-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi
30 ta’ Ġunju 2019“Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi, mill-bqija hemm merfugħ għalija l-kuruna tal-ġustizzja li biha f’dak il-jum iħallasni l-Mulej, l-imħallef ġust, u mhux lili biss imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-dehra tiegħu”.
Sittax-il sena ilu kelli l-unur, fuq stedina tal-arċipriet ta’ dak iż-żmien, li ninseġ il-paniġierku f’din il-festa solenni. Għaddew diġa sittax-il sena. Kont għadni monsinjur żgħir, mhux għax issa kbirt ħafna għax aħna Ta’ Babawwa ma tantx aħna twal. Illum qiegħed hawn mhux biss minħabba d-demm Qormi li jiġri fil-vini tiegħi ma’ dak ta’ Ħal Kirkop ukoll biex insellem lill-mamà, imma bħala l-Arċisqof tagħkom.
Sittax-il sena ilu ispirajt ruħi, u nerġa’ naqrahielkom, mill-meditazzjoni qasira imma profonda ta’ San Andrea minn Kreta li għex fit-tmien seklu u li spira ruħu mill-isem tal-qaddis tagħna Ġorġi Georgos, li bil-Grieg tfisser bidwi, u niseġ din l-għanja ċkejkna imma profonda:
Sa miċ-ċokon, bħal bidwi tajjeb,
tħabat u frott bil-milja
fil-wieħed abbundanti
radd lill-Mulej fi żmienu.Bil-moħriet tal-virtù
mexa fir-radda ħelwa u devota
tat-Triq tas-Sewwa
hekk li nstab dehen tas-saltna tas-sema.Firex iż-żerriegħa fid-dmugħ
u bil-ferħ ġabar il-ħsad,
żera’ ż-żerriegħa fin-niket
u ferħan ġarr lura l-qatgħet.Meta tħares lejn il-figura straordinarja ta’ San Ġorġ Martri hemm bħal djamant; hemm wisq faċċati minn fejn tersaq lejn il-misteru ta’ qdusija li qegħdin niċċelebraw illum. Din is-sena għedt mal-għeżież Ġorġjani x’nista’ naqsam li ma għedtx fid-diversi omeliji li għamilt f’unur u glorja ta’ San Ġorġ f’din il-knisja arċipretali u arċimatriċi?
Is-sagramenti li mexxew lil San Ġorġ kienu l-Magħmudija, il-Griżma u l-Ewkaristija.
Aħna nafu li San Ġorġ la kien qassis, la kien patri u la kien isqof. San Ġorġ kien Nisrani lajk li ħabb lil Ġesù Kristu fuq kollox saċ-ċarċir tad-demm. Is-sagramenti li mexxew lil San Ġorġ kienu l-Magħmudija, il-Griżma u l-Ewkaristija. Hu resaq lejn Ġesù, it-tabib tar-ruħ, fis-Sagrament tal-Qrar u fiċ-ċarċir b’demmu reġa’ ħa magħmudija ġdida, għax il-martirju jeħles minn kull dnub u huwa t-tieni Magħmudija. Għalhekk, fit-tradizzjoni bikrija San Ġorġ huwa l-mudell tan-Nisrani li fis-Sagrament tal-Magħmudija jsir xebh ma’ Kristu, fis-Sagrament tal-Griżma huwa xhud jew martri u suldat ta’ Kristu, u fl-Ewkaristija jsir ħaġa waħda mal-Imgħallem.
Għalhekk illum, għeżież Ġorġjani u devoti ta’ San Ġorġ Martri, ma nistax ma nissellifx il-kliem meqjus tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, meta fl-innu popolari lissen u nissel dawn il-kliem sbieħ u mirquma li intom tant tgħożżu, tant tħobbu u tant tkantaw bil-qalb:
Mhux għalxejn suldat qalbieni
b’żiemel taħtek xrara nar
u bis-sejf jew b’lanza f’idek,
rawk poeti l-iżjed kbar.U fil-ġlied ma’ bhima kiefra
bla ma tgħejja u ma tistrieħ
rawk tissara, tolqot, tidrob
u bil-mewt toħroġ rebbieħ.Illum nixtieq naqsam magħkom ftit riflessjonijiet qosra fuq San Ġorġ li, għax huwa mgħammed u Nisrani, huwa xhud ta’ Kristu u huwa suldat ta’ Kristu. Anke għaliex il-Papa Franġisku, meta jitkellem fuq il-qdusija fl-eżortazzjoni appostolika Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew), jiddedika silta mill-kitba sabiħa tiegħu fuq il-ħajja Nisranija bħala t-taqbida u s-sahra. Il-Papa Franġisku jgħid hekk: “Il-ħajja Nisranija hija taqbida kontinwa, trid il-qawwa u l-kuraġġ biex tista’ tieqaf lit-tentazzjonjiet tax-Xitan u tħabbar l-Evanġelju. Din it-taqbida hi sabiħa ħafna għaliex grazzi għaliha nistgħu nagħmlu festa kull darba li l-Mulej jirbaħ fil-ħajja tagħna”.
… mhuwiex biss suldat ta’ din id-dinja imma fuq kollox huwa suldat ta’ Kristu.
Aħna llum qegħdin nagħmlu festa, u hekk jixraq, għaliex aħna f’San Ġorġ Martri qegħdin niċċelebraw ir-rebħa tal-Mulej fil-ħajja ta’ dan il-qaddis. San Ġorġ kellu sehem li għandna aħna tat-tentazzjonijiet, tqabad—biex nuża’ l-espressjoni li biha bdejt ta’ San Pawl—“it-taqbida t-tajba, xerred demmu biex ikun fidil lejn Ġesù”. Bħalma jfakkar il-Papa San Ġwann Pawlu II fil-enċiklika tiegħu Veritatis Splendor, “il-martri li taw ħajjithom għat-tagħlim ta’ Kristu huma xhieda tal-verità tat-tagħlim ta’ Kristu u tal-fatt li biex tobdi lil Kristu trid tkun lest tħalli ħajtek”. “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16:24).
Mela meta aħna lil San Ġorġ Martri nimmaġinawh liebes il-korazza ta’ suldat, nifhmu li hu mhuwiex biss suldat ta’ din id-dinja imma fuq kollox huwa suldat ta’ Kristu. Bħalma jgħid l-Isqof San Pierre Damiani: “San Ġorġ tħeġġeġ min-nar tal-Ispirtu s-Santu u b’mod tal-għaġeb twettaq bis-sinjal tas-salib. Hekk daħal għat-taqbida kontra sultan ħażin biex jirbaħ lill-prinċep tal-ħżiena kollha fil-qaddej tiegħu u biex jagħmel il-qalb lis-suldati ta’ Kristu, ħa jissarraw b’ħilithom kollha”.
Mela meta hu, Ġorġi tagħna, issielet kontra min riedu jitradixxi lil Ġesù, jgħidilna u jgħallimna San Pierre Damiani, ried u fehem jitqabad kontra l-prinċep tal-ħżiena kollha fil-qaddej tiegħu. Min hu l-prinċep tal-ħżiena kollha? Huwa x-Xitan! Isimgħu x’jgħallimna l-Papa Franġisku: “Din mhijiex taqbida kontra d-dinja u l-mentalità tagħha li tqarraq bina, tistordina u tagħmilna nies ta’ nofs kedda, bla ħeġġa u bla ferħ; lanqas mhi biss ġlieda kontra d-dgħufija tagħna u l-ġieħ tagħna”. Il-Papa jgħid: “Kulħadd għandu tiegħu l-għażż, iż-żina, il-mibegħda, l-għira u -bqija. Hi wkoll taqbida kontinwa kontra x-Xitan li hu l-prinċep tal-ħażen”. Il-Papa jirrepeti l-istess espressjoni li San Pierre Damiani kien kiteb elf sena qabel huwa u jikkontempla l-ħajja u l-qdusija ta’ San Ġorġ; San Ġorġ li ried jiġġieled u jirbaħ lill-prinċep tal-ħżiena kollha.
Ġesù nnifsu jiffesteġġja, jiċċelebra u jifraħ bir-rebħiet tagħna. Feraħ meta d-dixxipli tiegħu seħħilhom jimxu fix-xandir tal-Evanġelju u għelbu x-xkiel tal-ħażin u thenna. “Iva,” jgħid Ġesù, “Jien kont narah ix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema”. San Ġorġ għandu l-armaturi tal-prinċpijiet ta’ din id-dinja imma huwa mlibbes bl-armaturi tat-taqbida spiritwali. San Ġorġ, bħal ħafna qaddisin martri, huwa eżempju għalina ta’ kif Missierna San Pawl jgħallimna niġġieldu kontra l-ħażen. Fl-Ittra lill-Efesin, Missierna San Pawl jgħid hekk: “Mill-bqija twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu, ilbsu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan għax il-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam imma kontra s-setgħat, kontra l-qawwiet, kontra l-prinċpijiet ta’ din id-dinja tad-dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet. Għalhekk ħudu fuqkom” bħalma libisha San Ġorġ, “l-armatura ta’ Alla ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen u wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, żommu weqfin. Żommu sħiħ mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità, ilbsu l-korazza tal-ġustizzja, u xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem. Ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi li biha tistgħu titfu l-vleġġeġ kollha tan-nar tal-ħażin. Ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla tal-ispirtu li hi l-Kelma ta’ Alla” (Ef 6, 10-17). Missierna San Pawl lill-Efesin, iħares lejn suldat Ruman bħalma aħna nammiraw lil San Ġorġ fl-ikonografija klassika tiegħu, u kull parti ta’ din l-armatura tiegħu San Pawl iħeġġiġna biex nilbsuha fl-ispirtu, bid-dawl tal-Evanġelju u bil-qawwa tat-tajjeb.
Anke San Ċiprijanu, isqof u martri tal-ewwel sekli, jikkwota lil Missierna San Pawl u jkompli jħeġġeġ lill-Insara: “Naqbdu dawn l-armi f’idejna, nitqawwew b’dawn l-għodod spiritwali sħaħ li jagħtina Alla biex f’jum il-għawġ kbir nistgħu negħlbu l-qerq tax-Xitan u nreġġgħu lura t-theddid tiegħu. Nilbsu l-korazza tal-ġustizzja biex sidirna jkun imħares tajjeb kontra l-vleġeġ tal-għadu. Ħa nxiddu riġlejna sewwa bit-tagħlim tal-Evanġelju biex meta nirfsu fuq is-sriep jew id-draguni biex ngħaffġuhom, ma jkunx jista’ jigdimna u jwaqqagħna. Nieħdu sewwa f’idejna it-tarka tal-fidi biex permezz tagħha nistgħu nilqgħu kulma l-għadu jwaddbilna, ngħattu wkoll rasna bl-elmu spiritwali sa fuq widnejna biex ma nisimgħux id-digrieti tal-mewt; sa fuq għajnejna biex ma nħarsux lejn xbihat mistkerrħa; sa fuq ġbinna biex inħarsu bla mittiefes is-siġill ta’ Alla, dak is-siġill li aħna nirċievu fil-Grizma”. Kemm hi sabiħa din l-espressjoni ta’ San Ċiprijanu li toqgħod tajjeb fuq San Ġorġ u fuqna lkoll; bl-elmu tal-fidi aħna nħarsu x-xbin tagħna biex dak is-siġill li ħadna, li tana l-isqof fis-Sagrament tal-Griżma, ma jittifisx, ma jinqeridx. “Sa fuq fommna,” jgħid San Ċiprijanu, “biex ilsienna qatt mirbuh jibqa’ jistqarr lil Kristu Sidna. Narmaw idejna, il-leminija bis-sejf spiritwali biex b’qawwa kbira twarrab is-sagrifiċċji moqżieża, tiftakar fl-Ewkaristija, u tħaddan il-ġisem tal-Mulej li hija tilqa’ u tirċievi biex imbagħad tieħu l-kuruna tas-sema bħala premju minn għand il-Mulej”.
Jekk irridu nqimu tassew lil San Ġorġ Martri, suldat veru ta’ Kristu, irridu nidħlu f’dan is-sens ta’ taqbida spiritwali mingħajr ma nibżgħu u mingħajr ma naqtgħu qalbna għaliex biex tkun suldat trid tkun lest tkun martri u xhud ta’ Kristu. U dan huwa t-tagħlim ta’ San Ambroġ, isqof kbir tar-raba’ seklu. “Bħalma hemm ħafna persekuzzjonijiet hekk hemm ħafna martirji, int xhud ta’ Kristu kuljum. Jekk Ġorġi huwa Megalo Martri, jekk Ġorġi huwa mill-ġens qatt mirbuħ tal- Aniketos, inti wkoll inti trid titqabad kuljum, int xhud ta’ Kristu kuljum. Int kont imġarrab bl-ispirtu taż-żina, bżajt minn Kristu li għad jagħmel ħaqq minnek u ma ridx ittabba’ s-safa ta’ ruħek u ġismek, sirt martri,” jiġifieri xhud ta’ Kristu. Dan hu l-kliem ta’ San Ambroġ fis-sena 370.
“Ġie jġarrbek l-ispirtu tar-regħba biex taħtaf il-ġid ta’ min ma jiflaħx għalik, biex tirfes il-jeddijiet tal-armla li m’għandhiex min jaqbeż għaliha, ftakart fil-kmandamenti ta’ Alla u rajt li aħjar tagħti għajnuna milli tagħmel ħsara, sirt xhud, martri ta’ Kristu. Għax wara kollox Kristu lil xhieda bħal dawn irid jgħin kif hemm miktub: ‘Iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla, imbagħad ejjew nirraġunaw flimkien,’ jgħid il-Mulej. L-ispirtu tas-suppervja qiegħed iġarrbek, ħarist lejn il-fqir u l-imsejken, ġietek ħniena minnu u għażilt li tiċċekken mhux titkabbar, int xhud, int martri ta’ Kristu u dak li hu l-aqwa tajt xhieda għal Kristu mhux bil-kliem biss”.
Ħuti, mhux billi nagħjtu viva San Ġorġ, mhux bil-kliem biss, iżda bl-għemil ukoll. U dan il-kliem ta’ San Ambroġ ifakkarni f’dak li intom tkantaw b’tant ħerqa u ħeġġa:
Maħbub Ġorġi, f’din is-siegħa
li tfarraġna b’dawl is-sliem,
agħmel int li mħabbitna
tkun fil-ħidma u mhux fil-kliem.Dan intom tkantawh, imma tafu x’qegħdin tkantaw? Meta intom, ġustament u kif jixraq, tagħtu ġieħ lil San Ġorġ, tirriflettu fuq il-kliem meqjus tal-poeta nazzjonali Dun Karm li qed jgħallimna bħalma għallimna San Ambroġ, bħalma għallimna San Ċiprijanu, li aħna bħalu martri meta nobdu lil Kristu?
Bħalma tgħid l-Ittra lil-Lhud, aħna mhux bilfors “inkunu msejħin biex inċarċru d-demm tagħna, biex inkunu xhieda”. Imma aħna magħqudin ma’ dawn il-qaddisin waqt li qegħdin f’dan il-pellegrinaġġ nitħabtu u nitqabdu t-taqbida t-tajba. Aħna m’aħniex weħidna għax il-qawwa tagħna ma tiġix minna; il-bravura tagħna mhijiex tagħna imma ġejja mill-ħniena ta’ Alla li fis-Sagrament tal-Qrar jiġbrok jekk waqajt, jagħtik il-qawwa tkompli u jgħidlek: ‘Jien naf id-dgħufija tiegħek, inħobbok fid-dgħufija tiegħek, mhux se noqgħod nistenna li tkun perfett biex inħobbok, inħobbok kif int, imma nixtieqek safi, nixtieqek kollok imħabba, nixtieqek kollok qdusija bħalma kien il-patrun maħbub tiegħek San Ġorġ’.
Jekk aħna llum nifirħu fil-festa ta’ San Ġorġ, niftakru x’kien iħobb jirrepeti San Ġorġ Preca: “Il-vera devozzjoni hija l-imitazzjoni”. Jekk jiena nħobb lil San Ġorġ, nimitah. Liema hu l-ikbar dragun li rrid nissielet? Huwa l-ħażen ta’ ġo fija u ta’ madwari, huwa x-xitan, is-serp kattiv infernali. Ġesù qalilna: “Jiena tajtkom il-qawwa tirfsu fuq is-sriep u l-iskorpjuni” u intom tafu li fil-Bibbja, id-dragun dejjem huwa is-sinjal tal-ħażen, kemm fil-ktieb ta’ Danjel kif ukoll fil- ktieb tal-Apokalissi. Ir-rebħa ta’ San Ġorġ fuq dan id-dragun huwa r-rebħa ta’ kull Nisrani fuq il-ħażen permezz tas-sagramenti ta’ Ġesù Kristu, permezz tal-Magħmudija, permezz tal-Qrar u permezz tal-Ewkaristija qaddisa.
Ejjew nitolbu li fil-ħajja tagħna nkunu xbieha ta’ dak li nħobbu u nkunu xbieha ta’ Ġesù. Peress li aħna dgħajfin, inħarsu lejn San Ġorġ, li hu wieħed minna, u ngħidu: ‘Jekk wasal San Ġorġ, anke jien kapaċi nilbes l-armatura ta’ Alla u kapaċi nissielet kontra d-dragun tal-ħażen u nirbaħ’. Għaliex San Ġorġ huwa okkażjoni ta’ ferħ kbir għalina għaliex mhux biss issielet imma Kristu rebaħ fih, Kristu rebaħ fih! Għalhekk, mhux ta’ b’xejn nifirħu f’din il-festa, imma minnha nisiltu l-qawwa biex ngħixu ħajja tajba. Naf li bħalissa hemm il-marċ ċelebrattiv tal-festa; jiena nawgura li kulħadd jifraħ u jieħu pjaċir, imma ejjew nifiru u nieħdu pjaċir ta’ Nsara għax dan jagħti glorja kbira lil San Ġorġ u lil Kristu li hu tant ħabb.
Ħalli mela jdoqq ferrieħi
fuq il-fomm tagħna l-Qormin,
l-innu tiegħek li qalb safja
żejnet b’noti sbieħ, ħelwin.U nixtiequ li dan l-innu
jasal fl-għoli tas-smewwiet
biex min hemm ixerred fuqna
tal-ħajr tiegħek il-ħlewwiet.Maħbub Ġorġi f’din is-siegħa
li tfarraġna b’dawl is-sliem,
agħmel inti li mħabbitna
tkun fil-ħidma, mhux fil-kliem.Viva San Ġorġ Martri!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 3, 1-9Salm: 125, 1-6Qari II: Rum 5, 1-5Evanġelju: Lq 9, 23-26 -
-
-
-
-
-