L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Nixtieq l-ewwel nett inwassal l-apprezzament u s-sapport ta’ Mons. Arċisqof, li qiegħed barra minn Malta, u għalhekk minfloku hawn “l-isqof li qed jgħinu”.
Eċċellenza President tar-Repubblika u s-Sinjura Vella, Onorevoli Ministri, Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni, membri parlamentari, sinjuri, nixtieq nuri l-apprezzament għall-preżenza tagħkom f’din l-okkażjoni llejla li tagħmel ħafna kuraġġ għax turi li s-soċjetà Maltija għandha għal qalbha l-ħajja ta’ dawn li llum se jiggradwaw u oħrajn li huma residenti fid-djar immexxija mill-Caritas.
Nixtieq nirringrazzja ħafna lil Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija; lil Mons. Victor Grech – kemm aħna ferħana li qiegħed preżenti hawnhekk magħna llejla; lil Anthony Gatt, direttur, u l-istaff kollu kif ukoll il-voluntiera tal-Caritas. Nixtieq ngħid kemm napprezzaw il-ħidma tal-Caritas li hi tant prezzjuża fil-Knisja f’Malta, għax dak li qed tagħmel il-Caritas hu proprju t-twettiq tal-kliem ta’ Ġesù: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għalhekk nixtieq ħafna li tkun kelma ta’ inkoraġġiment lilkom f’dil-ħidma li qed tagħmlu – rajna llum xi eżempji ta’ din il-ħidma – ħidma li hi hekk prezzjuża u sabiħa.
Nixtieq ngħid kelma ta’ kuraġġ qawwi, ta’ tama u ta’ fiduċja, lil dawn li se jiggradwaw illum u lir-residenti kollha fid-djar li bħalissa qed isegwu l-programm tal-Caritas. Kif tgħidu tajjeb ħafna intom bit-tema li għażiltu, m’intomx numri. Intom persuni għeżież. Aħna qed nagħmlu minn kollox bħala Knisja biex nuru li intom – kull wieħed u waħda minnkom – għandkom id-dinjità tagħkom, u ngħinukom ukoll biex tegħlbu d-dipendenza, anke jekk tkun dipendenza aggressiva, u nagħtukom kull appoġġ f’din il-mixja iebsa tagħkom biex teħilsu mid-dipendenza.
Aħna qed nagħmlu minn kollox bħala Knisja biex nuru li intom għandkom id-dinjità tagħkom, u ngħinukom ukoll biex tegħlbu d-dipendenza, anke jekk tkun dipendenza aggressiva
Insemmi żewġ valuri importanti li jmexxuna. L-ewwel nett, il-valur tal-ħarsien u l-protezzjoni tal-ħajja mill-bidu nett sat-tmiem, u f’kull waqt tagħha. Għalhekk intom għeżież. Il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom hi għażiża. M’intomx numri, le. Hi għażiża, u għalhekk għandna nkomplu l-ħidma tagħna kontra dak kollu li tfisser id-droga. Id-droga, fl-aħħar mill-aħħar, hi l-qerda tal-ħajja. Hu importanti li f’dal-qasam tal-ħidma kontra d-droga, bħala soċjetà, ma nagħtux mixed messages, għax dawn ikunu ta’ ħsara speċjalment għal min hu żgħir u għal min hu vulnerabbli.
L-ewwel: il-protezzjoni u l-ħarsien tal-ħajja. U magħha wkoll, li niftakru li s-saħħa tas-soċjetà titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Għalhekk, aktar ma ngħinu lil min għandu bżonn l-għajnuna, u nagħtu appoġġ biex jimxi ’l quddiem, hemm tkun tassew b’saħħitha s-soċjetà tagħna.
Nawgura li dan ikompli jmexxina kemm bħala soċjetà kif ukoll fil-ħidma hekk siewja li qed tagħmel il-Caritas fi ħdan il-Knisja f’Malta. Nawgura lil kulħadd li aħna nkomplu ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju