L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jagħmel ħiltu kollha biex jgħix ir-rieda tal-Missier u r-rieda tal-Missier hija s-salvazzjoni tal-poplu tiegħu, ta’ Iżrael. Iktar ’il quddiem jagħraf ukoll li huwa mibgħut għall-ġnus.
F’din l-ewwel laqgħa ma’ rappreżentanta tal-ġnus, din il-mara Griega, Sirofeniċja min-nisel tagħha, Ġesù jidħol f’kunflitt. Qed titolbu l-għajnuna. Mhijiex parti mill-poplu ta’ Iżrael. Imma l-umiltà tagħha tipperswadih mill-fidi tagħha. Hi lesta tilqa’ wkoll il-loqom li jaqa’ mill-mejda ta’ Iżrael u tissieħeb mal-fidi f’Alla li huwa ħaj għaliex f’Ġesù tara dak li jista’ jgħinha. Fil-fatt issejjaħlu Mulej. “Hekk hu, Mulej” (Mk 7:28). Tagħraf fih is-Sinjur. “Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-Xitan ħareġ minn bintek” (Mk 7:29).
Il-ħsieb tagħna jmur għal tant pellegrini li fi żminijiet oħra, mhux bħalissa, kienu jersqu lejn il-grotta ta’ Massabielle ġewwa Lourdes f’riġlejn il-post fejn fl-1858 il-Madonna dehret lil Bernadetta Soubirous. Il-Madonna talbet lil Bernadetta biex titlob għall-midinbin, għalina. Aħna fis-Sliema u Qaddisa hekk ngħidulha: “Itlob għalina l-midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Ilkoll nersqu ta’ li aħna, imtaqqlin bit-toqol tagħna.
Imma Lourdes, mhux biss bir-ritwal tal-ħasil fl-ilma tan-nixxiegħa jew inkella mix-xorb mill-ilma, imma wkoll u b’mod speċjali bis-sagrament tal-qrar, iwassal fejqan spiritwali. Kultant il-Mulej waqt il-purċissjoni bis-Sagrament jippermetti wkoll fejqan fiżiku. Għalhekk, f’Lourdes wara s-sagrament, l-ewwel li jkun hemm jimxu huma grupp ta’ tobba. Dan sabiex jekk ikun hemm sinjal mis-sema, ikunu l-ewwel nies li jiċċertifikaw. Xi ħaġa li dejjem tolqotna hija l-fatt li l-mirakli ta’ Lourdes huma marbutin mal-purċissjoni tal-Ewkaristija għax huwa l-Mulej li jfejjaq. L-omm qiegħda hemm biex tiffaċilita, biex tistedinna, biex tħejjilna l-mejda tal-imħabba, tal-karità, u tal-maħfra. Imma huwa Binha li jfejjaq.
Aħna wkoll illum, anke għaliex ma nistgħux immorru fiżikament minħabba r-restrizzjonijiet ta’ vjaġġi, nersqu spiritwalment lejn il-grotta ta’ Lourdes u nitolbu l-Omm li tkompli tħejji l-mejda. Aħna lesti anke nilqgħu l-frak li jaqa’ minn dil-mejda li tħejji l-Omm. Il-Mulej iħares lejn iċ-ċokon tagħna u jgħidilna: “Għal din il-kelma li għedt, mur, inti mfejjaq, inti mfejjqa” (Mk 7:29).
B’mod speċjali f’din il-ġurnata li l-Papiet xtaqu li tkun ġurnata ta’ talb għall-morda, jiena nixtieq nistieden il-morda kollha li qegħdin isegwu din il-quddiesa biex joffru l-frustrazzjoni, l-umiljazzjoni, id-dwejjaq, il-qtigħ il-qalb, it-tbatija fiżika, psikoloġika, morali u spiritwali, u jgħaqqdu dan kollu mas-salib ta’ Ġesù.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 2, 18-25
Salm: 127 (128), 1-2.3.4-5
Evanġelju: Mk 7, 24-30