• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  •  


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    8 ta’ Settembru 2018

    Il-lista twila ta’ ismijiet li għadna kemm smajna mill-ewwel kapitlu ta’ San Mattew (ara Mt 1, 1-14), hija lista ta’ umanità bil-preġji u d-difetti tagħha. Mhijiex lista ta’ qaddisin u lanqas hija lista kompletament ta’ kriminali u farabutti. Hemm taħlita ta’ kollox. Hemm l-adulteri, hemm il-ħallelin, hemm il-qarrieqa, hemm ukoll il-martri, hemm dawk li batew għall-ġustizzja; hemm it-taħlita kollha li tagħmel il-familja tal-bnedmin.

    Imma l-insistenza ta’ San Mattew li jiġbed in-nisel ta’ Ġesù, bin David, bin Abraham, huwa li jinsisti li l-Mulej twieled fil-familja tagħna, twieled minn mara li kienet imħarsa mid-dnub, twieled minn mara kollha sabiħa tota pulchra es, imma twieled bniedem parti mill-familja tagħna.

    Fit-Te Deum li tradizzjonalment inkantaw ngħidu: “Inti ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ verġni,” ma stmerrejtx issir wieħed minna, Alla magħna, wieħed minna. U t-twelid tal-omm għalina huwa bħal dak iż-żernieq ta’ jum sabiħ aħna u nistennew li naraw is-sbuħija tax-xemx. Marija u t-twelid tagħha huma dak iż-żerniq li jgħidilna li dalwaqt titla’ x-xemx, dalwaqt jitwieled is-Salvatur.

    It-twelid ta’ din it-tifla ġab ferħ kbir lill-ġenituri tagħha, Anna u Ġwakkin. It-tradizzjoni antikissima tgħid li Marija trabbiet qrib it-tempju ta’ Ġerusalemm imma hi kienet magħżula biex tkun it-tempju tal-preżenza ta’ Alla fostna. Bir-raġun li l-Knisja tifraħ fit-twelid tal-Omm għaliex fit-twelid tal-Omm tistenna b’ħerqa t-twelid tal-iben. Fit-twelid tal-Omm, il-Knisja tara l-kapulavur li l-grazzja ta’ Alla sawret fil-ġuf ta’ Anna, din it-tarbija imħarsa mid-dnub sa min-nisel, sa mill-konċepiment immakulat tagħha.

    Disa’ xhur wara, niċċelebraw it-twelid ta’ Marija li fl-istorja tagħna huwa sinjal ta’ kemm Alla huwa tassew magħna. Meta aħna nsellmu dan il-jum bħala l-Jum tal-Vitorja, jum ir-rebħa, ma niftakrux biss fl-Assedju l-Kbir imma niftakru fl-assedji kiefra ta’ matul is-sekli: in-nixfa, il-pesta, l-assedju tat-Tieni Gwerra Dinjija, u l-kapitulazzjoni tan-Navy Taljana fil-port il-Kbir bħal-lum. Imma niftakru wkoll il-fidi tal-poplu Malti fil-qawwa tal-Omm tal-Imgħallem, ta’ Omm Ġesù.

    X’nixtiequ nitolbuha din is-sena lil Marija? Jiena ningħaqad ma’ ħuti l-Isqfijiet biex nitolbu ’l Madonna tkompli tnissel fis-soċjetà Maltija kuxjenza soċjali. Din is-sena hemm bżonn nifhmu liema assedju qiegħed inixxfilna ruħna: l-assedju tar-regħba, l-assedju tar-riċerka u tfittxija tal-profitt bla rażan. Huwa għadu li qiegħed jiekolna minn ġewwa. Jiġu mumenti li nfittxu u ma nsibu l-ebda qalb li lesta tħenn għal ħaddieħor. Din hija l-kuxjenza soċjali li għandna bżonn nitolbu bl-interċessjoni ta’ Marija.

    Hawnhekk qed nara rappreżentanti ta’ żewġ ordnijiet kavallereski li fl-istorja tal-Knisja għamlulha unur b’ħafna martri tal-imħabba huma u jiddefendu l-pellegrini, jieħdu ħsieb il-morda u jkomplu jsaħħu l-patrimonju Nisrani. Imma aħna l-Maltin, fi gżiritna, fis-soċjetà tagħna, x’għażliet qegħdin nagħmlu kuljum? Hija ħaġa tajba li l-flus isaltnu kollox u kullimkien? Jew għandna bżonn nerġgħu niskopru l-qalb soċjali ta’ poplu li meta wieħed minna jogħtor, ibati kulħadd? Meta wieħed minna jgawdi, igawdi kulħadd. Kemm tkun ħaġa sabiħa li nkomplu nikbru fil-ġid mingħajr ma ninsew il-qalb tagħna fejn għandna tkun.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Mikea 5: 1-4a
    Salm: 12
    Evanġelju: Mt 1: 1-16. 18-23

     

  •  

  • Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti