“Jiddi d-dawl tiegħek fid-dlam. Id-dlam tiegħek ikun bħal nofsinhar. Il-Mulej imexxik dejjem”. Dan il-kliem tal-profeta Iżaija li smajna fl-ewwel qari hu indirizzat ukoll illum lill-qaddis San Publiju. Ismu kien wieħed mill-iżjed ismijiet popolari fid-dinja Rumana. L-istudjużi jgħidulna li l-isem Publius kien x’aktarx il-ħames isem popolari fl-Imperu Ruman u l-għerq tiegħu kien propju riferiment għall-poplu. Mill-istess għerq ta’ Publiju għandna l-poplu stess, repubblika – dawn kollha ġejjin mill-istess għerq li jagħtina l-isem ukoll, il-prenome kif kienu jgħidulu l-Latini: publius.

Nistgħu ngħidu li l-isem tal-patrun tagħna hu wkoll isem li jfakkarna fina bħala poplu. Publius ismu miegħu. Hu iben il-poplu, hu r-rappreżentant tal-poplu, hu qaddej tal-poplu. U jekk forsi wieħed iħares lejn it-tip ta’ tmexxija fi żmien Publiju meta kien il-protos tagħna, forsi wieħed japprezza li seta’ kellna protos differenti ħafna minn dan Publiju, li aħna niltaqgħu miegħu fil-Kelma t’Alla li smajna llum fl-Atti tal-Appostli.   

Imma l-Mulej berikna b’dan il-mexxej ta’ qalb kbira, li jixraqlu l-barka li l-Mulej jagħti permezz tal-profeta Iżaija, meta għad-domanda: ‘x’inhu l-atteġġjament, x’inhi l-aqwa qima li wieħed jista’ jagħti lill-Mulej? Il-Mulej jgħid: “Mhux bis-sawm, mhux billi taħqar lilek innifsek imma li tħoll l-irbit tal-ħażen, li tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, li tkissser kull madmad” (Iż 58:6).

Il-Mulej jgħid li l-aqwa xhieda għalija hi li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, li ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf, bħalma għamel hu ma’ 276 ruħ li sfaw fuq xtutna mtertrin bil-kesħa u laqqagħhom għandu fl-oqsma tiegħu li t-tradizzjoni tgħidilna fiż-żona ta’ Burmarrad, għal 3 ijiem sħaħ, 276 persuna laqagħhom Publiju, il-protos tagħna għal 3 ijiem sħaħ. Immaġinaw!

Dan kien il-protos tagħna. Illum forsi nistaqsu: jixirqulna mexxejja bħal dan? It-talba tagħna hi li l-mexxejja tagħna jkunu xhieda sabiħa ta’ umanità, ta’ ġenerożità, ta’ sinċerità bħalma kienet il-qalb ta’ Publiju.

Jalla kull għajta li nisimgħu nieħdu ħsiebha, kull telefonata ta’ għajjut nirrisponduha u nieħdu fuqna r-responsabbiltajiet li għandna.

“Jiddi d-dawl tiegħek fid-dlam.” Id-dawl ta’ Publiju bix-xhieda ġeneruża tiegħu jiddi fid-dlam tal-qerq, fid-dlam tal-korruzzjoni, tas-suppervja, tal-qalb iebsa. Quddiem l-isfidi li sab ruħu quddiemu Publiju meta kellu 276 ruħ jitolbu kenn. Mhux tnejn jew tlieta imma 276! Aħna llum x’nagħmlu? Nagħlqu għajnejna u widnejna. Nistħu ngħidu, jekk nagħmlu hekk? Hi mistoqsija li f’isem Publiju u f’isem Ġesù npoġġi lis-soċjetà tagħna, lil min jaf jagħti risposta u qed jiddejjaq jgħidha f’isem is-sikurezza.

Allaħares aħna nkunu f’sitwazzjoni li kien fiha Publiju u jkun hemm min għandu bżonn l-għajnuna u nagħlqu għajnejna u widnejna, nitfu r-radars tagħna biex niftiehmu, jew ma nirrispondux it-telefonati. Allaħares! Jekk nagħmlu hekk irridu nagħtu kont quddiem Alla. Imma jiena qed nitkellem fuq ipotesi, l-awgurju tiegħi li dan il-kliem tiegħu hu inutli. Jalla hu hekk. Jalla kull għajta li nisimgħu nieħdu ħsiebha, kull telefonata ta’ għajjut nirrisponduha u nieħdu fuqna r-responsabbiltajiet li għandna.

Għax jekk nagħmlu festa lil San Publiju tagħna imma ma jimpurtaniex mill-messaġġ tax-xhieda tiegħu, għalfejn qegħdin hawn? Qegħdin hawn biex naħlu ż-żmien. Anzi nerfgħu fuq spallejna, jiena magħkom, responsabbiltà ikbar. Smajt kumment ta’ min hu devot – li għandna wisq barranin fostna u ninsew it-tagħlim li jagħtina l-Papa Franġisku, għax nagħżluh meta jaqblilna u kif jaqblilna donnu. Dawk huma rikkezza li m’għandniex ninqdew bihom għall-bżonnijiet tagħna.

Ilbieraħ iltqajt mal-komunità Syro-Malabariża Indjana – oratorju mimli żgħażagħ għax huma żgħażagħ li jiġu fostna, li meta jħallsu t-taxxi qed iżommu lilna wkoll jekk nagħtuhom l-opportunità li jkunu regolari u jħallsu t-taxxi. Għax kultant ninqdew bihom imma m’għandhomx drittijiet, li hu inġust. U anke ta’ dan irridu nagħtu kont. Mhux sew ninqdew bix-xogħol ta’ xi ħadd imma m’għandu l-ebda dritt quddiemu.

Iltqajt ma’ dan il-grupp, tgħiduli: ‘mhumiex Maltin’. Imma qegħdin fostna. Tistgħu tgħiduli liema gżira l-popolazzjoni tagħha waqgħet mis-sema? Il-Maltin minn fejn ġew? Aħna wkoll ġejna minn xi mkien eluf ta’ snin ilu.

U Publiju kellu s-sens li jilqa’ vapur nies li ġġarraf fuq xtutna. U miegħu ġab il-barka mhux biss l-Appostlu Missierna li fostna ġie ħabsi, bis-sinjali li kien ħabsi, imma bihom u permezz tiegħu ġab il-fejqan għal missieru u għall-poplu kollu tagħna għax l-għażla li għamel Publiju li ma jinjorax in-nies fil-bżonn biex ma joqgħodx jgħid: ‘aħna m’għandniex wisgħa. Mhux biżżejjed tgħid hekk jekk bniedem qiegħed fil-periklu tal-mewt. M’għandna l-ebda dritt nitolbu s-solidarjetà ta’ ħaddieħor jekk aħna ma nkunux l-ewwel li nuru solidarjetà. 

U Publiju ma qagħadx joqgħod jagħmel il-kalkoli. Imma l-Mulej ħa ħsiebu, fil-fejqan ta’ missieru, hemm ukoll il-fejqan ta’ poplu sħiħ. Kif jgħidilna l-istess ktieb tal-Atti tal-Appostli: “Il-morda kollha tal-gżira twaqqfu quddiem Pawlu u hu fejjaqhom.” Il-ġenerożità ta’ Publiju, tal-protos tagħna, tal-mexxej tagħna kienet barka fuq il-poplu kollu. Bħalma l-qalb iebsa tal-mexxej tagħna, ikun min ikun, tkun ukoll żvantaġġ kbir biex ma ngħidx saħta, għall-poplu tagħna.

Nixtieq nitlob ħafna lil San Publiju li l-mexxejja tagħna jkunu mexxejja li jiddefendu d-dinjità tal-bniedem, hu min hu, u tal-ħajja ta’ kull persuna u ta’ kull ħlejqa umana, hi min hi, mit-tnissil sal-aħħar. Aħna fl-Innu Malti, li għalaq 100 sena, nitolbu lil Alla biex jiftakar li l-poplu tagħna għażel li jdawlu bl-iżjed dawl ħelu “bl-oħla dawl”, id-dawl tal-Evanġelju, id-dawl li bih inti tara l-persuna tal-Mulej fil-proxxmu tiegħek għax il-Mulej qal: “Kulma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi.” Dak hu d-dawl tal-Evanġelju.

U nitolbu wkoll lil Alla mhux biss jiftakar li tana dan id-don kbir, hu wkoll responsabbiltà imma tana wkoll il-ħarsien. “Ħares kif dejjem int Ħarist.” U l-Mulej iħarisna anke permezz tal-mexxejja tagħna u għandna dritt u jiena nitolbu lil Alla biex ikollna mexxejja, huma min huma, li għandhom il-qalb kbira bħalma kienet ta’ Publiju li jħarsu lill-poplu tagħna. Tarbija fil-ġuf għandha dritt tkun imħarsa. “Ħares, Mulej kif dejjem int Ħarist.” Dik it-tmexxija li jiena nitlob illum lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Publiju. Ħaddiem fuq ix-xogħol għandu dritt ikun imħares minn kull periklu, min-negliġenza biex nagħmlu l-flus akkost ta’ kollox.“Ħares, Mulej kif dejjem int Ħarist.” U persuna anzjana li forsi m’għadhiex f’sensiha għalkollox għandha d-dritt tkun imħarsa mit-tentazzjoni li ngħidu: ‘u din hi piż, ejjew neħilsu’. Il-Mulej iħarisna.“Ħares, Mulej kif dejjem int Ħarist.”

Aħna u nagħmlu festa lil San Publiju ejjew nitolbu lil Alla bil-kliem tal-Innu Malti bl-interċessjoni ta’ dak li intom ġustament tgħidulu: Melitae digna proles – iben dehen ta’ Malta.

Bl-interċessjoni tiegħu nitolbu li kull min hu protos f’pajjiżna ikun ukoll dak li jħares li kull wieħed u waħda minna.

Viva San Publiju!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa

Qari I: Is 58:6-11
Salm: 15:1-2,5,7-8,11
Qari II: Atti 28:1-10
L-Evanġelju: Mt 25:31-40

Aktar ritratti