Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-ftuħ tal-Assemblea Djoċesana

Eċċellenza u ħuti, insellmilkom lilkom ilkoll miġburin għall-Assemblea Djoċesana din is-sena, u nsellem lil dawk kollha li qed isegwuna bħalissa online.

Għandi f’idejja hawnhekk diskors bit-titlu “Attitudni ta’ Knisja u Dixxerniment”. Tgħiduli: dak żgur meħud mid-dokument finali tas-Sinodu li sar f’Ottubru li għadda fuq is-sinodalità, jew mid-diskors tal-Papa Franġisku! Fil-fatt hu ftit iktar antik. Dan hu d-diskors li kien għamel fl-14 ta’ Ġunju 2001, Patri Arthur Vella, Ġiżwita, li ngħożżu l-memorja tiegħu, proprju fl-ewwel laqgħa tal-Assemblea tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta, biex jagħti direzzjoni lill-ħidma tas-Sinodu f’Malta.

Dixxerniment

Kien dan li serva ta’ ispirazzjoni għall-esperjenza tas-Sinodu f’Malta, u hu d-dixxerniment ekkleżjali wkoll fil-qalba tad-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, li segwejna matul dawn l-erba’ snin. Issa d-dixxerniment ekkleżjali qed jiġi propost fid-dokument finali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Id-dixxerniment ifisser li l-protagonista fil-ħajja tal-Knisja għandu jkun l-Ispirtu ta’ Alla, li aħna rridu nkunu l-ħin kollha miftuħa għalih u għall-ispirazzjoni tiegħu.

Id-dixxerniment bħala Knisja jibqa’ sfida ewlenija għalina lkoll, u fih irridu nitħarrġu aħna lkoll. Hu għalhekk li f’din l-Assemblea Djoċesana se jkollna l-opportunità għada li niltaqgħu fi gruppi, b’mod li nkunu parti mill-esperjenza ta’ dixxerniment ekkleżjali aħna u nħarsu lejn is-sena d-dieħla, is-Sena tal-Ġublew.

Sinodalità

L-esperjenza tas-Sinodu Djoċesan f’Malta, li dis-sena għalaq 25 sena mill-bidu tiegħu, tibqa’ esperjenza essenzjali għalina lkoll, li niftakru mhux b’xi nostalġija imma li nġibu quddiemna b’attwalità. Dan mhux biss għax diversi temi tad-dokumenti tas-Sinodu f’Malta f’dawn l-aħħar snin ġew enfasizzati mill-Papa Franġisku – u dan mhux għax qara d-dokmenti tas-Sinodu f’Malta imma għax konna fl-istess linja tiegħu – imma l-aktar għax il-metodu adottat f’dak is-Sinodu f’Malta hu l-istess wieħed adottat mis-Segreterija tas-Sinodu fl-esperjenza tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Id-dixxerniment bħala Knisja jibqa’ sfida ewlenija għalina lkoll, u fih irridu nitħarrġu aħna lkoll.

L-aqwa riżultat ta’ dik l-esperjenza f’Malta kien l-għarfien tas-sinodalità bħala t-triq ’il quddiem għall-Knisja. Din hija dejjem sfida għall-Knisja, kif urietna l-esperjenza ta’ Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed. Ikun hawn min jgħid “għadna ma bdejniex ngħixu s-sinodalità!” Imma din bħal meta ngħidu “għadna ma bdejniex ngħixu l-Konċilju!”, jew aktar minn hekk: “għadna ma bdejniex ngħixu l-Evanġelju!”. Il-verità hi li bdejna, hemm fejn ngħixu dan l-ispirtu u hemm fejn hu nieqes jew batut, hemm fejn nimxu flimkien u hemm fejn nimxu għal rasna. Il-kelma ta’ Alla għalhekk hi dejjem dawl u stimolu għalina, għax hekk kienet l-esperjenza tal-Knisja fil-bidu, kif juruna l-Atti tal-Appostli.

L-Arċisqof, ftit ġranet wara l-għeluq tas-Sinodu, waqqaf fl-Arċidjoċesi tagħna Vigarjat Episkopali għall-Koordinament Pastorali – Dun Andrè Zaffarese hu l-Vigarju Episkopali. F’dan diġà hemm deċiżjoni ċara favur is-sinodalità fil-prattika, li turi ruħha fil-ħidma flimkien fl-oqsma differenti pastorali. Matul is-sena d-dieħla, irridu naħdmu biex l-istrutturi ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni fil-Knisja f’Malta, li huma ħafna, jissaħħu biex jistgħu jilħqu aktar l-għanijiet tagħhom. Tibqa’ dejjem ta’ sfida kbira għall-Knisja li ngħaqqdu flimkien il-parteċipazzjoni u l-kreattività mal-unità, mal-armonija, fid-direzzjoni u fil-ħidma.

Knisja li toħroġ

Kif tafu, bħala Knisja aħna ddeċidejna li nieħdu bħala erba’ temi ċentrali, b’rabta mal-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, erba’ aspetti prinċipali, jiġifieri: Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’, Knisja li takkumpanja, Knisja li toħroġ f’missjoni.

Filwaqt li fittixna li nżommu quddiemna b’mod ċar ir-rabta intrinsika bejn dawn l-erba’ aspetti, li huma marbutin flimkien b’rabta intima, kull sena ffukajna aktar fuq aspett minnhom. Din is-sena t-tema kienet ‘Knisja li toħroġ’, jiġifieri l-enfasi fuq l-outreach, u fl-ewwel ġurnata tal-Assemblea, kif rajtu mill-persuni li mexxew it-talb, qed niffokaw fuq din it-tema, b’ħarsa lejn l-esperjenza ta’ din is-sena. Se nisimgħu, fost l-oħrajn, kif il-Knisja – kif jenfasizza l-Papa Franġisku anke reċentement fl-indirizz tiegħu lill-Assemblea Djoċesana ta’ Ruma – qed tfittex li turi viċinanza, kompassjoni, u tenerezza mal-persuni vulnerabbli.

Niżirgħu tama

Fit-tieni jum tal-Assemblea, għada l-Ġimgħa, se niffukaw fuq kif inkunu pellegrini tat-tama, b’ħarsa lejn is-sena d-dieħla, is-sena tal-Ġublew. Se jkollna għalhekk l-indirizz tal-Arċisqof li jitkellem kemm fuq l-esperjenza tas-Sinodu li hu għex mill-viċin il-Vatikan, u xi tfisser din għall-Knisja f’Malta, kif ukoll jagħti ħarsa lejn is-sena d-dieħla bit-tema tat-tama. L-Arċisqof żgur imiss punti nevralġiċi tal-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta. Wara l-messaġġ tal-Arċisqof, ikun hemm l-opportunità li nagħtu sehemna lkoll fi gruppi, b’rabta ma’ kif il-Knisja f’Malta tista’ tkun għajn ta’ tama.

Fi kliem il-Papa Franġisku, meta tkellem dwar is-Sinodu, l-għan hu li “nnibbtu ħolmiet ġodda, jitqanqlu profeziji u viżjonijiet, iwarrdu t-tamiet, nistimulaw fiduċja, ninfaxxaw il-ġrieħi, ninsġu relazzjonijiet, intellgħu żerniq ta’ tama, nitgħallmu minn xulxin, u noħolqu immaġinarju pożittiv li jdawwal l-imħuħ, isaħħan il-qlub, irodd il-qawwa lid-dirgħajn u jnebbaħna bil-viżjoni ta’ futur mimli bil-ferħ tal-Evanġelju” (Ftuħ tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, 3 ta’ Ottubru 2018). Jalla nagħtu lkoll sehemna biex hekk tkun ukoll l-esperjenza tal-Assemblea Djoċesana tal-Knisja f’Malta.

Nixtieq li nħeġġu ħafna l-parteċipazzjoni f’din l-Assemblea u frott ta’ din l-Assemblea. Iktar ma nipparteċipaw f’dan il-proċess, iktar inkunu qed nagħtu sehemna biex inkunu Knisja ħajja, Knisja li tagħraf il-missjoni tagħha u taqdiha b’ħeġġa u b’ġenerożità fid-dinja tal-lum, Knisja li tiżra’ t-tama. Nitolbu, għalhekk, lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina d-dawl u jgħinna nkunu dejjem f’attitudni ta’ dixxerniment ħa nagħrfu dak li hu qed jgħidilna llum u dak li hu qed jistedinna għalih, u nkunu tassew għajn ta’ tama.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti