• Nhar it-Tnejn 29 ta’ Awwissu 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fin-Novena bi preparazzjoni għall-festa ta’ Marija Bambina, fin-Naxxar. 
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Arċipretali, in-Naxxar
    29 ta’ Awwissu 2016
     
    “Int għajn tal-ġonna, int ġiebja t’ilma ġieri, nieżel mil-Libanu” (Għan 4, 15). Din is-silta’ mill-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet, hija silta’ min għanja ta’ mħabba. Il-maħbub qiegħed jitpaxxa bis-sbuħija tal-għarusa tiegħu bħalma intom u jiena magħkom, inħarsu lejn l-istatwa tal-Bambina u nitpaxxew bil-ġmiel tagħha. “Kollok sabiħa, ja maħbuba tiegħi u tebgħa fik ma hemmx” (v.7). Dan il-kliem joqgħod b’mod meraviljuż għall-Bambina, aħna u nħarsu lejha għax aħna nemmnu li hija tnisslet mingħajr tebgħa tad-dnub. 
    Jekk l-awtur tal-Għanja tal-Għanjiet kien qed jitkellem fuq xi tebgħa fiżika jew xi difett li seta’ jagħmel l-maħbuba tiegħu inqas sabiħa, imma ma kienx hemm, aħna nafu li meta nħarsu lejn il-Madonna mhux biss nistgħu nitpaxxew bil-ġmiel tas-safa’ tagħha, imma wkoll bil-fatt li hi kienet imħarsa minn kull dnub. “Kollok sabiħa, ja maħbuba tiegħi u tebgħa fik ma hemmx”, la tebgħa fiżika u wisq inqas spiritwali.
    “Inti sraqtli lil qalbi, għarusa tiegħi, inti sraqtli qalbi” (v, 9). Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna, meta nħarsu lejn il-Madona u nkellmuha, inkunu nistgħu ngħidulha hekk. Għaliex aħna nafu li jekk nafdaw il-qalb tagħna f’idejn il-Madonna, hi tagħmilha sabiħa u tagħmilha tixbah lil dik ta’ Ġesù. U l-qalb ta’ Ġesù kif inhi? X’qal? “Ejjew għandi intom l-imħabbtin u l-imtaqqlin u jiena nserraħkom. Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 28-29). Mela min irid jimxi wara Ġesù, irid jafda qalbu f’idejn il-Madonna u jitlobha ‘int li sraqtli qalbi, agħmilhieli bħal ta’ Ġesù, agħmel li qalbi tkun qalb ħelwa’ – mhux biz-zokkor – ‘qalb ħelwa’ għax taf tħenn u taf taħfer. Kuljum ikollna okkażjoni naħfru, kuljum.
    Jekk mifxul minħabba l-għira, minħabba l-mibegħda, minħabba l-kalunnja, ħares lejn il-Madonna u għidilha: ‘inti sraqtli qalbi, agħmilhieli bħal ta’ Ġesù, qalb ħelwa, qalb li tħenn, qalb li taħfer’. Qalb umli, mhux supperva, mhux li tirrabja u tieħu għaliha għal kull ħaġa ta’ xejn. “Inti sraqtli qalbi sa b’ħarsa waħda tiegħek” sa b’ħarsa waħda tiegħek! X’ngħidulha l-Madonna fis-‘Salve Regina’? “Dawwar dawk għajnejk, urina wara dan il-wied tad-dmugħ lil Ġesù Ibnek”, imma “dawwar lejna dik il-ħarsa tiegħek ta’ ħniena”. Il-ħarsa ta’ Marija hija ħarsa ta’ ħniena. Taffaxinani l-ħarsa ta’ din l-istatwa ħelwa tal-Bambina, tfajla sabiħa li qed tħares lejn is-sema imma mhux imbegħdha minna. Verament meta tkunu quddiem din l-istatwa, tistgħu tgħidulha lill-Bambina: “inti sraqtli qalbi sa b’ħarsa waħda tiegħek”. Kemm hi sabiħa din il-poeżija tal-Għanja tal-Għanjiet.
    “Inti għajn tal-ġonna, inti ġiebja ta’ ilma ġieri”. Nafu x’jiġifieri, għax din is-sena m’għamlitx xita u kollox sofra. Ikollok ġiebja, isserraħ rasek li mimlija, ma tagħmilx xita u tara l-qiegħ. Tajjeb biex tnaddafha, imma inti biex issaqqi mhux it-tajn u l-ħama għandek bżonn imma l-ilma ġieri. “Inti għajn tal-ġonna”. Mingħajr l-għajn il-ġonna jmutu, ma jkollniex frott. Din l-għanja u din is-silta’ ntagħżlet għax fl-Evanġelju f’din il-quddiesa votiva ta’ Sidtna Marija, Għajn ta’ Salvazzjoni, infakkru l-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. “Min jemmen fiha, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7, 38).
    Il-Madonna emmnet f’Ġesù? U żgur li emmnet. X’qaltilha Eliżabetta meta laqgħatha f’darha f’Ein Karem? “Imbierka dik li emmnet” (Lq 1, 45). Mela anke mill-Madonna li emmnet, joħorġu minnha xmajjar ta’ ilma ħaj, għax dik hija l-kelma ta’ Binha Ġesù. Wara kollox, meta semgħet dawk il-kliem ta’ Eliżabetta, Ġesù kien fi ħdanha, fil-ġuf Imqaddes tagħha.
    Xi jfisser dan l-‘ilma ħaj’? San Ġwann jispjegalna għax aħna m’aħniex xi vit iqattar għaddejjin, dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih.  Il-Madonna mit-tnissil tagħha ħasset fl-eżistenza tagħha il-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, għax il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, hija tħarset min kull tebgħa tad-dnub. Anke fit-tħabbira tal-anġlu, San Luqa jgħidilna: “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u d-dell tal-qawwa tal-Ispirtu tgħattik” (Lq 1, 35). Il-Madonna, hi u ġġorr lil Ġesù, tinfexx f’għanja kbira mnebbħa mill-Ispirtu qaddis tal-Mulej: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-salvatur tiegħi” (v. 46).
    Il-Madonna, l-għarusa tal-Ispirtu s-Santu għaliex fil-ġuf tagħha l-Ispirtu s-Santu opra t-tnissil ta’ Ġesù, hija mimlija b’dan l-Ispirtu. Hi tagħtihulna bħal “xmajjar ta’ ilma ħaj” u għalhekk meta aħna nħossuna taħt il-madmad tan-nixfa tad-dnub, tad-deżert, tal-mibegħda li jaf idawwarna, aħna ma naqtgħux qalbna, induru lejn il-Madonna, dik li emmnet u li minnha joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj u aħna ngħidulha: ‘aħna wkoll irċevejna l-Ispirtu qaddis tal-Mulej fil-Griżma tal-Isqof, agħtina li minna wkoll joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj u li jwasslu l-paċi, il-ħlewwa, l-umiltà, l-għaqda, ir-rikonċiljazzjoni, il-kelma ta’ għerf, il-kelma ta’ kuraġġ.
    L-Għanja tal-Għanjiet mhux biss titkellem dwar is-sbuħija ta’ din il-maħbuba tal-Mulej, imma wkoll dwar il-fwieħa tagħha: “il-ward tal-ħenna, kif ukoll l-ispika, spika u żagħfran, qasab ifuħ, kannella, kull siġra tal-inċens, mirra, sabbara, u l-aqwa balzmi kollha” (Għan 4, 13-14). Huma kollha fwejjaħ. Dawn il-fwejjaħ kollha li ssemmi l-Għanja tal-Għanjiet, huma sinjal ta’ sbuħija ġewwinija tal-Madonna. San Pawl Missierna jgħidilna: “intom il-fwieħa ta’ Kristu”, mhux l-intiena tax-xitan, intom il-fwieħa ta’ Kristu. Mela jekk jien Nisrani huwa l-fwieħa ta’ Kristu bl-umiltà tiegħu, bis-sabar tiegħu, bil-fedeltà tagħha, kemm iżjed u iżjed il-Madonna timla’ l-qlub tagħna u l-Knisja, il-poplu t’Alla, bil-fwieħa sabiħa ta’ Ġesù rxoxt.
    Nitolbuha lil Ommna Sidtna Marija, il-Bambina, biex hi li tisraqilna qalbna bil-ġmiel u l-fwieħa tagħha, tgħinna biex qalbna tkun tassew bħal ta’ Ġesù biex aħna nkunu l-fwieħa ta’ Ġesù.
     
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: John Magro – Images