L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru” (Lq 19:20). Xi tfisser din il-kelma ta’ Ġesù?

Meta inti qed tfittex is-Saltna ta’ Alla toqgħodx tfittex affarijiet kbar ħafna jew li jidhru. L-ewwel fittex jekk fil-qalb tiegħek għandekx il-paċi. Jekk tkun inkwetat allura m’għandniex paċi, jew jekk jien irrabjat, jew qed ngħir għal xi ħadd, jew miġġieled jew miġġielda ma’ xi ħadd. Is-Saltna ta’ Alla imma hi s-saltna tal-paċi tal-għaqda u tal-imħabba.

Jien nawguralkom ħafna mill-esperjenza tagħkom f’dan il-kulleġġ iddedikat lil San Albertu l-Kbir tkun esperjenza li tgħallimkom idduqu tassew il-paċi bejnietkom u b’mod speċjali fil-qalb tagħkom. Allura m’hemmx għalfejn ngħidilkom: ħobbu lil xulxin, agħdru lil xulxin, irrispettaw ħafna lil xulxin kemm lis-superjuri, lill-istaff, lill-għalliema tagħkom imma anke lil xulxin. U nippruvaw nilqgħu lil kulħadd, hu kif inhu, imma nitolbuh dejjem biex jiltaqa’ ma’ Ġesù.  

It-talba li nagħmel fuqkom u għalikom hija li intom, waqt li qegħdin tikbru fl-edukazzjoni tagħkom f’dan il-kulleġġ, tiltaqgħu ma’ Ġesù, Ġesù li hu t-triq, il-verità u l-ħajja. San Albert il-Kbir kien patri Dumnikan li mbagħad il-Papa għamlu isqof. Kien bniedem ta’ għerf kbir li kien japprezza ħafna x-xjenza kif kienet magħrufa fi żmienu u għaqqad it-tagħrif u l-għerf tal-bniedem mal-imħabba lejn Alla.

…ħobbu lil xulxin, agħdru lil xulxin, irrispettaw ħafna lil xulxin…

Dan ukoll l-awgurju li nagħmel lil kull wieħed u waħda minna għax hawn min jgħidlek: ‘Din ta’ Ġesù u tal-Evanġelju kollox ħrejjef, ħela ta’ żmien.’ San Albert il-kbir jgħallimna li l-għerf tal-bniedem hu importanti imma daqshekk ieħor importanti li aħna nikbru fl-imħabba lejn Alla u lejn xulxin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Għerf 7:22 – 8:1
Salm: 118 (119):89,90,91,130,135,175
L-Evanġelju: Lq 17:20-25

Aktar ritratti