L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jmur lura fejn trabba. Fil-fatt, għalkemm twieled f’Bethlehem, kien magħruf bħala Ġesù ta’ Nazaret. Dan l-isem jibqa’ miegħu sa fuq is-salib. Niftakru li meta Pilatu kiteb il-kitba tal-kundanna ta’ Ġesù, hekk isemmih: Ġesù ta’ Nazaret Sultan tal-Lhud.

Għal Ġesù, għalhekk, Nazaret kien il-villaġġ fejn qatta’ l-iżjed snin. It-tradizzjoni tgħidilna li x’aktarx wasal Nazaret wara li miet Erodi, ta’ xi 3 snin jew ftit iżjed, għaliex il-Familja Mqaddsa minn Bethlehem marret l-Eġittu, imma mill-Eġittu mbagħad marret il-Galilija ġo Nazaret u Ġesù baqa’ hemmhekk sa 30 sena. Matul l-aħħar tliet snin ta’ ħajtu Ġesù kien juża bħala ċ-ċentru tiegħu l-belt ta’ Kafarnahum li tinsab fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Ġenesaret jew inkella l-Baħar ta’ Tiberijade. Imma dawk li kienu jafuh — skont din is-silta li qrajna llum minn kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Mark — jitfixklu, għaliex huma li jafuh bħala bin il-mastrudaxxa Ġużeppi, jiġi quddiemhom bħala profeta. Il-profeta huwa dak li jkellimna mhux f’ismu imma f’isem Alla. Dak li jgħid mhux minn żniedu; jekk jagħmel hekk, mhux profeta. Il-profeta huwa mqabbad minn Alla biex ikellimna f’ismu. Min jemmen li l-profeta jkellmu f’isem Alla, jagħtih ġieħ. In-nies ta’ Nazaret din sabuha wisq diffiċli. “X’inhu? Min fejn kisbu dan kollu?” (Mk 6:2).

Huma jafu, kif ngħidu bil-Malti, ir-razza u r-radika ta’ Ġesù. Fil-fatt, ħin minnhom isemmu membri tal-familja tiegħu. “Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija, u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun?” (Mk 6:3). Dawn membri tal-familja ta’ Ġesù u kellu wkoll membri bniet tal-familja. San Mark ma jgħidilniex x’qalu fuq dawn il-membri tal-familja. Aħna kultant, meta nitkellmu fuq xulxin, nitkellmu wkoll fuq il-qraba ta’ dak li jkun. “Inti dak ma tafx ta’ min hu?” Id-dinja ma tantx tbiddlet minn żmien Ġesù. Kultant aħna wkoll, meta xi ħaġa ma togħġobniex, ngħidu: “U ajma, dak qed jtikellem? Inti dak ma tafx ta’ min hu? Ma tafx min hu?”. L-istess reazzjoni kellhom in-nies ta’ Nazaret meta Ġesù mar fis-sinagoga u jippreżenta ruħu bħala dak li qed jitkellem f’isem Alla.

Għalhekk, il-qari li smajna minn Eżekjel ifakkarna li aħna wkoll, kultant, ikollna l-istess xkiel li ħassew in-nies ta’ Nazaret quddiem min ikellimna f’isem Alla.

Huma tfixklu, u Ġesù, għal dan l-iskandlu tal-preżenza tiegħu, jistagħġeb. Donnu jibqa’ sorpriż. San Mark jagħtina l-impressjoni li Ġesù ma stennhiex din id-diffikultà. Ippretenda li n-nies li rawh jikber quddiem għajnejhom u jikber fil-għerf u fil-qawwa (ara Lq 2:39) bħalma jgħidilna l-Evanġelju ta’ Luqa, setgħu jifhmu min hu. Kienu jafu lil Marija, il-mamà tiegħu; kienu jiftakru ’l Ġużeppi. Ġużeppi llum ma jissemmiex. Ċerti kummentarji jgħidulna li x’aktarx ma jissemmiex għaliex ormaj Ġużeppi m’għadux magħna. Allura jsemmu lil ommu, lil Marija. “Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija?” (Mk 6:3).

Hawnhekk ukoll nindunaw li Ġesù ħa s-sengħa ta’ missieru Ġużeppi, “il-mastrudaxxa bin Marija”. Imma n-nies ta’ Nazaret ippretendew li dan il-ħaddiem, dan il-mastrudaxxa, jibqa’ f’postu u jibqa’ jagħmilha ta’ mastrudaxxa, u mhux ikellimhom f’isem Alla! Għalhekk, il-qari li smajna minn Eżekjel ifakkarna li aħna wkoll, kultant, ikollna l-istess xkiel li ħassew in-nies ta’ Nazaret quddiem min ikellimna f’isem Alla.

Infatti l-Mulej, hu u jibgħat lil Eżekjel, jgħidlu: “Qed nibagħtek għand ulied Iżrael, ġens ta’ nies  rashom iebsa, li rvellaw kontra tiegħi; dinbu kontra tiegħi, huma u missirijiethom. Huma nies wiċċhom sfiq, qalbhom iebsa” (Eż 2:3-4). Aħna kultant inbatu bl-istess difetti. M’għandniex għalfejn nitkażaw bin-nies ta’ żmien Eżekjel u lanqas bin-nies ta’ Nazaret. Min jaf kemm kultant niltaqgħu ma’ xi ħadd li jkellimna f’isem Alla u nitfixklu. U x’inhi l-iskuża li nġibu? “Dak se jkellimni? Dak ma tafx min hu? Għandu l-wiċċ ukoll jgħid dak li qiegħed jgħid!” Jekk aħna nkunu sinċieri, ma nitfixklux f’min ikellimna imma nippruvaw nisimgħu x’qed jgħidilna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 2:2-5
Salm: 122(123):1-2a,2bċd,3-4
Qari II: 2 Kor 12:7-10
Evanġelju: Mk 6:1-6