L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Ftit tal-ġimgħat ilu qrajna kapitlu sabiħ minn dan l-istess Evanġelju, mill-Evanġelju skont San Luqa, il-kapitlu 15 li fih Ġesù jagħtina tliet parabboli dwar il-ħniena: ir-ragħaj li ntilfitlu nagħġa u mar ifittixha, il-mara armla li ntilfitilha munita prezzjuża ħafna (drakma) u qagħdet tfittixha mad-dar kollha, u l-missier li kellu żewġ ulied u wieħed minnhom telaq.
It-tliet parabboli għandhom xi ħaġa in komuni; Ġesù fit-tliet parabboli jitkellem fuq xi ħaġa jew xi ħadd li ntilef, instab u mbagħad issir festa kbira. Hekk jagħmel ir-ragħaj it-tajjeb meta jsib in-nagħġa l-mitlufa, hekk tagħmel l-armla li sabet il-munita prezzjuża li tilfet, hekk jagħmel il-missier li jara lil ibnu jerġa’ lura, lil ħuh il-kbir jgħidlu: “Għax dan kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (Lq 15:32).
Jiena ġejt għal kulħadd, la għandna dritt nagħmlu tikketti fuq in-nies u wisq inqas nibnu ħitan bejn xulxin.
Illum Ġesù ma jagħtiniex parabbola imma dak li pprova jfissrilna jagħmlu hu. U fil-fatt hu u jħares ’il fuq lejn din is-siġra tat-tin selvaġġ, huwa r-ragħaj it-tajjeb li jfittex in-nagħġa li ntilfitlu. Hemm żewġt iqlub ifittxu ’l xulxin f’din il-ġrajja li għadna kemm smajna. Żakkew, wieħed mill-kapijiet tal-Pubblikani, dawk li kienu jiġbru t-taxxa, li kien għani kellu x-xewqa li jara min kien Ġesù. Din ix-xewqa, hu li kien għani u li kellu l-prestiġju għalkemm kien ukoll mibgħud ħafna għax kien jiġbor it-taxxa, ġagħlitu jinsa dan kollu u jixxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ.
Imma Żakkew għandu din ix-xewqa li jara lil Ġesù u allura jitla’ fuq biex iħares ’l isfel u jarah. Ġesù wkoll imma jfittxu lil Żakkew. L-Evanġelju jgħidilna: “Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: Żakkew” (Lq 19: 5). Jiena dejjem nistaqsi lili nnifsi Ġesù kif kien jaf x’ismu? Huwa l-Iben ta’ Alla li jfittixna wieħed wieħed u waħda waħda u jafna b’isimna.
“Żakkew, isa inżel minn hemm għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 19:5). U Ġesù jispjega l-ġest tiegħu hu nnifsu, Ġesù stess jgħidilna x’għamel: “Bin il-Bniedem ġie jfittex u jsalva lill-mitluf” (Lq 19: 10). Mela llum mhux parabbola għandna, għandna Ġesù li dak li pprietka, jagħmlu.
Għażiż Kappillan, dan huwa l-awgurju sempliċi u dirett tiegħi: li inti jkollok din il-qalb ta’ Ġesù li tfittex biex tkun tista’ twassal is-salvazzjoni. Għaliex Ġesù ġie jfittex u jsalva; aħna r-rgħajja tal-poplu nfittxu u nsibu imma nwasslu s-salvazzjoni ta’ Ġesù, ma nsalvawx aħna għax il-merħla hija miksuba bid-demm għażiż ta’ Kristu. U meta Ġesù lil Pietru fdalu l-merħla ma qallux: ‘se nagħtihielek’, qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21: 16), “Irgħa l-ħrief tiegħi” (Ġw 21: 15). Il-merħla ta’ Ġesù, u aħna tal-merħla u għall-merħla.
“Illum f’din id-dar daħlet is-salvazzjoni għax dan ir-raġel hu wkoll huwa bin Abraham” (Lq 19: 9). Aħna meta nidħlu fid-djar tan-nies, din hi t-talba tagħna li permezz tagħna tidħol is-salvazzjoni tal-Mulej, jidħlol il-fejqan, tidħol il-paċi u r-rikonċiljazzjoni.
Żakkew kien jappartjeni għal kategorija ddisprezzata u mwarrba avolja kien għani u kellu ħafna poter u forsi wkoll kellu l-okkażjoni jisloħ lil xi ħadd. Imma kellu wkoll ix-xewqa li jiltaqa’ ma’ Ġesù. “Dan ukoll bin Abraham”. Għalkemm forsi mwarrab minn min jaħseb li jagħmel kollox sew, u ħadmu aħjar minnu, Ġesù jgħid: “Dan ukoll bin Abraham”. Din il-kelma ta’ Ġesù tfisser u tgħid lill-komunità: tiġġudikawx. Jiena ġejt għal kulħadd, la għandna dritt nagħmlu tikketti fuq in-nies u wisq inqas nibnu ħitan bejn xulxin.
Għandkom dritt titolbu li fil-komunità jkun hemm l-ordni, is-sikurezza, il-ħarsien tal-liġijiet u l-paċi soċjali.
Il-Marsa għaddejja minn żmien ta’ sfida għaliex fin-nisġa tagħha qed jiżdiedu komunitajiet differenti. Dawn ukoll huma wlied Abraham. U din hija niggieża kbira ta’ din il-komunità li l-providenza riedet tissejjaħ għal Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, Alla mħabba. Din il-parroċċa unika fit-titlu tagħha għandha responsabbiltà tgħix bil-fatti, l-akkoljenza li biha Alla jfittex u jsalva lil kulħadd “Inkluż il-mitluf” (Lq 19:10). U allura għalkemm nifhem id-diffikultajiet li jkun hemm, napprezza li kultant l-isforzi li nagħmlu kollox donnu jsir suf, u jrid ikollok paċenzja kbira, kbira.
Imma ma naqtgħux qalbna. Jekk intom imberkin b’dan it-titlu sabiħ, bil-preżenza Franġiskana tal-Patrijiet Kappuċċini, għandkom it-titli kollha biex il-ħajja Nisranija tagħkom tgħixuha bħala komunità li tilqa’. Għandkom dritt titolbu li fil-komunità jkun hemm l-ordni, is-sikurezza, il-ħarsien tal-liġijiet u l-paċi soċjali. Imma fl-istess ħin nitlobkom tagħmlu ħilitkom u tkunu komunità li tilqa’. Tgħiduli: ‘iebsa’. Ngħidilkom: ‘naf, mhux faċli’. Imma l-isforz għandna nagħmluh u l-Mulej ibierku.
Għażiż kappillan, jiena nawguralek inti u tibda din il-missjoni taħt is-sinjal tal-ubbidjenza. Inti fil-ħajja reliġjuża tiegħek diġa għaddejt minn ħafna esperjenzi, karigi. Il-Mulej jgħinek biex din il-komunità tħobbha għax hi għatxana li tiltaqa’ ma’ Ġesù fik.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 11, 22 – 12, 2
Salm: 144 (145), 1-2.8-9.10-11. 13ċd-14
Qari II: 2 Tess 1, 11 – 2, 2
Evanġelju: Lq 19, 1-10