L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tlifna kull tama li nsalvaw”. Tul ir-rakkont twil tat-tempesta rrakkuntata fl-Atti tal-Appostlitempesta li wasslet għan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta – hemm din is-sentenza li tolqtok għax tesprimi kemm kienet kerha s-sitwazzjoni fuq il-ġifen: “it-tempesta li qabditna ma kinetx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw” (Atti 27:20).
Illum nistedinkom biex nirriflettu fuq din il-ġrajja hekk importanti għal pajjiżna, għalina lkoll, u nagħmlu dan l-aktar billi nħarsu lejn it-tama f’din il-ġrajja. Fil-fatt, din kienet tempesta li dehret bla tama, u spiċċat f’nawfraġju b’ħafna tama. Dak li kien qed jidher bħala diżastru sar sinjal profond tal-providenza ta’ Alla. Dan l-episodju drammatiku, mimli periklu, huwa messaġġ ta’ fidi, reżiljenza, u fuq kollox, tama – tama li anke fil-provi tal-ħajja, Alla dejjem qed jaħdem għall-ġid u għandu l-qawwa biex joħroġ il-ġid mid-deni.
Tama lil Pawlu
Pawlu kien priġunier fi triqtu lejn Ruma meta qamet maltempata qawwija li ħolqot paniku fuq il-ġifen. Il-baħħara u s-suldati kienu mifnija bil-biża’ u l-qagħda dehret proprju bla tama. Ma kienx hemm xaqq dawl għal ħadd.
Minn fost in-nies li kienu fuq il-ġifen, kien Pawlu l-ewwel wieħed li, qalb dis-sitwazzjoni kerha, imtela bit-tama – tama li ġejja minn Alla. Kellu l-esperjenza ta’ dak li hu kiteb lill-Korintin: “Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa” (2 Kor 4:8).
Fil-fatt, dan kien il-messaġġ mingħand Alla: minkejja din it-tempesta qalila, se ssalvaw. Anzi: kulħadd se jsalva. Alla tah dan il-messaġġ ta’ tama. Pawlu nnifsu kien qalilhom:
“Ħbieb, qiegħed nara li s-safra se tkun ta’ ħsara u telf kbir, mhux biss għat-tagħbija u l-ġifen, imma għal ħajjitna wkoll (Atti 27:10). Hekk kien qed jaraha s-sitwazzjoni. U hawn, f’dis-silta li smajna, jirrepetilhom: “kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta” (Atti 27:21). Kieku għamlu hekk u semgħu minnu, Pawlu ma kienx jasal Malta. Imma Alla, fil-providenza tiegħu, jagħti l-messaġġ ta’ tama lil Pawlu, u jgħidlu: “Tibżax, Pawlu…Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qed jivvjaġġaw miegħek isalvaw” (Atti 27:24). L-ewwel bniedem fuq dan il-ġifen li mtela bit-tama, it-tama li ġejja minn Alla, kien Pawlu.
Tama lin-nies tal-ġifen
Meta Pawlu mtela bit-tama, imma mbagħad fittex mal-ewwel li jimla bit-tama lin-nies li kienu fuq il-ġifen. Fil-fatt jgħidilhom: “Qawwu qalbkom, ħbieb” (Atti 27:25). U jirrepeti dan il-messaġġ ta’ tama lin-nies tal-ġifen: “Inwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom mhu se jitlef ħajtu. Il-ġifen biss jintilef” (Atti 27:22). U, iktar tard, jgħidilhom: “Ħadd minnkom mhu se jitlef xagħra waħda minn rasu” (Atti 27:34).
Kien hemm min jipprova jaħrab, bħalma kienu se jagħmlu l-baħrin. Imma Pawlu kien ċar maċ-ċenturjun u s-suldati: “Jekk dawn ma jibqgħux fil-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw” (Atti 27:31). Pawlu, priġunier, kien il-bniedem li ta t-tama lill-persuni kollha ta’ fuq il-ġifen, anke lil diversi li kienu qatgħu qalbhom. Ir-rakkont isemmi f’mumenti oħra meta Pawlu beda jagħmel il-qalb lin-nies biex jieklu xi ħaġa, u hekk għamlu. “Qawwu qalbkom” u “Agħmlu l-qalb” qishom ritornell f’dan ir-rakkont.
