Aħna hawnhekk ma għandniex belt li tibqa’ għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi.

Lhud 13:14

L-aħwa għeżież!

Is-sens aħħari tal-“vjaġġ” tagħna f’din id-dinja hu li nfittxu l-pajjiż vera tagħna, is-Saltna t’Alla imnedija minn Ġesu Kristu, li se ssib il-milja kollha tagħha meta jerġa’ jiġi fil-glorja. Is-Saltna tiegħu għadha mhix mitmuma, imma hi ġa preżenti f’dawk li laqgħu s-salvazzjoni. “Is-Saltna t’Alla tinsab fina.  Għalkemm hija saltna eskatoloġika, u hija l-futur tad-dinja u tal-umanità, fl-istess ħin tinsab fina.” [1]

Il-belt tal-ġejjieni hija “belt li hi mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha hu Alla nnifsu” (Lh 11:10). Il-proġett tiegħu jinvolvi xogħol ta’ bini liema bħalu, li fih ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nħossu ruħna involuti personalment. Hu xogħol metikoluż  ta’ konverżjoni personali, u ta’ bidla tar-realtà, u dan biex dejjem ikun jaqbel mal-pjan t’Alla. Il-ġrajjiet tal-istorja jfakkruna kemm għadna ‘l bogħod biex nilħqu l-għan tagħna, Ġerusalemm il-ġdida, “l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin” (Apok 21:3).  Imma m’għandniex naqtgħu qalbna minħabba dan. Fid-dawl ta’ dak li tgħallimna fit-tbatijiet li għexna dan l-aħħar, aħna msejħin biex inġeddu l-impenn tagħna biex nibnu futur li jaqbel aktar mal-pjan ta’ Alla, ta’ dinja fejn kulħadd jista’ jgħix fis-sliem u fid-dinjità.

“Aħna nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja” (2 Pt 3:13). Il-ġustizzja hi waħda mill-elementi kostituttivi tas-Saltna ta’ Alla. Fit-tfittxija ta’ kuljum għar-rieda tiegħu, [il-ġustizzja] trid tinbena b’sabar, b’sagrifiċċju u determinazzjoni, biex dawk kollha li huma bil-ġuħ jew bil-għatx għaliha jkunu mxebbgħin (ara Mt. 5:6). Il-ġustizzja tas-Saltna trid tinftiehem bħala t-twettiq ta’ ordni divin, ta’ pjan armonjuż, fejn, fi Kristu li miet u li qam, il-ħolqien kollu jerġa’ jsir “ħaġa tajba” u l-umanità ssir “ħaġa tajba ħafna” ( ara Ġen 1:1-31). Imma biex din l-armonija tal-għaġeb issaltan, irridu nilqgħu s-salvazzjoni ta’ Kristu u tal-Aħbar it-Tajba tiegħu ta’ mħabba, biex jintemmu l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni tad-dinja.

Ħadd m’għandu jitħalla barra. Il-proġett tiegħu hu essenzjalment inklussiv u jiffoka fuq dawk in-nies li jinsabu fil-periferiji eżistenzjali. Fosthom hemm ħafna migranti u refuġjati, persuni li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u vittmi tat-traffikar. Il-bini tas-Saltna ta’ Alla jrid isir magħhom, għax mingħajrhom ma nkunux qed nibnu s-Saltna li jrid Alla. L-inklużjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli hi kundizzjoni meħtieġa biex tinkiseb ċittadinanza sħiħa fis-Saltna. Fil-fatt il-Mulej jgħid: “Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni; kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont fil-ħabs u ġejtu tarawni” (Mt 25:34-36).

Nibnu l-ġejjieni mal-migranti u r-rifuġjati jfisser ukoll li wieħed jagħraf u jagħti valur lil dak li kull wieħed minnhom jista’ jġib fil-proċess ta’ bini. Inħobb inħares lejn dan il-fenomenu migratorju permezz tal-viżjoni profetika ta’ Iżaija, li fiha l-barranin ma jidhrux bħala nies li jiġu jinvadu u jeqirdu, imma bħala ħaddiema volontarji li jibnu mill-ġdid il-ħitan ta’ Ġerusalemm il-ġdida, Ġerusalemm miftuħa għall-popli kollha (ara Iż 60:10-11).

Fl-istess profezija l-wasla tal-barranin tiġi ppreżentata bħala mezz ta’ arrikkiment: “Fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra, u l-għana tal-ġnus jiġi għandek” (60.5). Tabilħaqq, l-istorja tgħallimna li l-kontribut tal-migranti u r-rifuġjati kien fundamentali għat-tkabbir soċjali u ekonomiku tas-soċjetajiet tagħna. U għadu hekk sal-lum. Ix-xogħol tagħhom, il-kapaċità tagħhom li jbatu, iż-żgħożija tagħhom u l-entużjażmu tagħhom jarrikkixxu lill-komunitajiet li jilqgħuhom. Iżda dan il-kontribut jista’ jkun ferm akbar jekk jiġi vvalutat u appoġġjat permezz ta’ programmi maħsuba għalihom. Dan hu potenzjal enormi, lest biex jintuża jekk biss jingħata ċ-ċans.

