L-SDS (Żvilupp Spiritwali fl-Iskejjel) organizza l-ewwel laqgħa għas-sena skolastika 2024-25 għar-religious counsellors li jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat u ċ-chaplains fl-iskejjel indipendenti fiċ-Ċentru Pastorali ta’ Ħ’Attard nhar il-Ħamis 26 ta’ Settembru 2024.
Għal din il-laqgħa attenda l-Arċisqof Charles Scicluna li sema’ lir-religious counsellors u ċ-chaplains jitkellmu dwar l-isfidi li jaffaċċjaw waqt ix-xogħol tagħhom fl-iskejjel tal-Istat u Indipendenti. Dawn qalu li biex jikbru fil-motivazzjoni fil-ministeru tagħhom hemm bżonn iktar komunikazzjoni, kollaborazzjoni u pjanar, talb kontinwu u spiritwalità personali, kif ukoll formazzjoni kontinwa, għarfien, ħsieb pożittiv u preparazzjoni.
Semmew ukoll kif għandu jkun hemm iktar rikonoxximent tas-sejħa tagħhom biex iservu, kif ukoll l-importanza ta’ relazzjoni tajba mal-amministrazzjoni tal-iskola minħabba li għandhom l-kapaċità li jkunu pont bejn l-istudenti u l-valuri spiritwali. L-Arċisqof fakkarhom kemm hu kruċjali li joħorġu u jilħqu liż-żgħażagħ u t-tfal fil-postijiet fejn jinsabu, speċjalment fl-iskejjel. Huwa hawnhekk li jitrawwem il-valur tad-djalogu li jwassal għal tagħlim meta l-istudenti jsaqsu l-mistoqsijiet. Anki jekk mhux dejjem wieħed ikollu risposta, ir-religious counsellors u ċ-chaplains għandhom responsabbiltà li jgħaqqduhom mal-imħabba ta’ Kristu għaliex hu biss jista’ jwassalhom għal dak li jkunu qed ifittxu.
L-Arċisqof enfasizza li r-rwol tal-ministeru m’għandux ikun meqjus bħala filantropiku jew ta’ welfare soċjali biss, iżda li jiffoka fuq il-persuna sħiħa – mhux biss spiritwalment iżda wkoll psikoloġikament.
Fil-laqgħa sar ukoll taħriġ qasir u interattiv dwar pedagoġija minn żewġ pastoral workers fi ħdan l-SDS – metodu ta’ tagħlim biex jiffaċilità l-ħidma tar-religious counsellors u ċ-chaplains mal-istudenti fl-iskejjel.