L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hu ta’ qsim il-qalb li ftit wara li niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù, kif ukoll il-Festa tal-Familja Mqaddsa, niltaqgħu ma’ dan ir-rakkont tal-ġrajja meta lil Ġesù, Marija u Ġużeppi kellhom iħarrbuh lejn l-Eġittu bħala refuġjat għaliex Erodi kien qed ifittex li joqtlu. Biex żgur jipprova joqtlu, għamel dak il-massakru ta’ tfal subien kollha minn sentejn ’l isfel. Il-ħsieb tiegħu kien li xi wieħed minnhom ikun Ġesù, imma fallielu għax Ġesù ma kienx hemmhekk; kienu ħarrbuh minn hemm.
Hija ġrajja li tgħallimna ħafna. Tgħallimna x’jiġrilu min il-poter jitlagħlu għal rasu. Erodi kellu l-poter – kellu ħafna – u lil kulħadd kien jara theddida. U meta ħaseb li twieled xi ħadd li seta’ jeħodlu postu, ried li jeqirdu mal-ewwel, mal-ħaġra t-tajn, jieħu azzjoni biex jeliminah. Kien żbaljat, għax Ġesù ma kellu ebda ħsieb li jeħodlu postu; imma bil-mod kif Erodi kien iħares lejn il-poter, għalih ma kienx hemm dinjità, ma kienx hemm rispett lejn il-ħajja tal-bniedem, xejn. Ried iżomm il-poter, u għalhekk ried jeqred lil kull min b’xi mod jew ieħor kien jarah bħala theddida.
Soċjetà b’saħħitha tipproteġi l-ħajja ta’ dawk li huma l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, u tagħmel minn kollox biex tħarishom.
Din il-ġrajja tgħallimna wkoll il-valur tal-ħajja, kemm il-ħajja hi imprezzabbli. Tant inħossu għal dawn it-tfal innoċenti li nqatlu! Aħna bħalissa qed nieħdu diversi miżuri minħabba l-pandemija, biex inħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Għax il-ħajja ma tagħtihiex prezz, hi valur hekk kbir. Nafu li aħna m’aħniex is-sidien tal-ħajja, la tagħna u wisq anqas tal-oħrajn. Jekk aħna jidħlilna f’moħħna li nibdew inħarsu lejn il-ħajja, speċi ngħidu ‘din mhijiex vijabbli’ allura nistgħu ngħidulha daqshekk u neliminawha, hemmhekk inkunu dħalna fi triq żbaljata għax nagħmlu lilna nfusna sidien tal-ħajja: min għandu jgħix u min għandu jispiċċa. Din hi l-agħar ħaġa li tista’ tiġri. Għalhekk għandna dejjem ninsistu fuq ir-rispett lejn il-ħajja ta’ kull bniedem.
Din il-ġrajja tgħallimna wkoll li s-saħħa tas-soċjetà titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Ta’ dawk li huma dgħajfa u vulnerabbli. It-tfal minn sentejn ’l isfel kienu fost id-dgħajfa u l-vulnerabbli. Hekk huma t-tfal, hekk huma t-trabi; hekk huwa, u iktar, min tnissel u għadu ma twelidx. Hemmhekk hemm proprju min hu tassew dgħajjef u vulnerabbli. Soċjetà b’saħħitha tipproteġi l-ħajja ta’ dawk li huma l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, u tagħmel minn kollox biex tħarishom.
Din il-ġrajja tistedinna biex aħna nkunu dawk li nagħtu xhieda ta’ Kristu, Salvatur tal-umanità. Ġesù ma ġiex biex jieħu l-poter, ma ġiex biex b’xi mod jikkmanda, imma ġie biex lilna jwasslilna l-imħabba u l-għożża ta’ Alla u jsalvana minn dak kollu li jitfi din l-imħabba u l-għożża ta’ Alla. Aħna msejħin biex inkunu xhieda b’ħajjitna ta’ din l-imħabba u l-għożża ta’ Alla u nwassluha wkoll lill-oħrajn.
Ejjew nitolbu għal dawk kollha li huma vittmi tal-abbuż tal-poter, speċjalment tfal li huma vittmi, jew inkella trabi, jew trabi li għadhom ma tweldux. Nitolbu għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għaddew jew għaddejjin minn tbatija minħabba r-rabta tagħhom ma’ Kristu; u nitolbu biex aħna nkunu dawk li mmexxu ’l quddiem dejjem il-kultura favur il-ħajja u li nagħtu xhieda ta’ Kristu, Salvatur tal-umanità kollha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju