Knisja ta’ Ġieżu, r-Rabat
17 ta’ April 2016
Grazzi ħafna tal-preżenza tagħkom illum aħna u niċċelebraw is-Solennità għażiża tal-patrijarka San Ġużepp. Nirringrazzjak, Sur Edgar Coleiro Preca tal-preżenza tiegħek inti u tirrapreżenta wkoll lill-E.T. il-President. Grazzi lilek, għażiża Mrs Michelle Muscat talli ġibt lil uliedek għal din il-festa u qed tirrapreżenta wkoll lill-Onorevoli Prim Ministru u, kif għidtlek diġà u għidt lit-tfal fil-bidu, nitlobkom tagħtuh il-festa t-tajba għaliex huwa jismu Joseph għal San Ġużepp. Nagħti l-festa t-tajba wkoll lil kull jismu Ġużeppi, nirringrazzja lir-rispettabli Sindku, lill-membri Parlamentari, diversi Sindki u lill-uffiċjali tal-Konfraternità talli kull sena lil San Ġużepp, nonorawh anke bil-preżenza tagħna.
Nieqfu biex naħsbu fuq dan ir-raġel, li l-Evanġelju biex jiddiskrevih jgħidilna: “kien raġel ġust”, kien raġel ġust! Il-pergamena kienet tiswa ħafna flus, u l-Evanġelju d-diskors ma jaħlihx. Nafu li kien jgħix Nazaret, kien mastrudaxxa u kien jaf jagħżel, għax bħala għarusa għażel lil Marija. Kien bniedem li t-Taljani ta’ fiuto, kien jaf jara is-sbuħija tal-qalb għax is-sbuħija tal-għarusa tiegħu kienet sbuħija ġewwinija, is-sbuħija naturali u morali tal-Madonna, l-għarusa ta’ Ġużeppi, hija domma tal-fidi, hi li twieldet mingħajr it-tebgħa tad-dnub oriġinali, l-Immakolata.
Jiena persważ li Ġużeppi kellu dan is-sens ta’ sbuħija, ta’ tjieba u tal-qdusija. Bil-mod tiegħu ta’ bniedem, li x-xogħol tiegħu kien ilaqqgħu ma’ ħafna nies, seta’ jagħraf kemm kienet għażiża din il-mara. Persważ ukoll li fil-ħolm tiegħu, li ma’ Marija jagħmel familja, qatt ma rrealizza l-vokazzjoni kbira, sublimi li għaliha kien qed jippreparah il-Mulej. Mit-tbatija li għadda hu sar missier spiritwali, l-ewwel ta’ Ġesù, imbagħad ta’ kull wieħed u waħda minna, bħalma ġara fil-każ ta’ Marija imma fl-ordni naturali. L-ewwel kienet il-mama ta’ Ġesù għax ġabitu fid-dinja, imma mbagħad bi tbatija kbira taħt is-salib, saret l-omm ta’ kull wieħed u waħda minna.
Dawn iż-żewġ persuni tant għeżież għal Ġesù għandhom għalina maternità u paternità spiritwali li swietilhom ħafna tbatija. Il-Madonna saret omm ta’ kull wieħed u waħda minna taħt is-salib, u Ġużeppi sar missier ta’ kull wieħed u waħda minna fl-ordni tal-grazzja meta ddeċieda li jobdi l-kmand tal-Mulej: “Tibżax tilqa’ għandek lil Maria għaliex dak li se jitwieled minnha huwa mill-Ispirtu s-Santu, huwa qaddis” (Mt 1, 20).
San Ġużepp salva lil Ġesù mill-mewt darbtejn u din hija l-prova l-iktar qawwija tal-vera paternità tiegħu. L-ewwel darba Ġużeppi salva lil Ġesù mill-mewt mingħajr qatt ma kien sema’ l-vuċi tal-Mulej; bl-intuwizzjoni tiegħu ta’ bniedem ġust isir jaf li l-għarusa tiegħu, qabel ma bdew jgħixu flimkien, qed tistenna tarbija. Is-somom kien jaf jagħmilhom! X’jagħmel? Għandu l-għażla li tagħtih il-Liġi, għax la kienet diġà mgħarrsa miegħu, kienet diġà marbuta mil-Liġi tal-adulterju u allura għall-piena ta’ tħaġġir minħabba l-infedeltà tagħha. Seta’ allura jiċħadha u jikkundanna lil Marija għall-mewt, u jikkundanna għall-mewt lit-tarbija li kienet qiegħda iġorr.
Ġużeppi, ta’ bniedem ġust li jagħraf il-qalb ta’ Alla – għax dak huwa l-bniedem ġust – jiltaqa’ ma’ Alla f’ħajtu u qed jitgħallem jirraġuna bħalma jirraġuna Alla li huwa l-Missier ta’ kull wieħed u waħda minna. Jgħid: ‘Le, ma noqtolhiex, ma nikkundannahiex għall-mewt tal-infedeltà tagħha, li hemm il-provi tagħha għax għandha tarbija, insalva lilha u nsalva t-tarbija tagħha. Allavolja mhix tiegħi, dik it-tarbija nsalvaha’. Dan seħħ qabel il-ħolma, qabel ma’ l-Mulej qallu xejn – kien l-istint tiegħu! Ejjew napprezzaw li l-kobor ta’ Ġużeppi qabelxejn huwa kobor naturali ta’ bniedem, li fl-iskola tal-Kotba Mqaddsa li kien jisma’ kull nhar ta’ Sibt fis-sinagoga, fl-iskola tal-ħaddiem. Ġużeppi kien ‘tekton’ bil-Grieg, jgħid l-Evanġelju, kien bniedem li jmidd idu għax xogħol tal-id u ma kienx biss jaħdem fl-injam imma kien jaħdem anke l-ħadid, kien ukoll ħaddied. Immaġinaw ix-xogħol ta’ Ġużeppi kemm laqqgħu ma’ nies, kemm ra sitwazzjonijiet differenti, kemm sema’ ġlied, kemm sema’ għajjat, kemm sema’ ferħ u għadab.
Faċċata ta’ Nazaret kien hemm belt jisimha Zippora li kienet belt kbira, b’ħafna kulturi differenti, u l-ħaddiema ta’ Nazaret kienu jinżlu Zippora u jaħdmu hemmhekk. Ġużeppi kien bniedem li mill-bidu nett, għalkemm kien Lhudi ta’ fedeltà kbira, iltaqa’ ma’ ħafna kulturi differenti. Qalbu infetħet għad-dinja kif jaraha Alla – mhux kif narawha aħna l-bnedmin. Aħna kultant marbutin mal-ideat dojoq tagħna – u bl-għerf, l-imħabba u l-ħniena tiegħu, Ġużeppi mar lil hinn mill-liġi. Il-liġi kienet tagħtih ċertu drittijiet, forsi kien hemm ukoll l-argument li huwa obbligat jiċħadha lil Marija għall-infedeltà tagħha li għandha tarbija minn ħaddieħor. Ġużeppi ma waqafx fil-kelma tal-liġi, mar lil hinn, għax il-liġi kienet se ġġib il-mewt, il-mewt għal dik il-mara li hu kien fehem li hi sabiħa minn barra u minn ġewwa, u żgur il-mewt għat-tarbija li kienet qiegħda ġġorr.
Bil-ġustizzja tiegħu, hu li kien raġel ġust, salva lil Marija u salva lil Ġesù għall-ewwel darba, u laqa’ lil Marija u magħha laqa’ lil Ġesù fil-ħajja tiegħu u sar il-missier ta’ Ġesù. Meta ta’ tnax-il sena Ġesù jagħmel waħda tinkiteb, fil-fatt inkitbet fl-Evanġelju ta’ San Luqa, intilef u ma setgħux isibuh, il-Madonna tgħidlu: “Missierek u jien”, ma tgħidlux ‘missierek putattiv’, “b’qalbna maqsuma konna nfittxuk. Għaliex għamiltilna hekk?” (Lq 2, 48). ‘Missierek u jien’. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, meta jiltaqgħu ma’ Ġesù u jibdew jisimgħuh jitkellem kliem stramb ta’ min jaf u qed jgħid li hu l-Iben t’Alla, jgħidu: “imma dan mhuwiex iben il-mastrudaxxa? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa?” Ġużeppi mhux biss laqa’ lil Ġesù għandu imma Ġesù wkoll daħal fid-dinja ta’ Ġużeppi, fid-dinja tax-xogħol, fid-dinja tal-kulturi differenti, fil-poplu Lhudi, fidil jisma’ l-Kelma ta’ Alla kull nhar ta’ Sibt. Daħal fl-iskola ta’ raġel ġust, li l-Liġi jirrispettaha, imma l-Liġi ma jaċċettahiex bħala s-soluzzjoni tal-mewt, imma bħala lingwaġġ ta’ mħabba u ta’ ħajja.
Ġużeppi jkollu jitlaq minn Nazaret għal Betlem, bil-mara tiegħu tqila li kienet waslet biex twelled u jissotometti ruħu għaċ-ċensiment, għal dan l-eżerċizzju ta’poter tal-Imperu Ruman. Jasal Betlem, il-belt ta’ David, il-belt ta’ nislu għax hu kien min-nisel ta’ David, mill-familja ta’ David, u jħabbat fuq il-bibien tal-lukandi. L-Evanġelju jgħidilna: “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2, 7). Hu jistkenn ma’ Marija li waslet biex twelled f’dan l-għar fejn hemm maxtura tal-annimali. X’għafsa ta’ qalb għal Ġużeppi li lill-iben ta’ din il-mara li jħobb, jista’ joffrilha biss dan l-għarix, dan l-għar, din il-maxtura, imma x’ferħ x’ħin jara din it-tarbija li huwa kien jaf li huwa Iben il-qaddis, l-Iben imnissel mill-Ispirtu tal-Mulej u jadurah bis-sens tiegħu ta’ Lhudi ġust u devot li quddiemu qed jara lill-Messija mwieled. U feraħ x’ħin il-Maġi ġew biex jaduraw lit-tarbija, kif feraħ ukoll meta ra lir-ragħajja fqar u umli jġibu dak li setgħu. ‘Aħna ġejna għax ħabbrulna l-anġli li tweldilna Salvatur. “Glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet, paċi fl-art lil bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2, 14).
Ġużeppi qiegħed hemm jara dik l-istilla. Calì pinġa kwadru straordinarju tat-twelid ta’ Ġesù u jġib lil Ġużeppi qiegħed iħares bil-ħarsa tiegħu l-omm u t-tarbija imma fl-istess ħin, qiegħed iħares ukoll lejn il-kewkba. Dik il-kewkba li kienet tgħid li dak it-tifel huwa sultan, li dak it-tifel ta’ min isibu, ta’ min jagħmel vjaġġ mill-bogħod biex isibu, dak it-tifel li jistħoqqlu deheb, inċens u mirra. Imma l-Maġi lil Ġużeppi ma ġibulux biss it-teżori, iġibulu aħbar ta’ niket: Erodi qed ifittex li joqtol it-tarbija. U Ġużeppi jerġa jkollu messaġġ urġenti f’ħolma, it-tieni minn tliet messaġġi fil-ħolm li jirċievi Ġużeppi: “Aqbad lil omm u lil binha u mur fl-Eġittu” (Mt 2, 13). U Ġużeppi jsir refuġjat.
Kull meta intom fuq l-iscreens tat-televisions tagħkom taraw dawn il-mijiet ta’ nies li qegħdin jaħarbu l-periklu, il-persekuzzjoni, il-faqar u l-ġuħ, ftakru f’Ġużeppi. Intom li tant tħobbuh ftakru li wieħed minn dawk il-missirjiet jibku fuq il-fruntiera bejn il-Greċja u l-Maċedonja, jew bejn il-Maċedonja u l-Awstrija, setgħu kien jisimhom Ġużeppi. Ġużeppi kellu jaħrab minn pajjiżu u sab kenn fl-Eġittu u damu hemm sakemm miet Erodi. Ġużeppi kellu jissetilja fl-Eġittu ma’ Marija u ma’ Ġesù żgur jgħix bix-xogħol u l-ħidma tiegħu u Ġużeppi kellu jkun xhud tal-ewwel passi li għamel Ġesù, ta’ l-ewwel kelma li nissel Ġesù x’aktarx fl-Eġittu.
Ejjew nieqfu nirriflettu li l-qaddis li aħna tant inħobbu mhuwiex il-bogħod mit-tbatija ta’ tant nies li llum qegħdin ifittxu kenn fi xtutna u fl-Ewropa. Ir-risposta tagħna x’se tkun meta nħarsu lejn Ġużeppi u nifhmu li kien refuġjat bħalhom? Aħna kif se nistmawhom?
Ġużeppi jsalva lil Ġesù għat-tielet darba, għax skont l-Evanġelju ta’ San Mattew l-idea tiegħu kienet li jissetilja l-Lhudija u f’ħolm il-Mulej jgħidlu: ‘Le, għaliex hemm Arkelaws, it-tifel ta’ Erodi’. Ġużeppi allura qal: ‘mhux aħjar ma nirriskjax?’ (ara Mt 2, 20), u reġa’ ssetilja minn fejn kienu ġew, fil-Galilija, f’Nazaret.
Ġesù meta kiber, kien jitkellem ħafna dwar missieru, il-missier li hemm fis-smewwiet imma jiena perswaz li meta Ġesù kien juża’ l-kelma ‘missier’ il-Missier li huwa Alla l-Imbierek, kien jaħseb ukoll fil-missier ta’ din l-art, Ġużeppi. F’San Ġwann jgħid: jiena nara lil missieri jagħmel, u kull ma jagħmel hu, nagħmlu jien”. Jien meta nisma’ dik il-kelma, l-aħwa, naħseb f’Ġesù, tfajjel ċkejken addoloxxent fil-ħanut ta’ Ġużeppi jarah jaħdem l-injam, il-ħadid u jikkuppjah. Tant hu hekk li Ġesù ħa s-sengħa ta’ Ġużeppi, kien magħruf bħala l-mastrudaxxa. Nafu żgur, għax jgħidilna San Irinew, li Ġesù għamel moħriet u l-moħriet fih sengħa kbira, kif tafu, għax ma fihx biss l-injam imma għandu l-ħadid ukoll. L-Insara tal-Palestina, fl-ewwel sekli, kienu jgħożżu dan il-moħriet li għamel Ġesù bħala relikwa għażiża. Issa x’sar minnu ma nafux, imma għandna l-kitba ta’ San Irinew li jgħid li fil-Palestina ta’ żmienu, kienu għadhom jgħożżu dal-moħriet li għamel Ġesù. Allura meta Ġesù jgħid: “jekk inti m’intix kapaċi tmidd idek fuq il-moħriet u tħares ’il quddiem, ma tħarisx lura, m’intix tajjeb” għax inti l-moħriet trid tiddireġih imbagħad, ma tridx tkun distratt.
Minn Ġużeppi, Ġesù tgħallem ukoll x’jiġifieri l-barka tax-xogħol, x’jiġifieri l-barka tal-bżulija u tal-onestà, tgħallem x’jiġifieri tħobb fis-skiet. San Ġorġ Preca jimmaġina fis-sinagoga tal-ħbieb, diversi qaddisin li jkellmuna. Il-lezzjoni li San Ġorġ Preca kien iħobb ipoġġi fuq fomm San Ġużepp, kienet il-valur tas-silenzju. Aħna nħobbu npaċpċu ħafna, imma kemm hi ħaġa sabiħa li fil-ħajja tagħna niskopru wkoll kemm hu prezzjuż is-skiet li fih – mhux insiru mummji u ma nitkellmux, imma nisimgħu lil Alla jkellimna, inħallu lill-qalb tagħna tiddireġina.
San Ġużepp, meta Ġesù kellu tnax-il sena għamel tliet ijiem qalbu maqsuma jfittxu! Meta kont qiegħed naħseb jien fuq din il-qalb maqsuma ta’ San Ġużepp, min jaf kemm beka meta l-Madonna qaltlu: ‘dan mhux qiegħed ma’ sħabna, x’se naqbdu nagħmlu?’ Inwkieta, dawk il-battikati biex isalvah mill-mewt, ta’ tnax-il sena jagħmillu waħda tinkiteb, jibqa’ Ġerusalemm u ommu u hu rashom maqtugħa ifittxuh.
Jien għidt: San Ġużepp, inti bkejt għax ma kellekx lil Ġesù miegħek, inti taf x’jiġifieri tkun il-bogħod minn Ġesù. Inti taf x’jiġifieri tfittxu, nitolbok għal dawk li qegħdin ifittxuk, o Ġesù, biex minn San Ġużepp jitgħallmu ma jaqtgħux qalbhom.
Jiena lil San Ġużepp nitolbu biex iħares lil min tbiegħed mill-Knisja, tbiegħed mill-ħniena ta’ Ġesù, biex hu jkun il-protettur ta’ kull min qiegħed iterraq fit-toroq tal-ħajja jfittex, ifittex it-tgħanniqa tal-ħniena, ifittex il-kenn tal-imħabba, ta’ min jilqgħu mingħajr ma jiġġudikah, ta’ min jagħtih kelma ta’ wens.
Jekk aħna rridu nkunu tassew devoti ta’ San Ġużepp, irridu nimitawh f’dawn il-virtujiet naturali tiegħu u fl-ubbidjenza tiegħu għall-kmand tal-Mulej. Kull darba li l-Mulej kellem lil Ġużeppi fil-ħolm, l-Evanġelju jgħidilna li Ġużeppi “kif qam, għamel dak li kien qallu l-anġlu” (Mt 1, 24). M’hemmx eżitazzjoni!
Il-Papa Franġisku fuq il-komodina tas-sodda għandu statwa ta’ San Ġużepp rieqed. Din hija ikonografija għażiża fl-Amerka Latina għax San Ġużepp hu u rieqed jisma’ l-kelma ta’ Alla u l-Papa jħobb, taħt din l-istatwa ta’ San Ġużepp rieqed, ipoġġi xi nota b’xi talba speċjali. Għaliex San Ġużepp hu u rieqed jisma’ wkoll, jisma’ dejjem u jobdi lill-Mulej. “Kif qam, Ġużeppi għamel dak li ordnalu l-Mulej”. Ma raħx lil Ġesù msammar mal-għuda, ma raħx midfun, imma ltaqa’ miegħu f’Sibt il-Għid meta Ġesù newwel idejh lil Adam u lil Eva u lill-Patrijarki u żgur għannaq ma’ qalbu lil missier għażiż tiegħu ta’ din l-art u qallu: ‘idħol fil-hena ta’ Sidek, idħol qaddej fidil, inti li kont missier tiegħi fuq l-art, bit-tbatija li batejt nagħmlek missier tad-dixxipli tiegħi, missier u ħarries tal-Knisja tiegħi’.
Aħna nitolbuh lil San Ġużepp biex iħares lill-Knisja, lill-Papa, lilna l-Isqfijiet, lill-missjunarji, iħares lil din il-komunità għażiża biex aħna nimitawh fil-qalb ħelwa tiegħu, fl-imħabba safja tiegħu, fid-devozzjoni lejn martu u lejn Ġesù, u nitgħallmu minnu x’jiġifieri tmur ’l hinn mil-Liġi biex tħobb, x’jiġifieri tagħmel ħiltek biex tobdi lill-Mulej, x’jiġifieri tkun ħaddiem bieżel u rżin. Viva San Ġużepp!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta