-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Bitħa tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, il-Mellieħa
22 ta’ Settembru 2019“Deher sinjal kbir fis-sema, mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u b’kuruna ta’ 12-il kewkba fuq rasha” (Apok 12:1). Aħna mdorrijin nivveneraw u nqimu x-xbieha ta’ Marija u llum qegħdin nagħmlu l-festa tal-Madonna tal-Mellieħa, x’aktarx l-iżjed xbieha antika tal-Madonna li għad għandna fil-gżejjer tagħna.
Għandna ħafna xbihat, biex infakkar il-kliem ta’ Dun Karm, il-poeta nazzjonali: verament isem il-Madonna huwa mnaqqax fuq kull blata ta’ dawn il-gżejjer għeżież, imma din li aħna qegħdin nagħmlu l-festa tagħha llum, hija l-iżjed waħda antika li għad għandna u propju mpinġija fuq il-blat. Meta tħares lejha tifhem li min pinġieha ried, bl-istil ta’ 1,000 sena ilu, iżżejjinha mill-aħjar li jista’ u kiteb ukoll Mater Dei, omm Alla biex kull min jasal u jqimha f’dan l-għar qaddis, ma jkollu l-ebda dubju li qed jitlob quddiem xbieha għażiża ta’ dik li l-Mulej għażilha biex tkun ommu.
“Mara liebsa x-xemx” (Apok 12:1). Mhijiex ix-xemx, ix-xemx huwa Binha, imma Binha għażel li jlibbes lil ommu bl-istess glorja tiegħu għax hi mhix Alla. Binha huwa Alla, id-dawl tad-dinja huwa Binha. Aħna wkoll isejħilna dawl tad-dinja imma aħna wkoll, bħall-Madonna, aħna dawl daqskemm nirriflettu d-dawl li bih libbisna Hu. “Mara liebsa x-xemx”. Kemm hi qawwija d-dija tax-xemx, lanqas tħallik tħares lejha. Ommu hija mlibbsa b’din id-dija qawwija. “Il-qamar taħt riġlejha”. Il-qamar ukoll ma jagħtix dawl minn tiegħu, huwa mera tad-dawl li jiġi mix-xemx, dawl rifless.
Il-kuruna ta’ 12-il kewkba fuq rasha tfisser ukoll li hija gglorifikata u mgħollija reġina tas-sema u tal-art. U aħna msejħin nisilha għax hi, meta kienet ħdejn is-salib ta’ Binha, semgħet lill-Mulej jgħidilha: “Hawn hu Ibnek” (Ġw 19:26) u Ġwanni ma kienx jiġi minnha fid-demm imma kien jiġi minnha fil-familja l-ġdida li Ġesù kien inissel fuq is-salib, il-familja tad-dixxipli tiegħu. U aħna nisilha. Il-Ktieb tal-Apokalissi meta jispjega min hu n-nisel ta’ din il-mara, jgħid hekk: “Dawk li jħarsu l-preċetti ta’ Alla u li għandhom x-xhieda ta Ġesù” (Apok 12:17). Issa aħna nippruvaw nħarsuhom il-preċetti ta’ Alla, mhux dejjem jirnexxilna. U tajjeb li nfakkru lilna nfusna, għax qegħdin għad-dell ta’ ommu, il-ħniena tiegħu u l-paċenzja tiegħu.
Alla jrid li aħna nieħdu paċenzja b’xulxin għax hu jieħu paċenzja bina, ħadd ma jaqta’ qalbu minn Alla għax dan espert fil-paċenzja.
Illum inkellimkom, bħalma kien ikellem l-appostlu Missierna lill-komunitajiet li waqqaf, “bħala l-ewwel midneb fostkom” (1Tim1:15) kif jgħid Pawlu lil Timotju u li Alla għażlu biex fih jagħti xhieda tal-paċenzja tiegħu, hekk jgħid l-appostlu Pawlu: “Jiena l-ewwel wiehed” mhux qed jgħid fl-unuri, fid-dnubiet. Imma allura għax għażilni Alla? Biex fija juri kemm għandu paċenzja u b’hekk ħuti d-dixxipli jagħmlu kuraġġ. Kemm hi ħaġa sabiħa li l-isqof – għax fil-fatt Pawlu jsejjaħ lilu nnifsu protos, imma protos fil-midinbin, fil-klabb l-ewwel wieħed, jieħu l-Oscar – u l-isqof huwa magħżul biex Alla, waqt li qed jieħu paċenzja bih, jagħmel kuraġġ lill-oħrajn.
Allura meta niftakru li aħna nisel ta’ din “il-mara mlibbsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, b’kuruna ta’ 12-il kewkba fuq rasha”, veru kollu dawl misluf apparti tal-kwiekeb, kollha dawl misluf imma dawl li ġej minn Alla. Aħna nfakkru li aħna dawk li nħarsu l-preċetti ta’ Alla imma nafu wkoll li jirnexxielna għax Alla jħenn għalina u jieħu paċenzja bina. Iżjed ma nirriflettu fuqha din iżjed ikollna l-qawwa nieħdu paċenzja b’xulxin.
Jumejn ilu mort insellem mara li għalqet 100 sena. Nawgura lil kulħadd jiena. U din, Alla jbierek għadha fuq tagħha, u qaltli: ‘Jiena taf x’kien jgħidli l-konfessur? Binti, tinsa qatt il-ħajja: sabar u paċenzja’. Il-ħajja sabar u paċenzja! U għidtilha: ‘X’differenza hemm bejn is-sabar u l-paċenzja? U ta’ mara għarfa li hi, qaltli: ‘Is-sabar huwa ħaġa li tifhimha, il-paċenzja hija ħaġa li tgħixha’. Mela s-sabar fejn jiena rrid nistabar: għandi marda, għandi problema fil-familja, għandi tifel jinkwetani, għandi bżonn nistabar. Imma mbagħad meta tiġi l-prova, irrid nuri paċenzja. Għax aħna malajr titlagħlna. Sabar u paċenzja.
Alla jrid li aħna nieħdu paċenzja b’xulxin għax hu jieħu paċenzja bina, ħadd ma jaqta’ qalbu minn Alla għax dan espert fil-paċenzja. Kieku kulħadd nar, kieku d-dinja m’għadhiex hawn, għax ilna li qabbiżnihielu.
U x’jagħmilna nisel tal-Madonna? It-tieni ħaġa li jsemmi l-Ktieb tal-Apokalissi fis-silta li qrajna. “Għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù” (Apok 12:17). X’jiġifieri għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù? Mhux xhieda ta’ Ġesù, għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù! Meta jkollok xi ħaġa hija tiegħek, x’jiġifieri li aħna għandna x-xhieda ta’ Ġesù? Ix-xhieda ta’ Ġesù x’inhi? Ix-xhieda ta’ Ġesù nsibu fit-Testment il-Ġdid, hija l-istqarrija li għamel quddem Ponzju Pilatu. Hija l-mewt tiegħu u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. U għalina din ix-xhieda tal-ubbidjenza ta’ Ġesù u tal-glorja li biha żejnu l-Missier f’jum il-qawmien tiegħu mill-imwiet, hija xi ħaġa għażiża. Aħna rridu nżommu din ix-xhieda ta’ Ġesù, hija tagħna għaliex miet u qam għalina. Ġesù miet għalina, Ġesù qam mill-imwiet għalina.
U din ix-xhieda li rridu ngħaddu lil uliedna. Nagħmel appell lill-ommijiet b’mod speċjali lil ommijiet żgħażagħ, lin-nanniet – il-babysitters tal-lum, hawn xi bużnanna wkoll. Kemm hi ħaġa sabiħa li din ix-xhieda ta’ Ġesù li għandna li wasslilna l-Appostlu Missierna, qiegħed hemm dejjem isellem, qatt ma jgħejja, ngħadduha lil uliedna u lil ulied uliedna. Pawlu qagħad fostna tliet xhur u kellimna fuq Ġesù għaliex fejjaq lill-morda tagħna bil-qawwa ta’ Ġesù. Pawlu ġie u fejjaq lil kulħadd, beda minn missier Publiju mbagħad kulħadd tħajjar – infatti l-Atti tal-Appostli jgħdulna: “U ġabu l-morda kollha u fejjaqhom” (Atti 22:9).
Immaġinaw kemm ferħ daħal fil-familji kull fejn kien hemm il-mard. U aħna l-Maltin minn dejjem ngħidu xi ħaġa lil xulxin: ‘Mort għand dan Pawlu, ħabsi li ġie fuq vapur li nkalja, anzi sar bċejjeċ u fejjaqhuli t-tifel, fejjaq lil ommi bħalma għamel lil missier Publiju’. B’liema qawwa? Bil-qawwa ta’ Ġesù. B’liema isem? Bl-isem qaddis ta’ Ġesù.
Peress li kien hemm Luqa miegħu, żgur kellimna fuq il-laqgħat tiegħu ma’ omm Ġesù għaliex Luqa huwa dak li ltaqa’ ma’ Marija u wasslilna l-esperjenzi l-iżjed intimi tagħha. Aħna ltqajna ma’ Marija propju fil-mument li ltqajna ma’ Ġesù għaliex il-Mulej bagħtilna lil Pawlu u lil Luqa.
U hawnhekk dan il-post qaddis huwa xhieda ta’ dan, huwa x-xhieda li mill-għuda jiġi l-ħelsien. Hija ħaġa li aħna nfakkruha anke fin-nawfraġju ta’ Missierna. Fis-Salm Responsorjali: “imbierka l-għuda li biha jsir is-sewwa”. Għax għalina dan il-bastiment veru tfarrrak imma ġabilna lill-Appostlu Missierna. Imma l-qaddisin, dan is-Salm użawh ukoll għall-għuda mqaddsa tas-salib: “Imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid, isir is-sewwa.”
U għalhekk aħna u nbierku dan l-artal, l-ambone, il-mensole li tħejjew għas-Santwarju, niftakru li l-element tan-natura, is-siġar li ntużaw biex sar minnhom dan l-artal u l-ambone, iż-żewġ artali: l-artal tal-Kelma u l-artal tal-Ewkaristija, u l-mejda tat-tħejjija, dawn huma wkoll għuda li bit-tberik li se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor, għalina se ssir għuda għażiża: l-għuda tal-artal li fuqha l-offerti tagħna jitbiddlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, l-għuda tal-ambone li minnha titħabbrilna l-Kelma ta’ Alla, u l-għuda li qed tħaddan il-mensola tat-tħejjija li b’xi mod tiġbor dak li aħna npoġġu quddiem Alla, l-offerti tagħna u dak kollu li aħna. Il-Mulej waqt li qed ibierek din l-għuda tal-artal, qiegħed jgħid magħna: imbierka l-għuda li permezz tagħha jsir il-ġid.
Ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-Madonna biex dan il-post qaddis jibqa’ jiġbed il-familji Maltin lejh. Kemm hi ħaġa sabiħa li se tippreżentaw lit-trabi tagħkom; fil-Magħmudija saru ħaġa waħda ma’ Ġesù, illlum qed tressquhom fi ħdan ommu u tgħidulha: ‘inti wkoll l-omm u ta’ wliedna, ħu ħsiebhom, hu ħsiebhom’. Int dak is-sinjal kbir ta’ tama: “Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u b’kuruna ta’ 12-il kewkba fuq rasha”.
Madonna tal-Mellieħa, itlob għalina!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għam 8, 4-7
Salm: 112 (113), 1-2.4-6.7-8
Qari II: 1 Tim 2, 1-8
Evanġelju: Lq 16, 1-13 -
-
-
-