Il-ftuħ għal xulxin joħloq spazji ta’ skambju produttiv bejn viżjonijiet u tradizzjonijiet differenti, u jiftaħ imħuħ għal orizzonti ġodda. Iwassal ukoll għal skoperta tar-rikkezza preżenti f’reliġjonijiet oħra u forom ta’ spiritwalità…

In-nies li joqogħdu f’Ġerusalemm il-ġdida – ikompli jħabbar Iżaija – dejjem iżommu l-bibien tal-belt miftuħin beraħ, biex il-barranin jistgħu jidħlu bid-doni tagħhom: “Il-bibien tiegħek ikunu miftuħin dejjem, lejl u nhar ma jingħalqux, biex jiġi għandek il-ġid tal-ġnus” (60:11). Il-preżenza ta’ migranti u refuġjati tirrappreżenta sfida kbira, iżda wkoll opportunità għal tkabbir kulturali u spiritwali għal kulħadd. Bis-saħħa tagħhom għandna l-opportunità li nitgħallmu aktar dwar id-dinja u s-sbuħija tad-diversità tagħha. Nistgħu nikbru fl-umanità komuni tagħna u nibnu flimkien sens dejjem akbar ta’ għaqda. Il-ftuħ għal xulxin joħloq spazji ta’ skambju produttiv bejn viżjonijiet u tradizzjonijiet differenti, u jiftaħ imħuħ għal orizzonti ġodda. Iwassal ukoll għal skoperta tar-rikkezza preżenti f’reliġjonijiet oħra u forom ta’ spiritwalità li mhumiex familjari għalina, u dan jgħinna napprofondixxu l-konvinzjonijiet tagħna stess.

F’Ġerusalemm tal-ġnus, it-tempju tal-Mulej isir isbah bl-offerti li ġejjin minn pajjiżi barranin: “Il-merħliet kollha ta’ Kedar jinġabru fik, il-kbiex ta’ Nebajot jaqduk, jilqgħuhom u joffruhom fuq fuq l-artal tiegħi, u jiena nsebbaħ dar il-kobor tiegħi” (Iż 60:7). Kif rajna, il-miġja ta’ migranti u refuġjati Kattoliċi tista’ tagħti enerġija lill-ħajja ekkleżjali tal-komunitajiet li jilqgħuhom. Ħafna drabi jġibu entużjażmu li jista’ jagħti l-ħajja lill-komunitajiet tagħna u jsaħħaħ iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna. Il-qsim ta’ espressjonijiet differenti ta’ fidi u devozzjonijiet joffrilna opportunità privileġġjata biex nesperjenzaw b’mod aktar sħiħ il-kattoliċità (l-universalità) tal-Poplu ta’ Alla.

Għeżież ħuti, u, b’mod speċjali intom iż-żgħażagħ, jekk irridu nikkoperaw maʼ Missierna tas- sema fil-bini tal-ġejjieni, ejjew nagħmlu dan flimkien maʼ ħutna li huma migranti u rifuġjati. Ejjew nibnu l-futur illum! Għax il-futur jibda llum u jibda minn kull wieħed u waħda minna. Ma nistgħux inħallu għall-ġenerazzjonijiet futuri il-piż tar-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu issa, biex il-pjan ta’ Alla għad-dinja jitwettaq u tiġi s-Saltna tiegħu ta’ ġustizzja, fraternità u paċi.


Talba

Mulej, għamel minna nies li nġorru tama,
biex fejn hemm id-dlam isaltan id-dawl tiegħek,
u fejn hemm qtigħ il-qalb, terġa’ titwieled il-fiduċja fil-ġejjieni.

Mulej, agħmel minna strumenti tal-ġustizzja tiegħek,
biex fejn hemm l-esklużjoni twarrad il-fraternità,
u fejn hemm ir-regħba, iwarrad il-qsim tal-ġid.

Mulej, agħmel minna bennejja tas-Saltna tiegħek.
Flimkien mal-migranti u r-refuġjati
u ma’ dawk kolla li jgħixu fil-periferiji.

Mulej, għamel li nitgħallmu kemm hu sabiħ
Li lkoll kemm aħna ngħixu flimkien bħal aħwa.
Ammen.

Ruma, San Ġwann Lateran, 9 ta’ Mejju 2022

FRANĠISKU

[1] San Ġwanni Pawlu II, diskors fiż-żjara lill-Parroċċa Rumana ta’ San Franġisk ta’ Assisi u Santa Katerina ta’ Siena, Patruni tal-Italja, 26 ta’ Novembru 1989.

Sors: laikos.org