• Fl‑okkażjoni tal‑inawgurazzjoni uffiċjali tal‑Maestro di Cappella l‑ġdid tal‑Katidral, il‑Maestro Hamish Dustagheer ta kunċert fuq l‑orgni, fil‑KonKatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, nhar is‑Sibt, 17 ta’ Ġunju 2017.

  •  

    Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube

  •  

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta

    17 ta’ Ġunju 2017

    “Min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem” Is-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li biha l-Knisja, din is-sena, tfakkar u tiċċelebra l-misteru kbir tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, f’ħafna mumenti u għal ħafna drabi ssemmi l-ħajja. “Jiena l-ħobż il-ħaj […] jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6, 51).

    Illum irridu nirringrazzjaw lill-Mulej għaliex fl-Ewkaristija, fil-Ġisem u d-Demm tiegħu, tana nutriment spiritwali għall-ħajja tagħna. Niftakru f’xi ħaġa li Ġesù qal fuqu nnifsu: “jiena l-verità, jiena t-triq, jiena l-ħajja” (Ġw 14, 6). U għalhekk tagħmel ħafna sens li jgħid: “min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija”. Dan il-kliem mill-kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù qalu f’Kafarnahum, belt fuq għadira kbira ta’ Tiberijade, il-baħar tal-Galilija, fejn għażel li jissetilja wara li telaq minn Nazaret.

    Illum Kafarnahum huwa sit arkeoloġiku, hemm il-fdalijiet tas-Sinagoga li fiha Ġesù qal dawn il-kliem u wieħed għadu jista’ jara l-għatba għażiża ta’ din is-sinagoga li Ġesù rifes fuqha huwa u dieħel biex jagħtina dan it-tagħlim, tagħlim li skandalizza lil min semgħu. Il-Lhud tlewmu bejniethom u bdew jgħidu “kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” U Ġesù jinsisti: “tassew, tassew ngħidilkom jekk ma tieklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem, ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” (ara Ġw 6, 52-53).

    U xi kwalità ta’ ħajja qed joffrilna Ġesù? Dan veru huwa l-ħobż tal-pellegrini għax aħna qegħdin pellegrini fuq din l-art, is-sema pajjiżna (Fil 3, 20), imma fl-istess ħin, il-Mulej, permezz ta’ dan il-ħobż qed jagħtina dik ix-xrara li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem. “Min jiekol ġismi u jiekol demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6, 54).

    Ma’ din l-Ewkaristija li aħna nirċievu ta’ bnedmin dgħajfa li aħna, hemm mhux biss ħobż spiritwali għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, imma wkoll iż-żerriegħa tad-destin  tagħna, iż-żerriegħa tal-ħajja ta’ dejjem tal-qawmien mil-imwiet. Illum irridu nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan id-don li huwa veru ikel li jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem, li jagħtina nutriment għall-ħajja mhux biss t’issa imma anke għall-eternità.

    Int li taf u tista’ kollox,

    li titmagħna hawn f’dil-ħajja,

    hemm agħmilna lkoll imsieħba,

    f’għaqda waħda, lkoll werrrieta

    mal-qtajjiet tal-qaddisin.

    “Qui nos pascis, hic mortales:

     tuos ibi commensales,

    cohaeredes et sodales,

    fac sanctorum civium” (Sekwenza).

    Dan il-kliem sabiħ li kiteb San Tumas t’Akwinu għall-liturġija tal-festa tal-Corpus Domini, ifakkarna li aħna nirċievu l-Ewkaristija ta’ bnedmin mortali, dgħajfa, imma permezz ta’ din il-qawwa tal-Ewkaristija, il-Mulej diġà qiegħed jistedinna biex inkunu fuq il-mejda tal-eternità, commensales nieklu  ħaġa waħda miegħu, f’intimità miegħu. Inkunu cohaeredes, inkunu werrieta miegħu, inkunu f’għaqda miegħu sodales tal-qaddisin.

     Charles J. Scicluna                                                          

         Arċisqof ta’ Malta

  •  

    Il-kunċert fuq l-orgni mill-Maestro di Cappella

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja