• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Knisja Parrokkjali, il-Furjana

    5 ta’ Mejju 2019
    “Int issir bħal ġnien imsoqqi, bħal għajn ta’ ilma li ilmijietha qatt ma jonqsu”. Dan il-kliem il-Knisja qiegħda tisselfu llum għal Publiju. F’Publiju tara ġnien imsoqqi, tara għajn ta’ ilma li ilmijietha qatt ma jonqsu. U għaliex dan il-kliem jgħodd għal Publiju?
    L-Iskrittura, fl-Atti tal-Appostli, tagħtina xhieda ta’ bniedem li kellu tjubija, prudenza u ġenerożità naturali. Kien il-protos ta’ din il-gżira. Kien il-ħakem tal-poplu tagħna f’era fejn kienet tirrenja l-Pax Rumana, eġemonija, paċi li kellha garanzija u sikurezza mill-qawwa tal-Imperu Ruman. Ix-xhieda Rumani antiki, xhieda Latini, meta jitkellmu fuq Malta, bħal pereżempju Ċiċerun fil-kontroversja tiegħu kontra Verres, jitkellmu dwar gżira li kienet tagħti għasel mill-aqwa u kienet imfittxija wkoll għaż-żejt tagħha. 
    It-toponomastika ta’ pajjiżna tfakkarna f’tant postijiet marbutin maż-żejt, l-aqwa forsi minnhom hu ż-Żejtun. Imma mhux biss iż-Żejtun (Għajn Żejtuna). U anke l-inħawi fejn il-prinċep kellu l-oqsma tiegħu: l-inħawi li aħna nsejħulhom Burmarrad għax kienu qrib ħafna l-baħar. U forsi hemmhekk ukoll kien hemm dak li llum m’għadux hemm: ċertu għadajjar ta’ ilma salmastru. 
    Kien bniedem li mill-imperu tgħallem il-prudenza fil-gvern tiegħu, mod kif tiggverna, u kien komdu f’soċjetà stratifikitata ħafna. Biex nissellef il-kliem ta’ San Ġwann Pawlu II fl-enċiklika tiegħu dwar ix-xogħol ‘Laborem Exercens’ tal-1981, il-papa qaddis jgħid hekk: “Fid-dinja tal-qedem kien hemm sura ta’ tqassim tan-nies fi klassijiet skont ix-xogħol li kull wiehed kien jagħmel. Ix-xogħol kien jitlob mill-ħaddiem is-saħħa ta’ ġismu, xogħol tad-dirgħajn u tal-idejn, kien meqjus bħala xogħol li ma jixraqx lil bniedem ħieles, u għalhekk kien magħmul mill-ilsiera”. Dik kienet is-soċjetà li fiha trabba l-poplu, soċjetà stratifikata ħafna fejn ix-xogħol l-iżjed umli ma kienx adatt għaċ-civis, għaċ-ċittadin imma kienu jagħmluh l-ilsiera.

