L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Ewwel Qari li qrajna llum jagħtina r-rakkont skont il-kitba ta’ San Luqa. San Luqa kiteb Evanġelju u l-Atti tal-Appostli. Nistgħu ngħidu li dawn huma żewġ volumi li għandhom propju narrattiva li tkompli.
L-Evanġelju ta’ San Luqa jagħtina, kif jgħid hu stess, jgħid l-awtur stess, ir-rakkont ta’ dak li għamel u qal Ġesù, imbagħad l-Atti tal-Appostli, it-tieni volum ta’ din il-kitba ta’ San Luqa, tagħti r-rakkont tal-preżenza tal-Mulej fil-Knisja tiegħu. U ż-żewġ kotba: l-Evanġelju u anke l-Atti tal-Appostli, wieħed jikkonkludi u l-ieħor jibda b’din l-esperjenza li qed niċċelebraw illum it-tlugħ is-sema tal-Mulej.
L-Evanġelju li din is-sena jintagħżel mhuwiex mill-Evanġelju skont San Luqa, imma peress li qegħdin fis-sena ddedikata lil San Mattew, qed naqraw l-Evanġelju ta’ San Mattew matul is-sena, allura anke f’din il-festa l-Knisja tagħżel is-silta konklużiva, dik li tikkonkludi l-Evanġelju ta’ San Mattew u li minflok f’Ġerusalemm, skont ir-rakkont ta’ San Luqa, issir fuq muntanja fil-Galilija.
Din id-diskrepanza tgħallimna li aħna qed niċċelebraw esperjenza qawwija li l-Knisja tagħraf bħala frott qawwi tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet u li din hija esperjenza li sseħħ f’diversi mumenti u f’diversi postijiet u li tkompli. Għaliex Ġesù ma tteħidx minna bħallikieku mbagħad nerġa’ niġi xi darb’oħra għaliex mhux se nibqa’ magħkom. Il-kelma qawwija li biha jikkonkludi l-Evanġelju li għadna kemm smajna llum, huwa totalment differenti: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żminijiet” (Mt 28:29).
Il-preżenza ta’ Ġesù m’għadhiex preżenza li tidher u din hija xi ħaġa li Luqa u anke Mattew jippruvaw jispjegaw anke għaliex bħal-lum ġimgħa aħna niċċelebraw id-don il-kbir tal-Imgħallem li huwa l-Ispirtu tiegħu.
Illum qegħdin niċċelebraw il-glorja tiegħu. Din il-kelma li jagħtina f’San Mattew meta jgħid: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art” (Mt 28:18). U allura aħna llum nifirħu mal-Mulej Ġesù li fil-qawmien tiegħu mill-imwiet jikseb din il-glorja u bħalma ngħidu fil-Kredu: “Qiegħed fil-lemin ta’ Alla l-Missier”. Lilu ngħatat kull setgħa imma lilna, anke meta niddubitaw bħalma jgħid b’ċertu konkretezza l-istess Evanġelju ta’ San Mattew li xi wħud iddubitaw, xorta jafdalna l-missjoni li mmorru fid-dinja kollha u nagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha. U ngħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (Mt 28:19).
Il-festa ta’ Lapsi, tlugħ is-sema tal-Mulej, il-fatt li l-Mulej fil-qawmien tiegħu mill-imwiet huwa gglorifikat, l-Iben ta’ Alla li niżel u sar bniedem, qiegħed mal-Missier fil-glorja, hu r-ras tagħna, jagħtina din il-qawwa li nittamaw li aħna nkunu miegħu bħalu. Imma konkretament xi tfisser?
Jiena nixtieq nissellef il-kliem ta’ Santu Wistin li f’wieħed mid-diskorsi tiegħu, propju omelija li għamel bħal-lum fl-axxenzjoni tal-Mulej, f’Lapsi, jgħid hekk: “Illum Sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema, ħa jitilgħu qlubna miegħu fis-sema, ħa jitilgħu miegħu qlubna fis-sema”. Xi ħaġa li aħna niftakru f’kull quddiesa meta fil-bidu tat-Talba Ewkaristika, is-saċerdot jagħmel djalogu jfakkarna li l-Mulej huwa magħna: ‘il-Mulej magħkom’. Aħna nirrispondu: ‘u miegħek ukoll’. ‘Nerfgħu qlubna ’l fuq’. ‘Nerfugħuhom lejn il-Mulej’. Dan id-djalogu li l-Knisja tfakkar u tagħmel f’kull Ewkaristija f’kull jum huwa l-prova li dak li qed niċċelebraw illum mhux biss avveniment li ġara propju qabel il-ħamsin jum, qabel Pentekoste, imma huwa realtà tal-ħajja ta’ Ġesù fostna u tagħna miegħu.
Santu Wistin ikompli fuq din it-tema tal-qalb u l-imħabba: “Hu magħna, Ġesù huwa magħna bid-divinità tiegħu għax hu l-Iben ta’ Alla bil-qawwa tiegħu, ‘għax lili ngħatat kull qawwa fis-sema u fl-art’ bl-imħabba tiegħu, għax huwa l-Iben ta’ Alla li huwa mħabba”. Aħna għalkemm ma nistgħux inkunu miegħu bid-divinità kif inhu magħna, għax aħna m’aħniex allat, nistgħu nkunu miegħu bl-imħabba, bl-imħabba fih.
Mela jiena ngħix Lapsi, din il-festa li qed niċċelebra llum billi l-imħabbiet kollha tiegħi żgħar u kbar, jerfgħuni lejn il-Mulej li huwa mħabba. Iżjed ma ninfatam mill-egoiżmi tiegħi, iżjed ma jiena u nħobb infittex il-ġid ta’ ħaddieħor u inqas tiegħi, u nifhem li l-ikbar ġid tiegħi huwa li nħobb, jiena qed nerfa’ l-qalb tiegħi lejn il-Mulej għaliex hu qiegħed miegħi bid-divinità, bil-qawwa, bl-imħabba, imma jien li jien bniedem dgħajjef, jiena nista’ nkun miegħu bl-imħabba. Li nerfgħu qlubna ’l fuq, mhux li ninsew il-preżenza tiegħu fostna jew nippretendu li se jidhrilna b’xi mod jew ieħor biex inkunu nafu li qiegħed magħna għax huwa magħna f’ħutna.
Santu Wistin stess fl-istess omelija jfakkarna li meta ddjaloga ma’ Sawlu ma qallux għaliex qiegħed tippersegwita d-dixixpli tiegħi Ġesù, imma qallu għaliex qiegħed tippersegwitani? Dak li tagħmel mal-Knisja tiegħi qed tagħmlu miegħi (Atti 9:5).
U meta tkellem dwar ħutna għallimna li l-kelma tiegħu se tkun: “Kont bil-għatx u sqejtuni, kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:25). M’għandniex għalfejn inħarsu lejn is-sema biex naraw lil Ġesù għax Ġesù qiegħed magħna. “Jiena magħkom dejjem” imma magħna wkoll f’ħutna u dak li nagħmlu bi mħabba, jerfa’ qlubna lejh.
Illum hija festa kbira għax aħna nifirħu li l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet hija l-glorifikazzjoni tiegħu imma wkoll nifirħu b’din il-wegħda tant ċara fl-Evanġelju ta’ San Mattew li huwa magħna għal dejjem. “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20) u din mhux biss privileġġ imma responsabbiltà: li jiena nfittex il-wiċċ tiegħu fl-imħabbiet tiegħi u nfittex li nħobb biex niltaqa’ miegħu, biex narah, biex nerfa’ qalbi ’l fuq.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 1,1-11
Salm: 46 (47), 2-3.6-7.8-9
Qari II: Ef 1, 17-23
Evanġelju: Mt 28, 16-20