Diversi saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi, riċentament inġabru għall-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat immirati biex jibdew vjaġġ flimkien sabiex jgħinu lil dawk involuti fil-ministeru tal-vokazzjonijiet jirriflettu aktar fil-fond fuq l-opportunitajiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fit-trawwim ta’ aktar vokazzjonijiet.
Waqt il-laqgħa, ir-riċerkatur Dr Luke Buhagiar enfasizza fuq l-isfida tal-lum li wieħed jilħaq u jkellem liż-żgħażagħ fuq kwistjonijiet ta’ fidi. Huwa ppreżenta studji dwar it-twemmin taż-żgħażagħ Maltin, kemm fi ħdan il-Knisja kif ukoll f’kuntesti sekulari. Il-ħidma mal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar tista’ tkun xi ftit aktar ta’ sfida, speċjalment meta wieħed ifittex modi effettivi biex iwassal il-messaġġ tal-Evanġelju. Primarjament, dan minħabba l-mod xi ftit imċajpar li bih iż-żgħażagħ jifhmu l-fidi llum u xi tfisser għalihom li tgħix ta’ Kattoliku fil-ġurnata tal-lum.
Għalhekk, fi ħdan il-Knisja f’Malta, bħalissa għaddejja ħidma sabiex tissaħħaħ in-network li għadha kif ġiet stabbilita bejn promoturi tal-vokazzjoni differenti li jaħdmu fi ħdan il-Knisja. Dan jinkludi t-trawwim ta’ atmosfera ta’ dixxerniment u formazzjoni kontinwa fost il-promoturi tal-vokazzjonali nfushom, kif ukoll fil-kongregazzjonijiet u l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom.
Dan kollu se jwassal biex jitrawwem spirtu ta’ fraternità tant meħtieġ fil-livelli kollha tal-Knisja, bil-għan li din l-għaqda tagħti xhieda u tiġbed iż-żgħażagħ sabiex jikkunsidraw li joffru ħajjithom lil Alla u lil xulxin.
Biex issir taf aktar żur seminaryvocationscentre.mt