    Publiju jiltaqa’ ma’ xi ħadd li jagħtih perspettiva ġdida tad-dinja …

    Fl-oqsma tiegħu żgur kellu ħaddiema li jagħsru ż-żebbuġ biex minnu jkollna ż-żejt. L-għasel li jsemmi Ċiċerun naħseb kien ukoll jonora l-mejda ta’ Publiju bħalma kienu l-ħxejjex li aħna tant kburin bihom għax għandhom togħma speċjalissima; il-frott Malti, immaturat fix-xemx Mediterranja, għandu togħma li meta dduqu x’imkien ieħor tgħid: ‘Imma dan l-istess frott?’ 
    Publiju jiltaqa’ ma’ xi ħadd li jagħtih perspettiva ġdida tad-dinja; jagħtih mod ġdid kif iħares lejn is-soċjetà u lejn ħutu l-ħaddiema. Jiġi priġunier fuq xini li nkalja x’aktarx qrib il-ponta ta’ Ta’ Fra Ben, fejn hemm propju dawk iż-żewġ kurrenti li jsemmu wkoll l-Atti tal-Appostli u li huma bi dritt l-oqsma ta’ Publiju fil-kappella ta’ San Pawl Milki f’Burmarrad. 
    Dan il-ħabsi l-ewwel gidmitu lifgħa u ma mietx u mbagħad fejjaqlu ’l missieru. Nistgħu napprezzaw li l-impatt ta’ dan il-priġunier fuq Publiju kien qawwi ħafna. Ejjew nimmaġinaw l-istat personali ta’ Publiju propju f’dawk il-ġranet. Għalkemm huwa l-protos, jiġifieri l-ħakem, missieru qiegħed imut. Ħin minnhom, f’dawn iċ-ċirkustanzi tal-ħajja li lkoll nafu, tirrealiza x’inhu tassew prezzjuż fil-ħajja u tirrealizza wkoll x’inhu frugħa. U Publiju, huwa u jagħsar qalbu għal missieru li qiegħed f’qiegħ ta’ sodda bid-deni u bid-disenterija, ma jagħalqx qalbu, qalbu ma ssirx tal-ġebel. Jilqa’ lil iżjed minn 270 ruħ għandu għal tliet ijiem. Pawlu jidħol u f’isem xi ħadd jismu Kristu Ġesù, ifejjaqlu lil missieru! Imma min hu dan? 
    Immaġinaw protos ta’ gżira bid-dinjità kollha tiegħu li jagħtih l-Imperu Ruman, jisma’ li missieru fieq bil-qawwa ta’ mastrudaxxa! Mastrudaxxa minn post imwarrab fil-periferija jismu Nazaret. Saħansitra dan l-imbierek mastrudaxxa r-Rumani stess, li tagħhom Publiju kien ir-rappreżentant fostna bħala protos, sallbuh. Publiju kien jaf li fis-sistema li hu kien jappartjeni, din it-tip ta’ mewt kienet tingħata biss lill-ilsiera, lil dawk li mhumiex ċittadini, lil dawk li m’għandhomx jagħmlu xogħlijiet bħalma jgħid San Ġwann Pawlu II, li ma jixirqux lil bniedem ħieles. U f’isem dan il-mastrudaxxa msallab, Pawlu jfejjaqlu lil missieru! Pawlu, f’isem il-mastrudaxxa msallab ta’ Nazaret, ifejjaq il-morda kollha tal-gżira. L-isem ta’ dan il-ħaddiem ta’ Nazaret, li fl-imperu huwa disprezzat u m’għandux ċans jitla’ l-iskala soċjali, juri qawwa kbira għax għalkemm huwa mastrudaxxa umiljat mill-imperu u ddisprezzat minn min għandu s-setgħa fid-dinja, huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.
    Ħa nkompli naqa x’jgħid San Ġwann Pawlu II fl-1981: “Ir-reliġjon Nisranija wasslet xi fehmiet li ġa nsibuhom fil-Kotba tal-Patt il-Qadim u ġabet bidla sħiha fil-fond, fil-ħsibijiet dwar dan il-qasam, billi bdiet tqis dak kollu li nsibu fil-Bxara t-Tajba tal-Evanġelju, u, speċjalment il-fatt, li dak li kien Alla, sar jixbahna f’kollox u għadda l-qofol ta’ ħajtu fuq l-art jaħdem b’idejh fil-ħanut tal-mastrudaxxa. 

    Tagħmel x’tagħmel inti bniedem u għandek id-dinjità. M’hemmx xogħol li huwa inqas dinjituż minn xogħol ieħor.

    Dan il-fatt fih innifsu hu xhieda ħajja tal-‘Evanġelju tax-xogħol’, u juri li wieħed għandu jqis is-siwi tax-xogħol tal-bniedem l-aktar mhux mis-sura tax-xogħol li jsir, imma mill-fatt li dak li qieghed jagħmlu hu persuna, hu bniedem. Tagħmel x’tagħmel inti bniedem u għandek id-dinjità. M’hemmx xogħol li huwa inqas dinjituż minn xogħol ieħor. Din il-ħaġa lil Publiju ma għallmilhux l-imperu, imma għallimhielu Ġesù msallab il-mastrudaxxa ta’ Nazaret.
    Aħna rridu nammiraw lil dak il-protos li huwa u jilqa’ l-messaġġ li ġablu Pawlu ta’ Tarsu, fetaħ qalbu għall-mod ġdid kif iħares lejn l-umanità u lejn id-dinja. Għax fl-Evanġelju li għadna kemm smajna fil-festa tiegħu dan il-mastrudaxxa msallab u rxuxtat – għax il-qawwa tiegħu ġejja minn hemmhekk, mill-irxoxt tiegħu – jgħid: “Dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

    Irridu determinazzjoni li ma nħallu lil ħadd li bil-kapriċċi tiegħu jtellfilna dak li huwa għażiż għalina.

    Jiena ma nistax f’din il-festa partikulari, ma nsemmix il-fatt li lkoll sewdilna qalbna meta parti sabiħa u straordinarja tal-patrimonju ta’ din il-parroċċa, safa maħruq, għadda min-nar u l-imla u sar irmied. Min għamel dan l-att mingħajr ma wera min hu, ried jagħtina messaġġ; seta’ ffirmah imma ma kellux il-kuraġġ jieħu l-konsegwenza tal-att kriminali tiegħu. Aħna nibqgħu nittamaw li fuq din l-art għad baqa’ ftit ġustizzja wkoll. Imma lilkom il-Furjaniżi taf x’ngħidilkom? L-ark m’għadux magħna. Id-dmugħ li nistgħu nxerrdu għalih huwa sinjal ta’ kemm kien għal qalbna imma aħna mhux id-dmugħ irridu. Irridu determinazzjoni li ma nħallu lil ħadd li bil-kapriċċi tiegħu jtellfilna dak li huwa għażiż għalina.

    … l-ikbar devozzjoni hija li inti timita lill-qaddis patrun …

    Illum, ark tal-injam prezzjuż u uniku, għada x’jista’ jkun? Irridu nitgħallmu nirreaġixxu għal min irid itellifna l-valuri li ħaddan Publiju. Aħna ma naċċettaw li ħadd jagħmel vjolenza fuqna u nibqgħu nieqfu nħarsu. X’se nagħmlu? Fejn tkisser nerġgħu nibnu; fejn inħaraq jerġa’ jitwieled mill-ġdid. Imma tgħiduli: ‘Dawn mhux flus moħlija? Dawn ma nistgħux nagħtuhom lill-fqar?’ Il-fqar dejjem magħna; nagħmlu ħaġa u ma ninsewx oħra. Anzi, ikun tajjeb li waqt li jerġa’ jinbena l-ark issir opra ddedikata lil San Publiju li tkun ta’ ġid soċjali. Għax l-ark kien espressjoni tad-devozzjoni tal-Furjaniżi u tal-Maltin. Imma l-ikbar devozzjoni hija li inti timita lill-qaddis patrun; li tgħaddi mill-istess konverżjoni li għadda minnha hu, bniedem tal-imperu li sallab lil Ġesù Kristu, iħaddan lill-mastrudaxxa msallab.
    Jien hekk nixtieq li nagħmlu. Id-determinazzjoni tagħna li nibnu ark ta’ devozzjoni flimkien u mill-ġdid, trid tkun għalina okkażjoni li nerġgħu niġġeddu fl-ispirtu ġenwin ta’ San Publiju. Fl-impenn tiegħu li jurina l-qawwa tal-isem ta’ Ġesù meta reġa’ gawda lil missieru b’saħħtu mill-ġdid, li hu ra l-qawwa tal-isem ta’ Ġesù meta l-morda kollha tal-gżira fiequ, jipperswadina li fl-isem tal-Mulej Ġesù għad hemm l-istess qawwa, l-istess qawwa ta’ fejqan, l-istess qawwa li tagħtina l-ġenerożità niġġieldu għad-dinjità ta’ kull bniedem, hu min hu; il-ġenerożità li nagħtu opportunitajiet ugwali lil kulħadd u li fostna ma jkunx hemm distinzjoni bejn ċittadini u barranin. Dawn huma l-valuri li ħaddan Publiju u jekk se nibnu l-ark kif nixtieq li jinbena, ejjew ilkoll ninbnew f’dawn il-valuri.
    Jalla bħall-Maltin li laqgħu lil Pawlu, immexxijin minn Publiju u li kienu jemmnu fil-ġustizzja, aħna nibqgħu nittamaw fil-ġustizzja mhux biex nivvendikaw ruħna, dak qatt, imma biex ngħidu lil kull min irid iweġġa’ l-qalb tagħna, li m’aħniex se nibqgħu nħarsu. Il-kelma tagħna hija kelma ta’ rġulija u ta’ paċi, tiegħek mhijiex l-aħħar kelma. Il-kelma ta’ Alla din is-sena trid tkun forsi iżjed qawwija mis-snin l-oħra.
    Viva San Publiju.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta