ta’ sodda – hemmhekk int imsejjaħ biex titqaddes u tagħmel minn ħajtek għotja sabiħa lil Alla.
Nirringrazzjaw lil kull min ħadem u ta sehmu għal din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa. Nitolbu li niftakru dejjem naqsmu mal-oħrajn it-tajjeb, is-sabiħ, u dak li hu għażiż f’ħajjitna, u ngħixu f’din it-triq tal-qdusija skont is-sejħa li Alla għamel lil kull wieħed u waħda minna.
Mons. Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżilarju-elett ta’ Malta