Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għeżież tfal u studenti,
Hi ħaġa sabiħa li llum ltqajtu biex mhux biss tifirħu bil-fatt li l-Papa Franġisku dalwaqt ikun magħna imma wkoll titolbu għalih u tippreżentawlu l-frott tal-ħidma u tax-xogħol tagħkom, li naf għax qaluli, li għamiltuh b’entużjażmu kbir.
Nixtieq nitlobkom pjaċir personali. L-ewwel nett nitolbu biex is-Sibt u l-Ħadd li ġej ikollna temp sabiħ għax intom tifhmu li jekk tagħmel ix-xita jew riħ kiesaħ inbatu naqra u l-ħajja tkun ikkumplikata għal kull wieħed u waħda minnha. Imma fuq hekk nitobu u nħallu f’idejn Alla.
Nixtieqkom ukoll li f’dawn il-jiem meta titolbu bl-interċessjoni tal-mamà ta’ Ġesù, Marija; tal-qaddisin għeżież patruni tagħna, imma anke meta tkellmu direttament lil Ġesù, titolbuh biex iż-żjara tal-Papa Franġisku fostna, tħalli dak il-ġid li jrid l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.
Naħseb ġieli smajtu lil Ġesù jitkellem dwar dak ir-raġel li ħareġ u beda jiżra’ ż-żerriegħa fl-għelieqi. Kien hemm żerriegħa li spiċċat fuq art tajba ħafna u għamlet il-frott. Imma kien hemm xi żerriegħa li waqgħet fil-mogħdija u intrifset, jew qalb ix-xewk u ma setgħetx tikber, jew ħaduha l-għasafar. Aħna jista’ jiġrilna hekk ukoll b’dak kollu li jgħidilna l-Papa, b’dak kollu li aħna nagħmlu l-esperjenza sabiħa tiegħu nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin. Tista’ tkun żerriegħa sabiħa li l-Mulej jiżra’ fil-qalb tagħna u jsib fik qalb li tilqa’ l-kelma tal-Papa u tagħmel ħafna frott jew bil-maqlub.
Dan jiddependi ħafna minna tafux! Allura nixtieqkom ħafna titolbu għal pajjiżna għal Malta u Għawdex biex iż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku li żgur se jkellimna fuq il-ħniena ta’ Ġesù, fuq l-imħabba tal-aħwa huma min huma inkluż il-migranti, imma wkoll se jkellimna fuq kemm hi ħaġa sabiħa li inti tkun ħabib tal-Evanġelju, ħabib ta’ Ġesù. Jalla nisimgħuh, nilqgħuh u nitolbu ħafna għalih u għal din iż-żjara.
Mill-qalb nagħtikom il-Barka pastorali tiegħi.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta