Ta’ kull sena fir-raba’ Ħadd tal-Għid nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù li tuża din l-espressjoni qawwija ħafna u li permezz tagħha Ġesù jipprezenta ruħu bħala l-bieb u r-ragħaj.

Din is-sena fl-ewwel silta mill-kapitlu 10 ta’ San Ġwann, li hu l-kapitlu fejn Ġesù jispjega din ix-xbieha sabiħa tar-ragħaj it-tajjeb, l-enfasi hi pjuttost fuq il-bieb: il-bieb tal-maqjel, il-bieb ta’ dak l-ispazju fejn in-nagħaġ huma siguri u kkurati, lil hemm mill-periklu imma hu wkoll l-ispazju minn fejn għandhom bżonn joħorġu biex jirgħu u jmantnu lilhom infushom bl-għajnuna tar-ragħaj.

Fit-tradizzjoni ta’ żmien Ġesù, il-bieb kien ikun personalment ir-ragħaj għax kienet fetħa f’dan il-maqjel li biex żgur l-ebda ħalliel – Ġesù jsemmi l-ħalliela, il-qattiela (ara Ġw 10:8) ma jidħol u jisraq in-nagħaġ, joqtolhom. Il-bieb kien ikun ir-ragħaj stess. Hu kien joqgħod speċjalment billejl f’dik il-fetħa u allura hu kien il-bieb. Meta Ġesù jgħid: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien” (Ġw 10:7.) qiegħed jispjega li hu jidħol propju fiżikament, personalment bħala garanzija tas-sigurezza, tal-integrità, tas-saħħa, tal-ħajja tan-nagħaġ tiegħu. U allura l-ewwel daqqa jilqagħha hu u jagħtiha hu wkoll biex jiddefendi n-nagħaġ tiegħu.

U Ġesù l-kliem tiegħu jiżnu ħafna imma ma jiddejjaqx jgħidilna li li tkun ragħaj mhix ħaġa faċli, se jkollok ukoll tiddefendi lill-merħla mill-ħallelin, mill-qattiela, minn dawk li jridu jagħmlu ħsara.

Hu jagħti kriterju, inkella mod kif inti tagħraf in-nagħaġ u jgħidlek: isma’ l-leħen tiegħu. Il-leħen tar-ragħaj hu l-leħen ta’ Ġesù? Aħna meta nisimgħu lir-ragħaj tagħna, lill-mexxejja fil-komunità qed nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù? Issa Ġesù nafu li mhux dejjem jitkellem kliem ta’ faraġ imma wkoll kliem ta’ sfida. Imma hemm xi ħaġa li tgħaqqad il-kliem kollu ta’ Ġesù. Hu l-imħabba. Meta tisma’ l-kelma ta’ Ġesù tagħraf kważi b’istint qawwi li hi l-kelma tal-imħabba anke meta ċċanfrek, anke meta twissik, hi l-kelma tal-imħabba, hi l-kelma ta’ ħabib.

U forsi din hi x-xbieha sabiħa tar-ragħaj li hu l-bieb, li hu l-mexxej tal-merħla li jagħti ħajtu għall-merħla, hu wkoll il-ħabib tal-merħla.

“Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Ma ġejtx biex noqtol, ma ġejtx biex nisraq jgħid, ma ġejtx biex neqred imma ġejt biex nagħti l-ħajja. U Ġesù jagħtina l-ħajja billi jagħti ħajtu! “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”.

L-espressjoni sabiħa li qrajna llum mit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru appostlu tiġbor is-sens ta’ dan ir-Raba’ Ħadd tal-Għid din l-espressjoni sabiħa: “Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa, imma issa erġajtu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom” (1 Pt 2:25). Ir-ragħaj u l-għassies! Hu dak li jindukrakom imma wkoll dak li jgħasses fuqkom. Aħna għandna dawn iż-żewġ kelmiet: pastor u episcopos li huma ispirati minn dawn iż-żewġ kelmiet li juża l-appostlu San Pietru, li uża wkoll Ġesù: ir-ragħaj u l-għassies.

Ejjew nitolbu biex il-Knisja jibqa’ jkollha ragħajja u għassiesa għall-merħla tal-Mulej. Il-merħla mhux tal-isqof jew tal-kappillan, hi ta’ Ġesù. U l-bieb, min ma jgħaddix minnu, min ma jkollux l-umiltà li jisma’ l-leħen ta’ Ġesù u jimxi warajh, mhux tajjeb, se jagħmel ħsara lill-merħla. Aħna nitolbu ’l Mulej l-grazzja li jkollna ragħajja skont il-qalb tiegħu.

Illum fil-Knisja f’Malta qed infakkru l-qadi li tagħmel il-Knisja f’Malta. Dawn il-jiem kelli l-opportunità niltaqa’ ma’ tant persuni li qegħdin fit-tmexxija ta’ diversi servizzi li tagħti l-Knisja f’Malta, dak li aħna ngħidulha d-djakonija. Kelma oħra hi karità imma d-djakonija hi l-qadi li permezz tiegħu l-Knisja tkun ukoll fix-xbieha sabiħa ta’ Ġesù li jagħti ħajtu biex ikun ta’ servizz fil-qasam tal-edukazzjoni, fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam tar-rijabilatazzjoni ta’ min għandu xi dipendenza, fil-qasam tad-difiża kontra l-vjolenza domestika – f’tant oqsma – fil-kura fil-prevenzjoni tal-abbuż, tant oqsma ta’ servizz, ta’ karità. Insellem ukoll lil min qed jieħdu ħsieb id-diżabbli tagħna, lil dawk li ma jridhom ħadd, lil dawk li qed joffru l-ikel lil min hu bil-ġuħ u dar lil min m’għandux.

Dan hu mod ukoll kif il-Knisja tkompli l-missjoni ta’ Ġesù, ir-ragħaj, imma trid tibqa’ tisma’ leħnu għax inkella l-karità tagħna, id-djakonija tagħna, il-qadi tagħna ma jkollux l-ispirtu ta’ Ġesù. Imma forsi, ma nafx jien, biex infittxu lilna nfusna jew biex jgħidulna kemm aħna bravi? Dak kollu duħħan. Ejjew nitolbu biex aħna u nagħtu ħajjitna nibqgħu nisimgħu leħen Ġesù fis-silenzju.

Jekk hawn xi ħadd li qed iħoss is-sejħa ta’ Ġesù biex jagħti ħajtu, nagħtih parir ċkejken: fittex li tisma’ leħen Ġesù. Tgħidli kif? Fis-silenzju, fit-talb, billi tieħu parir minn min jista’ jagħtihulek għax Alla jinqeda bin-nies għorrief u b’min iħobbna tassew inkluż il-ġenituri tagħna, biex idawwal il-kuxjenza u l-qalb tagħna. U tgħidli: ‘kif nagħraf li jiena qiegħed fir-rieda ta’ Ġesù?’ Il-paċi tiegħu. Hekk tinduna, anke jekk se tagħżel it-triq taż-żwieġ. Imma inti qiegħed jew qiegħda fil-paċi? U jekk inti trid tkun reliġjuż/a, missjunarju/a, saċerdot, qiegħed fil-paċi? X’qed tfittex? Id-duħħan tad-dinja li jiġi u jmur? Jew qiegħed/qiegħda tisma’ l-leħen ta’ Ġesù?

Ejjew nitolbu biex aħna nibqħu nfittxu li nisimgħu l-leħen tar-ragħaj it-tajjeb u nobdu l-kelma tiegħu. “Il-ħsad huwa kbir, il-ħaddiema ftit, itolbu mela lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:14a,36-41
Salm: 22 (23):1-3a,3b-4,5,6
Qari II: 1 Piet 2:20b-25
L-Evanġelju: Ġw 10:1-10

Aktar ritratti