L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dan l-Evanġelju jintgħażel fit-tifkira ta’ San Barnaba għaliex huwa mument meta Ġesù, fil-kapitlu 10 skont San Mattew, jibgħat grupp ta’ dixxipli jħabbru s-saltna tas-smewwiet.
Jagħtihom ukoll qawwa li jfejqu kemm il-ġisem kif ukoll ir-ruħ. Imma jgħallimhom ukoll jafdaw fil-providenza ta’ Alla. Huma ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej. “Il-ħaddiem ħaqqu ħobżu” (Mt 10:10). M’hemmx għalfejn iġġorr ħafna affarijiet miegħek għax fejn se tmur il-Mulej se jippreparalek nies li se jieħdu ħsiebek.
Hu jitkellem dwar raħal, belt li jixraqilhom imorru għandu. Jitkellem ukoll dwar dar li jixraqilha li jidħlu fiha. Imma dar xi tfisser? Liema huma dawk l-ibliet li jixirqilhom jilqgħu d-dixxipli tal-Mulej? Dik id-dar jixirqilha tilqa’ d-dixxiplu tal-Mulej? Mhix id-dar tan-nies perfetti imma hija d-dar, ir-raħal u l-belt li għandhom għatx għall-ħniena t’Alla. Min m’għandux bżonn ’l Alla mhux se jinkedd jew inkella jipprova jilqa’ lid-dixxiplu tal-Mulej.
Id-dixxiplu huwa mistieden mill-Mulej li jfittex nies bħal dawn, li jixirqilhom li d-dixxiplu jidħol għandu, li għandhom għatx għas-sliem tal-Mulej għax jifhmu li għandhom bżonnu.
Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna ngħoddu lilna nfusna ma’ dawn il-bliet, ma’ dawn id-djar li jixirqilhom iż-żjara tad-dixxiplu tal-Mulej, li għandhom bżonnu.
Illum niftakru f’dik it-talba sabiħa li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. U d-dixxiplu huwa mistieden mill-Mulej li jfittex nies bħal dawn, li jixirqilhom li d-dixxiplu jidħol għandu, li għandhom għatx għas-sliem tal-Mulej għax jifhmu li għandhom bżonnu.
Ħafna drabi aħna ninħlew f’dak li rridu nġorru magħna fil-ħajja: il-flus tad-deheb, tal-fidda, tar-ram, il-ħorġa għat-triq, l-ilbiesi, il-qrieq, il-ħatar li jrid iwennisna (Mt 10:9) u ninsew lil Alla, donnu f’dawn għandna biżżejjed sigurezza. Imma l-Mulej jgħallem lid-dixxiplu jafda fih għax hu jrid imur għand nies li għandhom fiduċja fil-Mulej mhux fihom infusom.
Barnaba jinterċedi għalina waqt li aħna nitolbu għall-Knisja f’Ċipru, gżira Mediterranja bħalna, ħafna ikbar minn,a imma ta’ tradizzjoni antika bħalna, u nitolbu li l-Knisja tibqa’ tiżżejjen mill-Mulej minn qlub tassew missjunarji.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 11, 21b-26
Salm: 97, 1-6
Evanġelju: Mt 10, 7-13