L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Aħna u noqorbu lejn l-Għid nisimgħu iżjed lil Ġesù, b’mod speċjali fis-siltiet mill-Evanġelju skont San Ġwann, iħeġġeġ lil-Lhud, lill-kapijiet, lil dawk li qegħdin jisimgħuh għall-fidi.
Il-fidi li tfisser li jintelqu f’idejh, l-Iben tal-Missier, u minnu jirċievu l-ħelsien minn dnubiethom. Hija ħarxa dik il-kelma li jgħidilhom: “Intom se tmutu fid-dnub tagħkom […] se tmutu fi dnubietkom” (Ġw 8:24) jirrepetiha kemm-il darba. Imma hija konsegwenza traġika ta’ min ma jintelaqx f’idejn il-Mulej. Għax aħna, meta nintelqu f’idejn il-Mulej bil-fidi, jieħu ħsiebna hu.
Kemm hi talba sabiħa dik li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Biżżejjed tgħidlu dik biex inti tkun qed tgħidlu: ‘jiena nemmen fik, jiena nemmen li inti Ġesù Alla jsalva, li inti Għimmanu-El Alla miegħi, Alla magħna’.
Imma l-problema li Ġesù sab quddiemu li tasal is-siegħa tiegħu hija li wħud min-nies li għalihom ta ħajtu, ma ridux jaċċettaw dan id-don. Jinsisti wkoll li dak li qed jagħmel, qed jagħmlu b’ubbidjenza lejn il-Missier. Interessanti ħafna kif jitkellem fuq Alla l-Missier li “jgħid il-verità u jiena ngħid lid-dinja” jgħid, “dak li smajt mingħandu” (Ġw 8:21). “Ma telaqnix waħdi għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu” (Ġw 8:29).
Interessanti meta Ġesù jgħallimna nitolbu, jgħallimna li jkollna dan l-atteġġjament: “Missierna li inti fi-smewwiet, jitqaddes ismek”, “ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art”. U għallimna wkoll nafdaw fil-Missier: “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna, la ddaħħalniex fit-tiġrib eħlisna mid-deni” (Mt 6:9.10-11-13).
Il-Papa Franġisku meta jitkellem fuq dan l-atteġġjament li qed jinkwieta ħafna ’l Ġesù, jitkellem fuq in-neo-Pelaġjaniżmu. Xi jkun dan? Li inti min għalik m’għandekx bżonnu ’l Alla, kapaċi ssalva bil-qawwa tiegħek. Ħafna drabi naqgħu f’din it-tentazzjoni: jien lil Alla m’għandix bżonnu, jien għandi l-flus, għandi l-poter, għandi l-ħbieb, għandi s-saħħa. Jiġi virus ċkejken u ma ngħidx ipoġġina f’postna, għax aħna nisperaw li neħilsu minnha din il-burraxka, imma ta’ min nirriflettu kemm għandna bżonn tassew il-Mulej bħala Salvatur, il-Mulej Alla magħna.
Ġesù mbagħad jgħid xi ħaġa li hemm bżonn nirriflettu fuqha anke fid-dawl tal-ewwel qari tal-lum. L-Ewwel Qari jitkellem fuq mument ta’ kriżi, kriżi ta’ fidi u kriżi ta’ saħħa – bħalma qegħdin fiha aħna – tal-poplu Lhudi. Iddejqu, jibdew igergru kontra Alla, imbagħad jiġu dawn is-sriep velenużi, imbagħad jindunaw li isma’ flok tgerger mhux aħjar titlob? U Mosè jpoġġi din ix-xbieha tal-bronż ta’ dan is-serp u kull min iħares lejha jfiq. Jerfagħha ’l fuq, jgħolliha ’l fuq. (ara Num 21:5-9).
Ġesù jgħid: “Meta terfgħu ’l fuq il-Bin il-Bniedem imbagħad tagħrfu li jiena hu. U li minn rajja ma nagħmel xejn” (Ġw 8:28), jiġifieri nobdi l-Missier. Mela l-ewwel nett il-kelma ‘terfa ‘l fuq’ fl-Evanġelju ta’ San Ġwann nsibuha diversi drabi. Ġesù jgħidha anke fil-kapitlu 3 meta jitkellem ma’ Nikodemu. Hawnhekk qegħdin naqraw silta mill-kapiltu 8. Hija propju li jerfgħuh imsallab, l-Eżaltazzjoni tas-Salib. Hija wkoll il-mument tal-glorja ta’ Ġesù. Ġesù għalih il-glorja mhix iċ-ċapċip tagħna, għax aħna ma ċapċapniex imma ċapċapnihielu, kif ngħidu. Imma li nagħrfu min hu, “tagħrfu li jiena hu”. Din hija kelma iebsa, mhux iebsa hija tremenda għaliex ‘jiena hu’ huwa l-isem ta’ Alla. U allura Ġesù qed jgħid: “Jiena meta tħarsu lejja msallab, tifhmu li jiena nobdi lil Missieri, jiena l-Iben tal-Missier, “jiena Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru” (il-Kredu).
U dan huwa l-pellegrinaġġ ta’ dawn il-jiem għeżież. Din il-ġimgħa aħna nsejħulha tad-Duluri, il-ġimgħa d-dieħla l-Ġimgħa l-Kbira, il-Ġimgħa li twassalna għall-Għid qaddis tal-Mulej. Nitolbu li aħna nħarsu lejh merfugħ ’il fuq u nifhmu tassew min hu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Num 21, 4-9
Salm: 101 (102), 2-3.16-18.19-21
Evanġelju: Ġw 8, 21-30