•  

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Is-Santwarju ta’ Santa Tereża, Birkirkara

    16 ta’ Ottubru 2018

     

  • San Alwiġi Gonzaga għex biss 23 sena. Ħajja qasira. Hawnhekk hawn xi studenti li qed joqorbu lejn dik l-età; ħafna mill-għalliema ilhom li qabżu dik l-età. Verament hi età żgħira, imma f’dal-ftit snin San Alwiġi għex ħajja mimlija, ħajja li hi ta’ eżempju għalina llum. Nixtieq li naraw tliet punti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalina.


    Fidi kbira

    San Alwiġi kellu fidi kbira f’Ġesù. Halla lil Ġesù jmexxih u jsostnih tul ħajtu kollha, u sal-aħħar. Tolqotni ħafna l-ittra li hu kiteb lill-mamà tiegħu fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu fejn jgħidilha li ftit ta’ żmien wara se jkun ma’ Ġesù li kien se jagħtih il-ferħ bla tmiem: “Lili se jagħtini l-ferħ tassew u se jiżgurani li qatt ma nitilfu.”  Huwa hu li jfarraġ lill-mamà tiegħu, mhux il-kontra, u bi kliemu jgħidilha li m’għandhiex għalfejn titnikket għax kien se jkun ħafna aħjar ma’ Ġesù. Kienet din il-fidi kbira f’ħajtu li baqgħet sal-aħħar mumenti. F’dan, San Alwiġi jagħtina dan il-messaġġ: biex aħna jkollna fidi f’Ġesù, inħalluh imexxina u jagħtina d-direzzjoni f’ħajjitna. Miegħu nafu li aħna fiż-żgur, u dejjem jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Miegħu nafu li għandna l-ħajja li ma tintemmx.


    Rieda soda

    San Alwiġi kien bniedem ta’ rieda soda. Il-fidi tiegħu għenitu biex ikun determinat. Naraw dan ċar ħafna fl-għażla tal-vokazzjoni tiegħu, meta missieru riedu b’saħħa li jsir suldat jew ikun involut fil-ħajja politika biex ikompli t-tradizzjoni tal-familja, imma hu baqa’ jsostni li ma kinetx dik is-sejħa tiegħu. Ried isir Ġiżwita, u baqa’ b’din id-determinazzjoni sakemm daħal fil-ħajja reliġjuża. F’ħajtu kollha San Alwiġi mexa mal-konvinzjonijiet tiegħu; ma qagħadx jistaqsi x’qed jaħsbu l-oħrajn biex jagħmel bħalhom; anzi, kultant kellu oppożizzjoni qawwija imma hu baqa’ b’rieda soda. F’dan, San Alwiġi jagħtina messaġġ importanti: aħna għandna nimxu b’ried soda ma’ dak li hu sewwa. Kif smajna fit-Tieni Qari, negħlbu l-ħażen bis-sewwa. M’għandniex noqogħdu nħarsu madwarna biex naraw jekk hemmx min jaqbel magħna, min qed japprova, jew infittxu li nagħmlu bħall-oħrajn. Ukoll meta l-oħrajn jaħsbuha differenti, għandna nimxu b’determinazzjoni u bla biża’ ma’ dak li nemmnu u li nagħrfu bħala s-sewwa.


    Qalb ġeneruża

    San Alwiġi kien bniedem ta’ qalb ġeneruża. Meta, waqt li kien qed jistudja biex isir qassis, faqqgħet il-pesta f’Ruma, hu offra li jkun volontarju biex jgħin lin-nies milquta mill-pesta. Kien jaf li dan ifisser riskju, imma kien lest biex b’mod ġeneruż għall-aħħar jingħata għal dawk li kienu morda u qed ibatu. Fil-fatt, spiċċa li hu stess ittieħed mill-marda tal-pesta u din wasslitu għall-mewt. Miet martri tal-imħabba ġeneruża. Hawnhekk ukoll San Alwiġi jgħallimna li aħna msejħin biex inkunu bnedmin għall-oħrajn u hi fl-għotja tagħna lill-oħrajn li nsibu l-milja ta’ ħajjitna. Meta kont is-Sixth Form San Alwiġi, niftakar li kellna Essay Competition li kellha bħala titlu: ‘A student should be trained to be a person for others’. Hu hawn li nsibu s-sens għal ħajjitna, meta ningħataw b’imħabba għall-oħrajn u speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn.

    Illum, f’din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa, nagħmel din it-talba għalina lkoll miġburin hawn biex Alla jagħtina l-grazzja li nkunu nixbħu lil San Alwiġi Gonzaga fil-fidi kbira tiegħu, fir-rieda soda u fil-qalb ġeneruża tiegħu.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa: 

    Qari I: Rum 12:1-2.9-17.21
    Salm 131
    Evanġelju: Mk 10:23b-30