-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
10 ta’ Marzu 2019Jiena u nimxi magħkom fil-pellegrinaġġ tal-lum, il-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies, ħadt pjaċir ninnota tant familji tagħna u soċjetajiet li żejnu għall-okkażjoni. ‘Donnu t-tieni festa ta’ Ħaż-Żabbar,’ għedt, u bir-raġun għax il-Madonna bl-istatwa tant sabiħa u tant għażiża għalina, iddur dawra ma’ dan ir-raħal għażiż, antik u ta’ patrimonju kbir.
B’mod speċjali nixtieq ngħid lilkom, għeżież Żabbarin, imma naf li hawn ukoll ħafna nies minn kull parti ta’ Malta u Għawdex u nsellem ukoll lil kull min qed isegwina permezz tal-mezzi tax-xandir, u nħeġġeġ lil kull min qiegħed jismagħna biex fid-djar tagħna nagħtu post lill-Madonna mhux biss b’xi xbieha qaddisa u t-talba tar-Rużarju imma wkoll billi nitgħallmu minnha naffaċċjaw il-ħajja kif tkun.
Aħna l-Isqfijiet fil-kelma li tajna llum, ippruvajna nispjegaw kemm il-Madonna, bil-ħajja u bl-eżempju tagħha, għad għandha messaġġ rilevanti għal-lum u għall-ħajja tagħna. Din hija l-garanzija tal-preżenza tal-Madonna: il-Madonna qatt ma tiġi weħidha. Bħalma hemm fl-istatwa ħelwa tal-Madonna tal-Grazzja u fl-inkwatru maestuż, il-Madonna tidher bil-Bambin fi ħdanha. Jekk trid li lill-Madonna tiftħilha l-bieb, iġġib magħha lil Ġesù u fejn jidħol Ġesù hemm il-paċi; fejn jidħol Ġesù hemm il-barka, fejn jidħol Ġesù hemm il-grazzja. Mhux ta’ b’xejn li l-Madonna nqimuha b’dan it-titlu sabiħ: il-Madonna tal-Grazzja għax fejn hemm hi, hemm Ġesù li jġibilna kull grazzja.
Viva l-Madonna tal-Grazzja!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Aktar ritratti >>
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti