“Il-Knisja f’Malta għandha storja twila ta’ għajnuna diretta lin-nies fil-bżonn permezz ta’  donazzjonijiet ta’ flus, ħwejjeġ u servizzi. Kuljum, kull ġimgħa u kull sena, il-poplu Malti jisma’, jinkuraġġixxi u jgħin nies fil-bżonn. Minn dejjem kellna tradizzjoni ta’ ħidma favur dawk li huma fil-bżonn; fil-fatt waħda mill-isbaħ karatteristiċi tal-Knisja tagħna hi l-ġenerożità tagħna b’risq oqsma ta’ emarġinazzjoni u faqar… Ftit huma l-appelli għall-għajnuna, f’Malta jew barra, li ma jkollhomx tweġiba ta’ ġenerożità li timpressjonak” (Djakonija u Ġustizzja, 6).

Dan hu kliem meħud mid-dokument tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta, Djakonija u Ġustizzja (2003). Hekk jgħid meta jitkellem fuq il-ħidma tal-Knisja f’Malta. Għal dawn is-60 sena, fil-qalba ta’ din il-ħidma, kien hemm is-Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS) tal-Azzjoni Kattolika Maltija li twaqqaf mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-1 ta’ Mejju ta’ 60 sena ilu.

Illum qed nirringrazzjaw lil Alla ta’ din il-ħidma kbira u ġeneruża. Is-Segretarjat Assistenza Soċjali kien pijunier f’diversi oqsma, u kien ukoll strumentali fit-twaqqif ta’ entitajiet ta’ ħidma soċjali li llum għandhom impatt kbir. Għalhekk nirringrazzjaw lil Alla mhux biss tal-ħidma diretta tas-Segretarjat, imma wkoll ta’ dak li ħareġ mill-ħidma tas-Segretarjat, bħalma jsir dejjem fil-ħajja tal-Knisja, u li ħalla tant ġid soċjali. Nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant nies li għamlu din il-ħidma fis-skiet, fil-kwiet, mingħajr daqq ta’ trombi, b’mod konsistenti, ħidma li ħalliet tant frott u li għenet fil-fejqan tal-ġrieħi fis-soċjetà Maltija, kif iħeġġiġna d-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed.

Motivazzjoni

X’kienet u x’inhi l-motivazzjoni ta’ din il-ħidma? Ġesù jgħid illum fl-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13:17). Ġesù kien għadu kif ħasad lid-dixxipli tiegħu meta ħaslilhom saqajhom, hu li kien l-Imgħallem u l-Mulej. Imma mbagħad ħasadhom aktar meta qalilhom li huma għandhom jaħslu saqajn xulxin. “Jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15) Għax Ġesù kien qal lid-dixxipli li hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45).

Nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant nies li għamlu din il-ħidma fis-skiet, fil-kwiet, mingħajr daqq ta’ trombi, b’mod konsistenti, ħidma li ħalliet tant frott u li għenet fil-fejqan tal-ġrieħi fis-soċjetà Maltija, kif iħeġġiġna d-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed

Il-ħidma ta’ assistenza soċjali kienet u hi mmotivata minn din l-imħabba kbira li wera Ġesù magħna, u li jridna nuru mal-oħrajn. Hu qalilna b’mod ċar li jidentifika ruħu ma’ dawk li huma fil-bżonn: Kont bil-ġuħ, bil-għatx, marid, barrani, għeri, fil-ħabs. Lilna qalilna: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Għalhekk, kif ifisser tant tajjeb il-Papa Franġisku: “Il-qadi dejjem iħares lejn il-wiċċ ta’ ħuk, imiss il-laħam ta’ ġismu, iħoss il-qrubija tiegħu u f’xi każi sa anki ‘jsofriha’, u jfittex li jgħolli ’l fuq lilu. Għalhekk il-qadi qatt mhu ideoloġija, għax ma jaqdix l-ideat, imma lill-persuni” (Fratelli tutti, 115).

Djakonija u Ġustizzja

Is-Sinodu Djoċesan fakkarna li ħafna drabi s-sensibbiltà Nisranija tagħna ma tasalx sa oqsma fejn minbarra l-għoti ta’ karità hemm ukoll kwistjoni ta’ ġustizzja. Għalhekk waħda mill-isfidi kbar għall-Knisja f’Malta, li kellna u li għad għandna, hi kif ngħaqqdu d-djakonija mal-ġustizzja: “Li nagħtu karità hu essenzjali, imma mhux biżżejjed: irridu ninżlu aktar fil-fond.  Irridu nsaqsu aktar mistoqsijiet. Dan hu x-xogħol tal-ġustizzja… Meta nagħtu karità nkunu qed nipprovdu servizz dirett bħal ikel, ilbies jew kenn; inkunu qed inwieġbu  għall-bżonnijiet immedjati li jistgħu ikunu effetti ta’ inġustizzja soċjali. Il-ħidma għall-ġustizzja hi orjentata lejn azzjoni pubblika, impenn politiku, ħidma ekonomika u kollettiva biex issir il-bidla. Turina t-triq lejn il-kawżi tal-inġustizzji soċjali. F’dan il-każ, il-Poplu kollu ta’ Alla għandu l-isfida u r-responsabbiltà biex jirrifletti fuq l-istrutturi soċjali li jnisslu l-inġustizzji, u jaħdem ma’ oħrajn biex jibdilhom sabiex noqorbu dejjem aktar lejn il-ġid komuni” (Djakonija u Ġustizzja, 7).

Għalhekk, hu tassew f’waqtu li matul is-snin is-Segretarjat Assistenza Soċjali żviluppa ħidma karitattiva marbuta mal-promozzjoni tal-ġustizzja u ispirata mill-Evanġelju u mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja. Nafu kemm huma importanti l-prinċipji ewlenin ta’ dan it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja: ir-rispett għall-ħajja, id-dinjità u d-drittijiet ta’ kull bniedem; l-imħabba preferenzjali għall-fqar u l-emarġinati, is-solidarjetà, is-sussidarjetà u l-ġid komuni. Nafu li kontinwament hemm bżonn inkunu ffurmati f’dan, u għalhekk hi tassew f’waqtha l-viżjoni tas-Segretarjat Assistenza Soċjali li tilqa’ dawn il-prinċipji bħala ispirazzjoni għall-ħidma tagħha, għall-azzjoni tagħha.

Rabta mal-Liturġija

Is-Sinodu Djoċesan ifakkarna li l-bażi tat-tweġiba tagħna għal din l-isfida ta’ ħidma ta’ djakonija u ġustizzja huma t-talb u l-liturġija, speċjalment meta nkunu miġbura madwar il-mejda tal-Ewkaristija. “Jekk din il-ħidma ma tkunx mibnija fuq relazzjoni personali ma’ Kristu fit-talb, malajr tispiċċa fix-xejn, filwaqt li liturġija li ma twasslilniex stedina ċara għas-servizz, għall-ġustizzja u fuq kollox għall-imħabba lejn xulxin, tkun ritwal vojt estern, imbiegħed mill-Evanġelju” (Djakonija u Ġustizzja, 38).

Għandna dejjem nevitaw ċentralizzazzjoni jew kontroll, jew li xi ħadd jaħseb li għandu l-monopolju jew superjorità f’xi qasam ta’ servizz, għax is-servizz jagħmilna nixbhu lil Kristu qaddej

Hu proprju fit-talb personali, fis-sehem tagħna fl-Ewkaristija, fis-smigħ u l-għajxien tal-Kelma ta’ Alla u fir-riflessjoni fuq il-vokazzjoni Nisranija li nistgħu nisimgħu u nifhmu s-sejħa li Alla jagħmlilna biex inkunu qaddejja ta’ dawk li huma fil-bżonn u naħdmu għall-ġustizzja. “Irridu nkunu Knisja li tgħin lill-membri tagħha jagħrfu ’l Kristu kemm fil-qsim tal-ħobż kif ukoll f’dawk li ma għandhomx ħobż” (Djakonija u Ġustizzja, 38).

Naħdmu flimkien

F’din il-ħidma tagħna bħala Knisja, hemm bżonn li nsaħħu l-kollaborazzjoni flimkien bejn dawk kollha impenjati fil-qasam tad-djakonija. Għalhekk hu tassew pożittiv li s-Segretarjat Assistenza Soċjali jfittex din il-ħidma flimkien mal-oħrajn. Għandna dejjem nevitaw ċentralizzazzjoni jew kontroll, jew li xi ħadd jaħseb li għandu l-monopolju jew superjorità f’xi qasam ta’ servizz, għax is-servizz jagħmilna nixbhu lil Kristu qaddej; imma fl-istess waqt, irridu naħdmu ħafna aktar flimkien, fir-rispett sħiħ tad-diversità imma li twassal għal servizz aħjar billi naqsmu bejnietna r-riżorsi u nevitaw dupplikazzjoni (ara Djakonija u Ġustizzja, 27).

Nixtieq nistedinkom biex inħarsu lejn il-futur b’fiduċja u b’tama li aħna nistgħu nkunu tassew sinjali tal-imħabba ta’ Alla mal-bniedem fil-bżonn. Nispiċċa bit-talba sabiħa tal-Papa Franġisku fl-għeluq tal-Enċiklika Fratelli Tutti, talba li nixtieq nagħmluha bi gratitudni b’qalbna għal dak kollu li Alla għamel permezz tas-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika, u b’awgurju għal aktar ħidma u impenn fis-snin li ġejjin:

Alla tagħna, Trinità ta’ mħabba,
mill-komunjoni qawwija tal-intimità divina tiegħek
sawwab fostna x-xmara tal-imħabba fraterna.
Roddilna l-imħabba li dehret fil-ġesti ta’ Ġesù,
fil-familja tiegħu ta’ Nazaret u fl-ewwel komunità Nisranija.
Lilna l-Insara agħtina li ngħixu l-Evanġelju
u li nagħrfu lil Kristu f’kull bniedem,
biex nilmħuh mislub fit-tbatijiet
tal-imwarrbin u tal-minsijin ta’ din id-dinja
u rxoxt f’kull wieħed u waħda minn ħutna
li jerġgħu jqumu fuq riġlejhom.
Ejja, Spirtu s-Santu!
Urina l-ġmiel tiegħek li jilma fil-ġnus kollha tal-art,
biex niskopru li lkoll aħna importanti, li kulħadd hu meħtieġ,
li aħna lkoll uċuħ differenti tal-istess umanità
maħbuba minn Alla.
Ammen.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Ritratti: Carl Farrugia