-
Franġisku tkellem. Tkellem b’vuċi ċara u qawwija. L-enċiklika tal-Papa kienet ilha titħejja, kważi sentejn. Għalkemm l-ambjent kien spiss jissemma bħala parti mit-tagħlim soċjali ta’ diversi Papiet, speċjalment fl-aħħar ħamsin sena, Laudato si’ hija l-ewwel dokument maġġuri li huwa kollu kemm hu dedikat għal dan is-suġġett. Is-sotto-titlu huwa diġà indikattiv ħafna: Dwar kif nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna. Il-kliem li bih tibda l-enċiklika diġà qed jgħid ħafna u jdewwaqna l-ħsieb prinċipali tagħha: “Id-dar komuni tagħna hija bħal oħt li magħha naqsmu ħajjitna, u omm sabiħa li tiftaħ dirgħajha biex tħaddanna” (n.1).
Il-Papa Franġisku jittratta ħafna issues ekoloġiċi, bħat-tniġġis u l-bidla fil-klima, skart tossiku, it-‘throw-away culture’ tallum, reċiklaġġ limitat, il-‘global warming’ u l-livelli tal-baħar li qed jogħlew, sħana jew kesħa estrema, id-deforestazzjoni, l-oċeani li jsiru aktar aċidużi, il-qerda tal-ekosistemi u l-biodiversità, aċċess għall-ilma tax-xorb, sajd bla rażan, eċċ. Il-lista hija waħda twila.
L-Isqof ta’ Ruma jindirizza l-effetti ta’ dawn il-fatturi fuq il-kwalità tal-ħajja u r-relazzjonijiet fis-soċjetà. Fi kliem ieħor, is-suġġetti mqajmin mill-Papa mhumiex temi tal-ambjentalisti biss jew tal-‘green lobbies’. Filfatt, huwa jistqarr li “approċċ tassew ekoloġiku dejjem isir approċċ soċjali; għandu jintegra kwistjonijiet ta’ ġustizzja fid-dibattiti dwar l-ambjent, biex inkunu nisimgħu kemm l-għajta tal-art, kif ukoll l-għajta tal-fqir” (n.49).
Huwa prattikament impossibli li fi ftit kliem tqassar dokument daqshekk għani u wiesa’ li se jkun f’idejna bil-Malti nhar l-Erbgħa. Qiegħed hemm biex naqrawh, biex nirriflettu dwaru u nġibu ruħna skont dak li fih. Kif stqarr l-Arċisqof Scicluna madwar ħmistax ilu, ejjew naqraw mhux dak li jgħidu l-aġenziji tal-aħbarijiet dwar l-enċiklika, imma naqrawha kollha. Huwa dokument faċli biex taqrah. Id-dokumenti tal-Papa Franġisku huma miktubin bil-mod kif hu stess jitkellem – dirett, profetiku, inċiżiv u ċar daqs il-kristall.
Meta taqra l-enċiklika, tippretendi li ssib referenzi għall-Kelma ta’ Alla u għall-kitbiet u d-diskorsi tal-Papiet. Iva, dan kollu qiegħed hemm. Però, fl-istess ħin irrid ngħid kemm laqatni l-fatt tal-importanza li l-Papa jagħti għal dokumenti ambjentali maħruġin minn Konferenzi tal-Isqfijiet minn madwar id-dinja kollha. Huwa jdaħħal dawn il-kontributi lokali fl-enċiklika – kontributi li huma frott ta’ esperjenzi diretti rigward l-ambjent.
Il-kitba hija ċara. Jista’ jaraha kulħadd. Id-dinja sabiħa tagħna tinsab muġugħa. Ejjew nagħtu widen għall-karba tad-dinja: Aħna lkoll responsabbli. Tista’ tagħmel xi ħaġa int ukoll.
Illum, l-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2015, fis-7:00 p.m., fis-Seminarju, tal-Virtù, l-pubbliku huwa mistieden mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, biex jiskopri aktar din l-Enċiklika tal-Papa. Link: http://knisja.org/LaudatoSi
Profs. Dun Hector Scerri
Lecturer tat-Teoloġija, Università ta’ Malta