Dakinhar tad-90 Anniversarju, tat-twaqqif tal-Azzjoni Kattolika Maltija, id-19 ta’ Frar 2020, saret attività għall-istudenti u l-istaff fil-kappella tal-Università biex tħeġġeġ lill-persuni jkomplu niżirgħu t-tama; ikun xi jkun l-istat ta’ ħajjithom. L-attività bdiet bil-quddiesa li ssir ta’ kuljum, li tmexxiet minn Dun Keith Bonnici u Dun Bernard Micallef.
Dun Keith waqt il-quddiesa semma’ kif f’Malta l-ewwel żerriegħa nibtet fost l-istudenti tal-Università, b’inizjattiva tal-Professur Patri Danjel Callus, O.P. Fi Frar tal-1930, l-Arċisqof Mawru Caruana, O.S.B., approva l-istatut tal-ewwel fergħa tal-Azzjoni Kattolika f’pajjiżna, li ħadet l-isem ta’ Lega Universitaria Cattolica Maltese. Bil-mod il-mod f’diversi parroċċi bdew jitwaqqfu gruppi ta’ żgħażagħ imqanqlin mis-sejħa li kien għamel il-Papa Piju XI fl-Enċiklika Ubi Arcano, biex jitħeġġu u jieħdu sehem attiv fl-apostolat organizzat tal-Knisja.
Bir-rieda tal-Mulej iż-żerriegħa li nżergħet f’art tajba kellha min jieħu ħsiebha u jgħinha tixxettel ħalli tkun tista’ tagħti l-frott. Għalhekk, wara din il-quddiesa, tħawlet siġra taż-żebbuġ u tqassamu lapsijiet li wara li tużahom tista’ tiżragħhom u minnhom jikbru xtieli jew fjuri differenti. Matul din il-ġimgħa fejn il-kappella tal-Università twaqqfet board, fejn l-istudenti jisgħu jiktbu kummenti dwar dak li jgħinhom fil-ħajja tagħhom bħala student, u dak li jaqtagħlhom qalbhom. Din l-attività saret parti mill-proġett #90YearsofService, iffinanzjat mis-SIS li huwa mmaniġjat mill-Kunsill Malti tas-Settur tal-Volontarjat.