L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla” (Lq 14:15). Din hija beatitudni li ma jgħidhiex Ġesù imma jgħidha wieħed mill-mistednin għal- ikla li fiha kien hemm ukoll mistieden Ġesù. Ġesù jieħu l-opportunità ta’ din il-beatitudni “hieni min jiekol il-ħobz fis-Saltna ta’ Alla” biex jirrifletti fuq il-fatt li aħna mistednin, il-bnedmin kollha mistednin, għal dan il-pranzu kbir ta’ mħabba li għamel il-Mulej, imma kultant inkunu distratti.
Il-Mulej ikompli jgħidilna: “Ejjew għax ġa lest kollox” (Lq 14:17). Imma t-tentazzjoni tal-ħajja tkun li aħna nehdew bl-akkwisti li nagħmlu jew inkella bl-imħabbiet kbar u żgħar tagħna u ninsew lilu. Ninsew li qed jistedinna għall-ikla tat-tieġ ta’ ibnu, għall-ikla tal-imħabba. Mhux ta’ b’xejn aħna qabel it-tqarbin f’kull quddiesa infakkru dik il-kelma qaddisa “Ħenjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Mulej”. Ħenjin dawk li huma mistiedna!
Waqt li l-beatitudni, il-barka li jgħid dan il-mistieden hija ‘hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla’, aħna tajjeb li niftakru li anke li tkun mistieden hija barka. Henjin aħna li aħna mistednin.
Imma li tkun mistieden mhijiex biżżejjed. X’se tagħmel bl-istedina? Din li se ngħid kont semmejtha ftit jiem ilu, u nerġa’ nirrepetiha. Aħna l-Maltin u l-Għawdxin għandna mentalità wkoll orjentali fuq l-istedina. Jekk nistiednek u inti la tirrispondi, la tibgħat rigal, u wisq inqas tiġi, inżommha fil-komma u nieħu għalija.
Meta bejnietna neħduha daqshekk bi kbira fuq stedina, għaliex xi ħadd jonqosna jew lanqas jirrispondi għall-istedina, nistgħu nifhmu wkoll lill-Mulej kemm jiddispjaċih meta jistedinna għall-ikla tal-imħabba tiegħu u aħna ma nagħtux kasu. Il-Mulej huwa ġeneruż; jistieden lil kulħadd imma lil min jiċħad l-istedina jaffrontah bid-deċiżjoni li jkun għamel.
Ejjew nitolbu l-grazzja, anke bl-interċessjoni ta’ San Martin De Porres, biex aħna li aħna mistednin għall-ikla tal-Mulej, ma nwarrbux l-istedina. Qed naħseb f’tant nies, pereżempju, li ilhom ma jersqu lejn is-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin. Tgħiduli: ‘Qegħdin f’nofs pandemija’. Iva, imma hemm tant mezzi biex aħna nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, nistgħu nsegwu anke t-trasmissjoni. Nofs siegħa, tliet kwarti, m’għandniex dan iċ-ċans? Ir-risposta hija f’idejna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Fil 2, 5-11
Salm: 21 (22), 26b-27.28-30a.31-32
Evanġelju: Lq 14, 15-24