Tama lin-nies tal-gżira
Meta l-ġifen ħabat max-xatt ta’ Malta, seta’ deher bħala tmiem ikrah wara maltempata qalila. Imma kien, fil-fatt, il-mezz biex in-nies kollha jsalvaw. In-nies tal-ġifen sabu f’Malta port ta’ salvazzjoni. Mhux biss salvaw, imma sabu nies li jilqgħuhom. Minflok ma sabu ostilità, sabu ospitalità. Sabu nies b’qalb tajba, kif naraw fl-Atti tal-Appostli – “In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2). Huma laqgħu lill-barranin li kienu għadhom kemm waslu u ħadu ħsiebhom sal-aħħar.
Din l-ospitalità mliet bit-tama lin-nies kollha tal-ġifen li spiċċaw Malta. Pawlu, min-naħa tiegħu, sar imbagħad għajn ta’ tama għan-nies tal-gżira. Mela bit-tama, waqt il-maltempata, lin-nies ta’ fuq il-ġifen, u meta ġie hawn, sar għajn ta’ tama għan-nies tal-gżira. Mhux biss għax il-lifgħa ma qatlitux, imma għax fejjaq ħafna nies, fosthom lil missier Publju, il-mexxej tal-gżira. In-nawfraġju sar opportunità kbira biex iwassal ħajja ġdida lin-nies tal-gżira, biex iwassal l-Evanġelju, u jgħin speċjalment lil dawk li kienu għaddejjin mill-mard u t-tbatija.
Pellegrini tat-tama
In-nawfraġju wassal tama ġdida lill-Maltin, it-“tama li ma tqarraqx bina” (Rum 5:5). Hi t-tama Nisranija mibnija fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla u tal-kelma tiegħu li sseħħ. Dak kollu li Alla qal lil Pawlu waqt il-maltempata seħħ; u bis-saħħa ta’ Pawlu fostna, hu ħalla hawnhekk pellegrini tat-tama – dawk li jwasslu din it-tama Nisranija lill-oħrajn.
In-nawfraġju stess, meta nirriflettu fuqu b’qalb miftuħa, jgħallimna ħafna. Jurina min hu Alla. Jurina li Alla qatt ma jabbandunana, anke f’nofs il-maltempati tal-ħajja. Meta ngħaddu minn provi, mit-tbatijiet, minn inċertezzi, xi drabi nistgħu nħossuna mitlufin, mgħarrqa fil-mewġ tad-diffikultajiet. Iżda anke fil-mumenti l-aktar mudlama, Alla qiegħed hemm, imexxina lejn salvazzjoni. L-esperjenza tagħna ta’ tbatija, jekk inqegħduha f’idejn Alla, tista’ tkun sors ta’ grazzja. Dak li narawh bħala falliment, telf, jew diżappunt jista’ jinbidel f’xhieda qawwija tal-fidi, li tispira lill-oħrajn jemmnu fil-qawwa ta’ Alla. Jista’ jkun opportunità kbira ta’ grazzja.
In-nawfraġju ta’ San Pawl jurina kif Alla jimliena bit-tama f’ħajjitna – it-tama li hi bħal ankra – u jsejħilna biex inkunu aħna pellegrini tat-tama. Fost l-oħrajn, billi nilqgħu u nieħdu ħsieb lin-nies l-oħrajn, speċjalment lil dawk li huma fil-bżonn—il-foqra, il-migranti, il-morda u dawk li qed ibatu. Meta nuru tjieba, aħna wkoll insiru strumenti tal-grazzja ta’ Alla u għajn ta’ tama għal dawk li huma fil-bżonn.
F’din is-sena tal-Ġublew, fejn il-Papa Franġisku qed jistedinna lkoll biex inkunu “pellegrini tat-tama”, ejjew nitolbu li l-festa tan-Nawfraġju ta’ Pawlu fostna timliena bi gratitudni lejn Alla għall-fidi li ġabilna Pawlu li hi l-pedament tat-tama Nisranija; timliena b’impenn biex ngħixu b’fedeltà l-fidi ħalli nistgħu nkunu għajn ta’ tama għal tant nies.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju